1. Il-ħolqien tal-esseri purament spiritwali, li l-Iskrittura Mqaddsa ssejjaħ “anġli”


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-anġli. Udjenza Ġenerali –  09/07/1986.

1. Il-katekeżi tagħna dwar Alla, ħallieq tad-dinja, ma jistgħux ikunu konklużi mingħajr ma niddedikaw attenzjoni adegwata għall-kontenut preċiz tar-rivelazzjoni divina: il-ħolqien tal-esseri purament spiritwali, li l-Iskrittura Mqaddsa ssejjaħ “anġli”.

Tali ħolqien jidher ċar fis-Simboli tal-fidi, b’mod partikolari fis-Simbolu Niċen-konstantinoplitan: “Nemmen f’Alla wieħed, Missier omnipotenti, Ħallieq tas-sema u l-art, tal-ħwejjeġ kollha (jiġifieeri enti u esseri) viżibbli u inviżibbli”. Nafu li l-bniedem igawdi, fl-intern tal-ħolqien, minn pożizzjoni singolari: grazzi għal ġismu huwa jappartjeni għad-dinja viżibbli, waqt li għal ruħu spiritwali li tgħajjex lill-ġisem, huwa jinsab kważi fil-konfini bejn il-ħolqien viżibbli u dak inviżibbli. Għal dan tal-aħħar, skont il-Kredu li l-Knisja tipprofessa fid-dawl tar-rivelazzjoni, jappartjenu esseri oħra, purament spiritwali,, mela mhux propju tad-dinja viżibbli, ukoll jekk preżenti u operanti fiha. Dawn jikkostitwixxu dinja speċifika.

2. Illum, bħal fiż-żminijiet l-imgħodija, wieħed jiddiskuti b’għerf ikbar jew inqas fuq dawn l-esseri spiritwali. Wieħed jeħtieġ jagħraf li l-konfużjoni kultant kbira, bir-riskju konsegwenti li jitgħadda bħala fidi tal-Knisja dwar l-anġli dak li ma jappartinix għall-fidi jew viċi-versa, li jitħalla barra xi aspett importanti tal-verità rivelata. L-eżistenza tal-esseri spiritwali, li l-Iskrittura Mqaddsa soltu ssejjaħ “anġli”, diġa kienet miċħuda fiż-żminijiet ta’ Kristu mis-Saduċej (cf. At 23, 8). Jiċħduha wkoll il-materjalisti u r-razzjonalisti taż-żmenijiet kollha. Madankollu, bħal ma josserva b’mod akut tejologu modern, “ jekk trid teħles mill-anġli, hemm bżonn li tirrevedi b’mod radikali l-Iskrittura Mqaddsa stess u magħha l-istorja kollha tas-salvazzjoni” (A. Winklhofer, Die Welt der Engel, Ettal 1961, p. 144, nota 2; in Mysterium Salutis, II, 2, p. 726). It-Tradizzjoni kollha hija unanima dwar din il-kwestjoni. Il-Kredu tal-Knisja huwa wara kollox diwja ta’ dak li Pawlu jikteb lill-Kolossin: “billi per mezz tiegħu (ta’ Kristu) ġew maħluqa l-ħwejjeġ kollha, dawk fis-smewwiet u dawk fl-art, dawk li jidhru u dawk li ma jidhrux Tronijiet, Dominazzjonijiet, Prinċipati Potestajiet, il-ħwejjeġ kollha ġew maħluqa per mezz tiegħu u bi tħejjija għalih” (Kol 1, 16). Biex inkunu preċiżi il-Kristu li, bħala Iben-Verb etern u konsustanzjali mal-Missier  huwa “ġġenerat qabel kull krejatura” (Kol 1, 15) huwa fiċ-ċentru tal-univers, bħala raġuni u rabta tal-ħolqien kollu, bħal ma diġa rajna fil-katekeżi preċedenti u kif se nkomplu naraw meta nitkellmu iktar b’mod dirett dwaru.

3. Ir-riferenza għall-“primat” ta’ Kristu jgħinna nifhmu li l-verità dwar l-eżistenza u l-operat tal-anġli (tajbin u ħżiena) ma tikkostitwixxix il-kontenut  ċentrali tal-kelma ta’ Alla. Fir-rivelazzjoni Alla jkellem qabel xejn “lill-bnedmin . . . u kien jgħaddi l-ħin magħhom, biex jistedinhom u jdaħħalhom fil-komunjoni miegħu”, bħal ma naqraw fil-kostituzzjoni Dei Verbum (Dei Verbum, 2) tal-Konċilju Vatikan II. Hekk “il-verità profonda . . . kemm ta’ Alla kif ukoll tal-fidwa tal-bnedmin” hija l-kontenut ċentrali tar-rivelazzjoni li “tiddi” b’qawwa ikbar fil-persuna ta’ Kristu. Il-verità dwar l-anġli hija f’ċertu sens “kollaterali”, madankollu inseparabbli mir-rivelazzjoni ċentrali, li hija l-eżistenza, il-majjestà u l-glorja tal-Ħallieq li jiddu fil-ħolqien kollu “viżibbli” u “inviżibbli” u fl-azzjoni feddejja ta’ Alla fl-istorja tal-bniedem. L-anġli mela mhumiex krejaturi tal-ewwel pjan fir-realtà tar-rivelazzjoni, madankollu huma pjenament parti minnha, tant li f’ċerti waqtiet narawhom  iwettqu xogħlijiet fundamentali f’isem Alla nnifsu.

4. Dak kollu li jappartieni għall-ħolqien jidħol, skont ir-rivelazzjoni, fil-misteru tal-Providenza divina. Dan isostnih b’mod konċiż eżemplari l-Vatikan I li diġa kkwotajna diversi drabi: “Dak kollu li ħoloq, Alla jikkonservah u jiddiriġih bil-providenza tiegħu «waqt li jestendih minn tarf għal ieħor b’qawwa u waqt li jmexxi bi tjubija kwalunkwè ħaġa» (cf. Għerf 8, 1). «Kollox huwa għeri u mikxuf għal għajnejh» (cf. Lh 4, 13), «ukoll dak li jseħħ b’inizjattiva ħielsa tal-krejaturi»” (DS 3003). Il-Providenza mela tħaddan ukoll id-dnja tal-ispirti puri, li huma ferm iktar pjenament mill-bnedmin esseri razzjonali u liberi. Fl-Iskrittura Mqaddsa nsibu ndikazzjonijiet prezzjużi li jirrigwardawhom. Hemm saħansitra r-rivelazzjoni ta’ dramm misterjuż, għalkemm reali, li laqgħat lil dawn il-krejaturi anġeliċi bla xejn ma jaħrab lill-Għerf etern, li b’qawwa (“fortiter”) u fl-istess ħin bi tjubija  (“suaviter”) jwassal kollox għat-twettiq fis-saltna tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.

4. Nagħrfu qabel xejn li l-Providenza, bħala Għerf ta’ mħabba ta’Alla, wriet ruħha propju fil-ħolqien tal-esseri purament spiritwali, li fihom jesprimi ruħu aħjar ix-xebħ ta’ Alla li tant jissupera dak kollu li huwa maħluq fid-dinja viżibbli flimkien mal-bniedem, huwa wkoll xebħ inkanċellabli ta’ Alla. Alla, li huwa Spirtu perfett b’mod assolut, jirrispekkja ruħu fuq kollox fl-esseri spiritwali li min-natura, jiġifieri minħabba l-ispiritwalità tagħhom, huma ferm qrib tal-Ħallieq mill-krejaturi materjali, u li jikostitwixxu kważi l-“ambjent” l-iktar qrib tal-Ħallieq. L-Iskrittura Mqaddsa toffri xhieda biżżejjed espliċita ta’ dan il-qrib massimu tal-anġli lejn Alla, li dwarhom titkellem, b’lingwaġġ figurattiv, bħal tat-“tronn” ta’ Alla, tal-“qawwiet” tiegħu, tas-“sema” tiegħu. Hija ispirat il-poeżija u l-arti tas-sekli kristjani li jippreżentawlna lill-anġli bħala “il-qorti ta’ Alla”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb