8. Nifhmu d-dnub biss fl-isfond tar-rapport mibni ma’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  29/10/1986.

1. Fil-katekeżi taċ-ċiklu preżenti nżommu dejjem quddiem għajnejna l-verità dwar id-dnub oriġinali, u fl-istess ħin nfittxu li nħarsu lejn ir-realtà tad-dnub fid-dimensjoni globali tal-istorja tal-bniedem.

L-esperjenza storika tikkonferma bil-manjiera tagħha dak li hemm espress mir-rivelazzjoni: f’ħajjet il-bniedem id-dnub  huwa kostantament preżenti, konstantament attwali . Mil-lat tal-għarfien uman dan huwa preżenti bħala l-ħażen morali, li minnu b’mod iktar dirett tokkupa ruħha l-etika (il-filosofija morali). Imma bil-mod tagħhom jokkupaw ruħhom ukoll friegħi oħra tax-xjenza antropoloġika ta’ karattru iktar deskrittiv, bħall-psikoloġija u s-soċjoloġija. Ħaġa hija ċerta: il-ħażen morali (l-istess bħat-tajjeb) jappartjeni għall-esperjenza umana, u minn hawn jitilqu biex jistudjawh d-dixxiplini kollha li jridu jidħlu hemm bħallikieku għal oġġett ta’ esperjenza.

2. Fl-istess ħin, però hemm bżonn ninnutaw li, ‘il barra mir-rivelazzjoni, ma nkunux nistgħu  nifhmu għal kollox lanqas nesprimu b’mod adegwat l-essenza nfisha tad-dnub (jew aħjar tal-ħażen morali bħala dnub). Huwa biss fuq l-isfond tar-rapport mibni ma’ Alla permezz tal-fidi li ssir tiftiehem ir-realtà totali tad-dnub. Fid-dawl ta’ tali rapport infittxu mela li niżviluppaw u napprofondixxu din il-fehma.

Jekk din hija r-rivelazzjoni u qabel kollox l-Iskrittura Mqaddsa, wieħed ma jistax jippreżenta l-verità tad-dnub fiha miġbur jekk ma jdurx lejn il-“bidu” nnifsu. F’ċertu sens id-dnub “attwali” wkoll jappartjeni għall-ħajja ta’ kull bniedem, isir għal kollox jiftiehem b’riferiment għal dak il-“bidu”, għal dak id-dnub tal-bniedem. U mhux biss għaliex dak li l-Konċilju ta’ Trentu jsejjaħ “sors tad-dnub” (“fomes peccati”), konsegwenza tad-dnub oriġinali, huwa fil-bniedem il-bażi u s-sors tad-dnubiet personali. Imma wkoll għaliex dak “l-ewwel dnub” tal-proġenituri jibqà f’ċertu qies il-“mudell” ta’ kull dnub imwettaq mill-bniedem b’mod personali. L-“ewwel dnub” kien fih innifsu wkoll dnub personali: għahekk l-elementi singoli tal-“istruttura” tiegħu jinsabu b’xi mod f’kull dnub ieħor tal-bniedem.

3. Il-Konċilju Vatikan II ifakkar: “Imsawwar minn Alla fi stat ta’ qdusija, il-bniedem, iżda, ittentat mill- malizzjuż . . . abbuża mil-libertà tiegħu, waqt li ħadha kontra Alla u xxennaq biex  jilħaq l-għan tiegħu ‘l barra minn Alla” (Gaudium et Spes, 13). B’dan il-kliem il-Konċilju  jittratta d-dnub tal-proġenituri mwettaq fl-istat tal-ġustizzja oriġinali. Imma wkoll f’kull dnub imwettaq minn kwalunkwè bniedem ieħor tul il-kors tal-istorja, fl-istat ta’ fraġilità morali ereditarja, jirrifletti dawk l-istess elementi essenzjali. F’kull dnub, infatti, mifhum bħala att personali tal-bniedem, huwa  kontenut “abbuż tal-libertà” partikolari, jiġifieri użu ħażin tal-libertà, tar-rieda libera. Il-bniedem bħalaa esseri maħluq, jabbuża mil-libertà tar-rieda tiegħu meta jħaddimha kontra l-volontà tal-Ħallieq propju tiegħu, meta fl-imġieba tiegħu “iqum kontra Alla”, meta jfittex li “jilħaq l-għana tiegħu ‘l barra min Alla”.

4. F’kull dnub tal-bniedem itennu ruħhom l-elementi essenzjali, li sa mill-bidu jikkostitwixxu il-ħażen morali tad-dnub fid-dawl tal-verità rivelata dwar Alla u dwar il-bniedem. Jippreżentaw ruħhom fi grad ta’ intensità differenti minn dak tal-ewwel dnub, imwettaq fi stat ta’ ġustizzja oriġinali. Id-dnubiet personali, imwettqa wara d-dnub oriġinali, huma kkondizzjonati mill-istat ta’ inklinazzjoni ereditarja għall-ħażen (“il-fomite tad-dnub”), f’ċertu sens diġa mill-punt tat-tluq innifsu. Madankollu tali sitwazzjoni ta’ dgħufija ereditarja ma tħassarx il-libertà tal-bniedem u għalhekk f’kull dnub attwali (personali) hemm miġbur abbuż tassew tal-libertà kontra r-rieda ta’ Alla. Il-grad ta’ dan l-abbuż, kif wieħed jaf, jistà jvarja, u minn hawn jiddependi wkoll il-grad ta’ ħtija ta dak li jidneb. F’dan is-sens hemm bżonn napplikaw qies differenti għad-dnubiet attwali, meta rridu nivvalutaw il-grad tal-ħażen miġbur fihom. Minn hawn ukoll tiġi d-differenza bejn dnub “gravi” u dnub “venjal”. Jekk id-dnub gravi huwa  kontemporanjament “mortali”,dan huwa għaliex jikkawża t-telf tal-grazzja santifikanti f’dak li jikommettih.

5. San Pawl waqt li jitkellem dwar id-dnub ta’ Adam, jiddeskrivih bħala “diżubbidjenza” (cf. Rm 5, 19): dak enfasizzat mill-Appostlu jgħodd ukoll għal kull dnub “attwali” li l-bniedem iwettaq. Il-bniedem jidneb billi jikser il-kmandament ta’ Alla,  mela huwa “diżubbidjenti” lejn Alla bħala Leġiżlatur suprem. Din id-diżubbidjenza, fid-dawl tar-rivelazzjoni, hija fl-istess ħin ksur tal-patt ma’ Alla. Alla, kif nafuh mir-rivelazzjoni, huwa infatti l-Alla tal-patt u propju bħala Alla tal-patt huwa Leġiżlatur. Idaħħal infatti l-liġi tiegħu fil-kuntest tal-patt mal-bniedem, waqt li jirrendiha kondizzjoni fundamentali tal-patt innifsu.

6. Hekk kien diġa f’dak il-patt oriġinali, li, bħal ma naqraw fil-Ġenesi, ġie miksur “fil-bidu”. Imma dan jidher ferm iktar ċar fir-rapport tal-Mulej Alla lejn Iżrael fiż-żmenijiet ta’ Mosè. Il-patt strett mal-poplu magħżul taħt il-muntanja Sinaj (cf. Es 24, 3-8), għandu fih bħala parti kostituttiva l-Kmandamenti: id-Dekalogu (cf. Es 20; Dt 5). Dawn jikkostitwixxu l-prinċipji fundamentali u analjenabbli tal-imġieba ta’ kull bniedem fir-rigward ta’ Alla u fir-rigward tal-krejaturi l-oħra, bl-ewwel fosthom il-bniedem.

7. Skont it-tagħlim miġbur fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, tali prinċipji fundamentali u inaljenabbli ta’ kondotta, rivelati fil-kuntest tal-allejanza tas-Sinaj, fir-realtà jinsabu “miktuba fil-qalb” ta’ kull bniedem, ukoll b’mod indipendenti mir-rivelazzjoni magħmulha lill-Iżrael. Infatti l-Appostlu jikteb: “Meta l-pagani, li m’għandhomx liġi, minn-natura jaġixxu skont il-liġi, huma, minkejja li m’għandhomx liġi, huma liġi għalihom infushom: huma juru li dak li l-liġi tesiġi huwa miktub f’qalbhom bħal ma jirriżulta mix-xhieda tal-kuxjenza tagħhom u mill-istess raġunamenti tagħhom, li issa jakkużawhom u issa jiddefenduhom” (Rm 2, 14-15).

Mela l-ordni moralii, ikkonvalidata minn Alla bir-rivelazzjoni tal-liġi fl-ambitu tal-patt, diġa għandha konsistenza fil-liġi “miktuba fil-qlub”, ukoll ‘il barra mill-konfini mmarkati tal-liġi możajka u mir-rivelazzjoni: nistgħu ngħidu li hija miktuba fl-istess natura razzjonali tal-bniedem, kif jispjega b’mod eċċellenti San Tumas meta jitkellem mil- “lex naturae” (Summa Theol., I-II, q. 91, a. 2; q. 94, aa. 5-6). It-twettiq ta’ din il-liġi jiddetermina l-valur morali tal-atti tal-bniedem, jagħmel iva li huma jkunu tajbin. Għal kuntrarju il-ksur tal-liġi “miktuba fil-qlub”, jiġifieri fl-istess natura razzjonali tal-bniedem, jagħmel iva li l-atti umani jkunu ħżiena. Huma ħżiena għaliex jopponu l-ordni oġġettiva tan-natura umana u tad-dinja, li warajha hemm Alla, il-Ħallieq tiegħu. Għalhekk ukoll f’dan l-istat ta’ koxjenza morali illuminat minn prinċipji tal-liġi naturali, att moralment ħażin huwa dnub.

8. Għad-dawl tal-liġi rivelata l-karattru tad-dnub jiġi enfasizzat iktar maġġorment. Il-bniedem jippossiedi allura għarfien iktar kbir ta’ ksur ta’ liġi b’mod espliċitu u pożittiv stabbilitha minn Alla. Għandu mela wkoll l-għarfien li jopponi għar-rieda ta’ Alla, u f’dan is-sens, li “ma jobdix”. Dan mhux biss tad-diżubbidjenza lejn il-prinċipju astratt ta’ mġieba, imma lejn il-prinċipju li fih tieħu forma l-awtorità “personali” ta’Alla: lejn prinċipju li fih jesrimu ruħhom l-għerf u l-providenza tiegħu. Il-liġi kollha morali hija ddettata  minn Alla minħabba s-solleċitudni tiegħu  għall-veru ġid tal-ħolqien, u b’mod speċjali għall-ġid tal-bniedem. Propju dan il-ġid inkiteb minn Alla fil-patt, minnu magħmul mal-bniedem: kemm fl-ewwel patt tas-Sinaj, per mezz ta’ Mosè u fl-aħħar, f’dak definittiv, rivelat fi Kristu u magħmul fid-demm tal-fidwa tiegħu (cf. Mk 14, 24; Mt 26, 28; 1 Kor 11, 25; Lq 22, 20).

9. Meta wieħed jara fuq dan l-isfond, id-dnub bħala “diżubbidjenza għal-liġi, jidher aħjar fil-karattru iegħu ta’ “diżubbidjenza” lejn Alla personali: lejn Alla bħala Leġiżlatur, li fl-istess ħin huwa Missier li jħobb. Dan il-messaġġ, diġa espress b’mod profound fit-Testment il-Qadim (cf. Os 11, 1-7), isib l-espressjoni tiegħu iktar sħiħa fil-parabbola tal-iben il-ħali (cf. Lq 15, 18-21). Fi kwalunkwè każ id-diżubbidjenza lil Alla, jiġifieri l-oppożizzjoni għar-rieda tiegħu ħallieqa u feddejja, inkludenti x-xewqa tal-bniedem “li jilħaq il-għan tiegħu ‘il barra minn Alla”, hija abuż tal-libertà” (Gaudium et Spes, 13).

10. Meta Ġesù Kristu, il-jum ta’ qabel il-passjoni tiegħu, jitkellem dwar id-“dnub” li fuqu l-Ispirtu Santu jrid “jikkonvinċi lid-dnja”, jispjega n-nuqqas ta’ dan id-dnub bil-kliem: “Għaliex ma jemmnux fija” (Ġw 16,9). Dik il-“ma jemmnux” lil Alla hija sa ċertu punt l-ewwel forma fundamentali tad-dnub, li l-bniedem jikkummetti kontra l-Alla tal-patt. Din il-forma ta’ dnub kienet diġa wriet ruħha fid-dnub oriġinali, li dwarha jitkellem f’ Ġen 3. Għaliha kienet irriferiet, biex teskludiha, ukoll il-liġi mogħtija fil-patt tas-Sinaj: “Jiena jien il-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, mill-kundizzjoni ta’ skjavitù: ma jkollokx allat oħra qabli” (Es 20, 2-3). Għaliha jirreferu wkoll il-kliem ta’ Ġesù fiċ-ċenaklu u l-Vanġelu kollu u t-Testment il-Ġdid.

11.Din l-inkredulità, dan in-nuqqas ta’ fiduċja f’Alla li irrivela ruħu bħala Ħallieq, Missier u Feddej, jindikaw li, waqt li jidneb, il-bniedem mhux biss jikser il-kmandament (il-liġi), imma realment “jeħodha kontra” Alla stess, “waqt li jixxennaq biex iwettaq l-għan tiegħu ‘l barra minn Alla”. B’dan il-mod fl-għeruq ta’ kull dnub attwali nistgħu insibu r-rifless, forsi imbiegħed imma mhux inqas reali, ta’ dak il-kliem li jinsab fis-sies tal-ewwel dnub: il-kliem tat-tentatur, li kien jippreżenta d-diżubbidjenza lejn Alla bħala t-triq biex wieħed ikun bħal Alla; u biex jagħraf, bħal Alla, “it-tajjeb u l-ħażin”.

Imma bħal ma għidna, ukoll fid-dnub attwali, fejn jidħol id-dnub gravi (morali), il-bniedem jagħżel lilu nnifsu kontra Alla, jagħżel il-ħolqien kontra l-Ħallieq, iwarrab l-imħabba tal-Missier bħall-iben il-ħali fl-ewwel fażi tal-avventura belha tiegħu. F’ċertu qies kull dnub tal-bniedem jesprimi dak il- “mysterium iniquitatis” (2 Ts 2, 7), li Santu Wistin ġabar fil-kliem: “amor sui usque ad contemptum Dei”: l-imħabba tiegħu nnifsu sad-disprezz ta’ Alla (“De Civitate Dei”, XIV, 28: PL 41, 436).

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb