9. Id-dimensjoni soċjali tad-dnub u l-ambjent spiritwali negattiv tad-dinja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  05/11/1986.

1. Fil-katekeżi ta’ dan iċ-ċiklu dwar id-dnub, meqjus fid-dawl tal-fidi, l-oġġett dirett tal-eżami huwa d-dnub attwali (personali), dejjem madankollu b’riferenza għall-ewwel dnub, li ħalla l-konsegwenzi tiegħu f’kull dixxendent ta’ Adam, u li għalhekk huwa msejjaħ id-dnub oriġinali.

Minħabba d-dnub oriġnali l-bnedmin jitwieldu fi stat ta’ dgħufija morali ereditarja u faċilment jaqbdu t-triq tad-dnubiet personali, jekk ma jikkorrispondux mal-grazzja offrutha minn Alla lill-umanità, permezz tal-fidwa operatha minn Kristu.

Dan iġagħlna ninnutawh il-Konċilju Vatikan II, meta fost l-oħrajn jikteb: “Il-ħajja umana kollha, kemm hi individwali kif ukoll dik kollettiva, tippreżenta il-karattri ta’ lotta drammatika bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam. Anzi l-bniedem isib lilu nnifsu mhux kapaċi li jissupera b’mod effikaċi minnu nfih l-istess attakki tal-ħażen . . . Imma l-Mulej innifsu ġie biex jeħles lill-bniedem u biex jagħtih qawwa, ħalli jiġġedded  minn ġewwa” (Gaudium et Spes, 13). F’dan il-kuntest ta’ tensjoni u ta’ konflitt marbutn mal-kondizzjoni tan-natura umana mdgħajfa,  tiġi ppożizzjonata kull riflessjoni dwar id-dnub personali.

2. Dan għandu din il-karatteristika essenzjali, li jkun dejjem l-att responsabbli ta’ persuna determinata, att inkompatibbli mal-liġi morali u allura oppost għar-rieda ta’ Alla. X’jinvolvi u x’jinkludi fih dan l-att, nistgħu niskopruh bl-għajnuna tal-Bibbja. Diġa fit-Testment il-Qadim insibu diversi espressjonijiet użati biex jindikaw il-waqtiet  u l-aspetti differenti tar-realtà tad-dnub fid-dawl tar-rivelazzjoni divina. Hekk xi minn daqqiet jiġi msejjaħ sempliċement “il-ħażen” (“ra’”): min jikkummetti d-dnub, jagħmel “dak li hu ħażin f’għajnejn il-Mulej”  (Dt 31, 29). Għalhekk il-midneb, meqjus ukoll bħala “irriverenti” (“rasa”) huwa dak li “jinsa lil Alla”  (Sal 9, 18), li “ma jridx jagħraf lil Alla” (Ġb 21, 14), li fih “mhemmx biżà ta’ Alla” (Sal 35, 2), dak li ma “jafdax fil-Mulej” (Sal 31, 10), anzi, dak li “jiddisprezza lil Alla (Sal 9, 34), billi jemmen li “l-Mulej ma jarax” (Sal 94 (93), 7) u “ma jitlobx kont” (Sal 9, 34). U iktar il-midneb (l-irriverenti) huwa dak li ma jibżax jaħqar lill-ġusti (Sal 12 (11), 9), linqas li “jagħti t-tort lir-romol u lill-iltiema” (Sal 82 (81), 4; 94 (93), 6), u linqas li “jpatti t-tajjeb bil-ħażin” (Sal 108, 2-5). L-oppost tal-midneb huwa, fl-Iskrittura Mqaddsa, il-bniedem ġust (“sadiq”). Id-dnub mela huwa, fis-sens l-iktar wiesà tal-kelma, l-inġustizzja.

3. Din l-inġustizzja mill-bosta forom tagħha ssib l-espressjoni tagħha wkoll fit-terminu “tiżen”, li fih hemm preżenti l-idea ta’ tort mogħti lill-ieħor, lil dak li d-drittijiet tiegħu ġew  miksura bl-azzjoni li tikkostitwixxi appuntu d-dnub. L-istess kelma madankollu tfisser ukoll “ribelljoni” kontra s-superjuri, tant iktar gravi jekk hija ndirizzatha kontra Alla, bħal ma naqraw fil-profeti. “Rabbejt u kabbart lil uliedi, imma huma rribellaw kontrija”  ( 1, 2; cf. 48, 8-9; 2, 3).

Dnub mela jfisser “inġustizzja”. Fl-istess ħin din il-kelma, skont il-Bibbja, tenfasizza l-istat pekkaminuż tal-bniedem, inkwantu ħati tad-dnub. Infatti, etimoloġikament, dan ifisser “devjazzjoni mit-triq it-tajba” jew inkella “distorsjoni” jew “deformazzjoni”: il-vera tkun barra mill-ġustizzja. Il-kuxjenza ta’ dan l-istat ta’ nġustizzja  tidher f’dik l-istqarrija  mnikkta ta’ Kajjin: “Kbira wisq ħtijieti biex tikseb il-maħfra!” (Ġen 4, 13); u f’dik l-oħra tas-salmista: “L-azzjonijiet ħżiena tiegħi issuperaw rasi, bħal tagħbija tqila għaffġuni” (Sal 37, 5). Il-ħtija – l-inġustizzja –  tinvolvi ksur ma’ Alla, espress bit-terminu “hata”, li etimoloġikament ifisser “nuqqas lejn xi ħadd”. Għalhekk hawn hi l-ħafna l-oħra ta’ kuxjenza tas-salmista: “kontrik biss jiena dnibt!” (Sal 50, 6).

4. Dejjem skont l-Iskrittura Mqaddsa id-dnub, minħabba dik in-natura essenzjali tiegħu ta’ “nġustizzja”, huwa offiża ta’ Alla, ingratitudni għall-benefiċċji tiegħu, saħansitra disprezz lejn il-Persuna qaddisa tiegħu. “Għaliex mela ddisprezzajt l-kelma tal-Mulej billi tagħmel dak li hu ħażin f’għajnejh?” – jistaqsi l-profeta Natan lil David wara d-dnub tiegħu – (2 Sam 12, 9). Id-dnub huwa wkoll tebgħa u impurità. Għalhek Eżekjel jitkellem dwar “kontaminazzjoni” bid-dnub, speċjalment bid-dnub tal-idolatrija li spiss jiġi mqabbel mill-profeti mal-“adulterju” (cf. Os 2, 4-7). Għalhekk ukoll is-salmista jitlob “Naddafni bl-issopu u nkun nadif; aħsilni u nkun ibjad mis-silġ” (Sal 50, 9).

F’dan l-istess kuntest jistà jinftiehem aħjar il-kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu: “Dak li joħroġ mill-bniedem, dan iniġġes il-bniedem . . . Mil-qalb tal-bnedmin, joħorġu l-intenzjonijiet ħżiena: fornikazzjoni, serq, omiċidji, adulterji,  regħba, kattiverija, ingann, impurità, għira, kalunja, suppervja , stupidità. Dawn il-ħwejjeġ kollha . . . iniġġsu lill-bniedem” (Mk 7, 20-23; cf. Mt 15, 18-20). Wieħed irid josserva li fil-lessiku tat-Testment il-Ġdid lid-dnub ma jiġux mogħtija tant ismijiet korrispondenti għal dawk tal-Qadim: jiġi msejjaħ b’mod speċjali bil-kelma Griega “anomía” (inikwità,inġustizzja,oppożizzjoni għas-saltna ta’ Alla; cf. Mk 7, 23; Mt 13, 41; 24, 12; 1 Ġw 3, 4). Barra minn dan bil-kelma “amartía” (żball, nuqqas); jew inkella b’“opheilema” (dejn; “aħfrilna d-djun tagħna . . .” = dnubiet) (Mt 6, 12; Lc 11, 4).

5. Għadna kemm smajna l-kliem ta’ Ġesù li jiddeskrivu d-dnub bħal xi ħaġa li tiġi “mill-qalb” tal-bniedem, mill-intimu tiegħu. Dan jenfasizza l-karattru essenzjali tad-dnub. Waqt li jitnissel fl-intimu tal-bniedem, fir-rieda tiegħu, id-dnub, mill-essenza tiegħu stess huwa dejjem att tal-persuna (“actus personae”). Att  konxju u ħieles, li fih tesprimi ruħha r-rieda libera tal-bniedem. Fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju ta’ libertà biss, u allura fuq l-fatt tad-deliberazzjoni, wieħed jistà jistabilixxi l-valur morali. Biss għal din ir-raġuni nistgħu niġġudikawh bħala ħażen fis-sens morali, hekk bħal ma niġġudikaw u napprovaw bħala tajjeb att konformi man-norma oġġettiva tal-morali, u fl-aħħarnett mar-rieda ta’ Alla. Dak biss li jitnissel mir-rieda libera jimplika r-responsabbiltà personali: u f’dan is-sens biss att konxju u liberu tal-bniedem li jopponi ruħu għan-norma morali (għar-rieda ta’ Alla), għal-liġi, għall-kmandamet u fl-aħħarnett għall-kuxjenza, jikkostitwxxi ħtija.

6. Huwa f’dan is-sens individwali u personali li l-Iskritturaa Mqaddsa titkellem dwar id-dnub, ġaladarba dan per prinċipju jagħmel referenza lil suġġett deċiżiv, lill-bniedem li huwa l-awtur. Ukoll meta f’xi passi titfaċċa l-espressjoni “id-dnub tad-dinja”, tali sens ma jiġix imgiddeb, talinqas għal dak li jirrigwarda l-każwalità u r-responsabbiltà tad-dnub. Id-“dinja” bħala tali ma tistax tkun l-awtur tad-dnub: jistà jkun biss esseri razzjonali u liberu li jinsab fid-dinja, jiġifieri l-bniedem (jew fi sfera oħra ta’ esseri, ukoll l-ispirtu pur maħluq, jiġifieri l-“anġlu”, bħal ma rajna f’katekeżi preċedenti).

L-espressjoni “id-dnub tad-dinja” tinsab fil-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Dan hu l-ħaruf ta’ Alla, dan hu dak li jneħħi d-dnub  tad-dinja” (Ġw 1, 29: fil-formula liturġika insibu: “id-dnubiet tad-dinja”). Fl-ewwel Ittra tal-Appostlu nsibu pass ieħor li jdoqq hekk: “Tħobbux la lid-dinja, laanqas il-ħwejjeġ tad-dinja! . . .għaliex dak kollu li jinsab fid-dinja, il-konkupixxenza tal-ġisem, il-konkupixxenza tal-għajnejn u s-suppervja tal-ħajja ma jiġux mill-Missier, imma mid-dinja” (1 Ġw 2, 15-16). U bi kliem ferm iktar drastiku: “Aħna nafu li aħna minn Alla, waqt li dak kollu tad-dinja jistrieħ taħt il-poter tal-malizzjuż” (1 Ġw 5, 19).

7. Kif għandu wieħed jifhem din l-espressjoni dwar “id-dnub tad-dinja”? il-passi li kkwotajna jindikaw b’mod ċar li hawn ma tidħolx id-“dinja” bħal ħolqien ta’ Alla, imma bħala dimensjoni speċifika,  kważi spazju spiritwali magħluq għal Alla, li fih, a bażi tal-libertà maħluqa, tnissel il-ħażen. Dan il-ħażen trasferit fil-“qalb” tal-proġenituri taħt l-influss tas-“serp l-antik”  (Ġen 3 e Ap 12, 9), jiġifieri satana, “missier il-gidba”, ta frott ħażin sa mill-bidu tal-istorja tal-bniedem. Id-dnub oriġinali ħalla warajh dik il-“fomite tad-dnub”, jiġifieri l-konkupixxenza tripla, li twassal lill-bniedem għad-dnub. Minn naħa tagħhom bosta dnubiet personali mwettqa mill-bnedmin jiffurmaw kważi “ambjent tad-dnub”, li minn naħa tiegħu joħloq il-kondizzjonijiet għal dnubiet personali ġodda, u b’xi mod iwassal u jħajjar lill-bnedmin individwali. Għalhekk “id-dnub tad-dinja” ma jidentifikax ruħu mad-dnub oriġinali, iżda jikkostitwixxi kważi sintesi jew somma tal-konsegwenzi tiegħu fl-istorja tal-ġenerazzjonijiet individwali u allura tal-umanità kollha kemm hi.  Jiġri li jġibu fuqhom ċerta marka tad-dnub ukoll l-inizjattivi differenti, it-tendenzi, ir-rejaliżazzjonijiet u l-istituzzjonijiet umani, ukoll f’dawk “il-ġabriet flimkien” li jikkostitwixxu l-kulturi u ċ-ċiviltajiet, u li jikkondizzjonaw il-ħajja u l-imġieba tal-bnedmin individwalment. F’dan is-sens  jistà forsi wieħed jitkellem minn dnub tal-istrutturi, għal dik ta’ “infezzjoni” li mill-qlub tal-bnedmin tinfirex fl-ambjenti li fihom jgħixu u fl-istrutturi li minnhom hija mmexxija u kkondizzjonata l-eżistenza tagħhom.

8. Id-dnub infatti, minkejja li jżomm il-karattru essenzjali tiegħu ta’ att personali, jippossiedi fl-istess ħin dimensjoni soċjali, li dwarha tkellimt fl-eżortazzjoni apostolika postsinodali dwar ir-rikonċiljazzjoni u l-penitenza ppubblikata fl-1983. Bħal ma kont ktibt f’dak id-dokument, “titkellem dwar dnub soċjali jfisser, qabel xejn, tagħraf li, bis-saħħa ta’ solidarjetà umana hekk misterjuża u imperċettibbli daqskemm reali u konkreta, id-dnub ta’ kull wieħed għandu impatt b’xi mod fuq l-oħrajn. Din hija, il-faċċata l-oħra ta’ dik is-solidarjetà li f’livell reliġjuż, tiżviluppa fil-misteru profond u manifiku tal-Komunjoni tal-qaddisin, grazzi għal-liema stajna ngħidu li «kull ruħ tgħolli lilha nfisha, tgħolli d-dinja». Għal din il-liġi tal-axxensjoni tikkorrispondi,  sfortunatament, il-liġi tal-inżul,  hekk wieħed jistà jitkellem minn komunjoni tad-dnub, minħabba liema ruħ li titbaxxa għad-dnub tbaxxi magħha lill-Knisja u, b’xi mod, id-dinja kollha kemm hi” (Reconciliatio et Paenitentia, 16).

Imbagħad l-eżortazzjoni titkellem dwar dnubiet li b’mod partikolari jimmeritaw li jkunu kkwalifikati bħala “dnubiet soċjali”, tema li dwarha nerġgħu nitkellmu fil-qasam ta’ ċiklu ieħor ta’ katekeżi.

9. Minn dak ta’ hawn fuq, jirriżulta b’mod ċar biżżejjed li d-“dnub soċjali” mhux l-istess ħaġa li hu l-bibbliku “dnub tad-dinja”. U b’dana kollu wieħed għandu jagħraf li biex jifhem id-“dnub tad-dinja” irid jieħu in konsiderazzjoni mhux biss id-dimensjoni personali tad-dnub, imma wkoll dik soċjali. L-eżortazzjoni Reconciliatio et Paenitentia tkompli: “M’hemm ebda dnub, ukoll l-iktar intimu u sigriet, l-iktar individwali b’mod strett, li jirrigwarda b’mod esklussiv lil dak li jwettqu. Kull dnub għandu impatt,  b’intensità maġġuri  jew minuri, b’dannu maġġuri jew minuri, fuq ix-xirka ekkleżjali kollha u fuq il-familja umana kollha kemm hi. Skont din l-ewwel tifsira, lil kull dnub wieħed jistà  jagħtih b’mod indiskutibbli l-karattru ta’ “dnub soċjali”. F’dan il-punt nistgħu  nikonkludu billi nosservaw li d-dimensjoni soċjali tad-dnub tispjega aħjar għaliex id-dinja ssir dak l-“ambjent” spiritwali negattiv speċifiku, li għalih tissuġġerixxi l-Iskrittura Mqaddsa meta titkellem mid-“dnub tad-dinja”.  

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb