2. L-eżistenza tal-anġli mixtieqa minn att tal-imħabba eterna ta’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-anġli. Udjenza Ġenerali –  23/07/1986.

1. Illum se nkomplu l-katekeżi tagħna dwar l-anġli li l-eżistenza tagħhom, mixtieqa minn att tal-imħabba eterna ta’ Alla, nipprofessaw bil-kliem tas-simbolu Niċen-Kostantinoplitan: “Nemmen f’Alla wieħed, Missier li jistà kollox, Ħalieq tas-sema u tal-art, ta’ dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx”.

Fil-perfezzjoni tan-natura spiritwali tagħhom l-anġli huma msejħin sa mill-bidu, minħabba l-intelliġenza tagħhom, sabiex jagħrfu l-verità u jħobbu it-tajjeb li jagħrfu fil-verità, b’mod ferm iktar mimli u perfett minn kemm mhuwiex possibbli għall-bniedem. Din l-imħabba hija l-att ta’ rieda ħielsa, li għaliha wkoll għall-anġli l-libertà tfisser possibiltà li jwettqu għażla favur jew kontra t-Tajjeb li huma jagħrfu, jiġifieri Alla nnifsu. Hawn hemm bżonn intennu dak li diġa fakkarna f’waqtu fir-rigward tal-bniedem: waqt li ħoloq l-esseri ħielsa, Alla ried li fid-dinja sseħħ dik l-imħabba vera li hija possibbli biss fuq il-bażi tal-libertà. Huwa mela ried li l-krejatura kostitwita b’xebħ u xbiha tal-Ħallieq tagħha, tkun tistà bil-mod l-iktar sħiħ possibbli tirrendi ruħha tixbaħ lilu, Alla, li “huwa mħabba”  (1 Ġw 4, 16). Waqt li ħoloq l-ispirti puri bħala esseri ħielsa, Alla fil-Providenza tiegħu ma setax ma jipprevedix ukoll il-possibiltà tad-dnub tal-anġli. Imma propju għaliex il-Providenza hija għerf etern li jħobb, Alla kien jaf jislet mill-istorja ta’ dan id-dnub, b’mod inkumparabbli iktar radikali minħabba li kien dnub ta’ spirtu pur, it-tajjeb definittiv tal-kożmu kollu maħluq.

2. Infatti kif tgħid b’mod l-iktar ċar ir-rivelazzjoni, id-dinja tal-ispirti puri tidher maqsuma f’tajbin u ħżiena. Mela, din il-qasma ma seħħitx b’ħolqien ta’ Alla, imma a bażi tal-libertà propja tan-natura spiritwali ta’ kull wieħed minnhom. Seħħet permezz ta’ għażla li għall-esseri purament spiritwali tippossiedi karattru inkumparabilment iktar radikali għal dik tal-bniedem u hija rriversibbli minħabba l-grad ta’ intuwizzjoni u ta’ penetrazzjoni tat-tajjeb li bih hija mżejna l-intelliġenza tagħhom. F’dan ir-rigward wieħed irid jgħid li wkoll l-ispirti puri ġew  suġġetti għal prova ta’ karattru morali. Kienet għażla deċiżiva li tirrigwarda qabel xejn lil Alla nnifsu, Alla magħruf b’mod iktar essenzjali u dirett minn kemm hu possibbli għall-bniedem, Alla li għal dawn l-esseri spiritwali  kien għamel rigal, qabel il-bniedem, li jipparteċipaw fin-natura divina tiegħu.

3. Fil-każ tal-ispirti puri l-għażla deċiżiva kienet tirrigwarda qabel xejn lil Alla nnifsu, Tajjeb ewlieni u suprem, aċċettat jew imwarrab b’mod iktar essenzjali u dirett minn kemm jistà jseħħ fir-raġġ ta’ azzjoni tar-rieda ħielsa tal-bniedem. L-ispirti puri għandhom għarfien ta’ Alla inkumparabilment iktar perfett mill-bniedem, għaliex bil-qawwa tal-intellett tagħhom, mhux ikkondizzjonat u linqas illimitat mill-medjazzjoni tal-għarfien sensibbli, jaraw sal-qiegħ nett il-kobor tal-Esseri infinit, tal-ewwel Verità, tal-ikbar Tjubija  Lil din il-ħila sublimi ta’ għarfien tal-ispirti puri Alla joffri l-misteru tad-divinità tiegħu, billi hekk jirrendihom parteċipi, permezz tal-grazzja, tal-glorja tiegħu infinita. Propju għaliex esseri ta’ natura spiritwali, kien hemm fl-intellett tagħhom il-ħila, ix-xewqa ta’ din l-elevazzjoni soprannaturali li għaliha Alla kien sejħilhom, biex jagħmel minnhom, sewwa qabel il-bniedem, “sieħba tan-natura divina” (cf. 2 Pt 1, 4), parteċipi tal-ħajja intima ta’ Dak li huwa Missier, Iben u Spirtu Santu, ta’ Dak li fil-komunjoni tat-tliet Persuni divini “huwa Mħabba” (1 Ġw 4, 16). Alla kien daħħal l-ispirti puri kollha, qabel u iktar mill-bniedem, fil-komunjoni eterna tal-imħabba.

4. L-għażla mwettqa a bażi tal-verità dwar Alla, magħrufa f’forma superjuri a bażi taċ-ċarezza tal-intelliġenza tagħhom, qasmet ukoll id-dinja tal-ispirti puri f’tajbin u ħżiena. It-tajbin għażlu lil Alla bħala Tjubija suprema u definittiva, magħrufa fid-dawl tal-intellett imdawwal mir-rivelazzjoni. Għażlu lil Alla jfisser li daru lejh bil-qawwa interna kollha tal-libertà tagħhom, qawwa li hija mħabba. Alla sar l-iskop totali u definittiv tal-eżistenza spiritwali tagħhom. L-oħrajn minn naħa tagħhom taw daharhom lil Alla kontra l-verità tal-għarfien li kien jindika fih it-tajjeb totali u definittiv. Għażlu kontra r-rivelazzjoni tal-misteru ta’ Alla, kontra l-grazzja tiegħu li kienet tirrendihom parteċipi tat-Trinità u tal-ħbiberija eterna ma’ Alla fil-komunjoni miegħu permezz tal-imħabba.

A bażi tal-libertà tagħhom maħluqa wettqu għażla radikali u rreversibbli daqs dik tal-anġli t-tajbin imma dijametrikalment opposta: minflok aċċettazzjoni ta’ Alla mimlija mħabba, huma ressqulu rifjut ispirat minn sens falz ta’ awtosuffiċjenza, ta’ stkerrih u saħansitra ta’ mibegħda li nbidlet f’ribelljoni.

5. Kif jistà wieħed jifhem tali oppożizzjoni u ribelljoni kontra Alla f’esseri ddotati b’intelliġenza hekk ħajja u mogħnija b’tant dawl? X’jistà jkun il-mottiv ta’ għażla hekk radikali u rriversibbli kontra Alla? Ta’ tant mibegħda profonda li tistà tidher biss u unikament frott ta’ ġenn? Is-Santi Padri tal-Knisja u t-tejoloġi ma jaħsbuhiex darbtejn li jitkellmu dwar “għama” prodott mis-sopravalutazzjoni tal-perfezzjoni tal-esseri tagħhom infushom, imbuttat sal-punt li jaħbi s-supremazija ta’ Alla, li kienet tesiġi minflok att ta’ sottomissjoni ħelwa u ubbidjenti. Dan kollu donnu jidher espress b’mod konċiż fil-kliem: “Ma nservikx!” (Ġer 2, 20), li juri r-rifjut radikali u rriversibbli li tieħu sehem fit-twaqqif tas-saltna ta’ Alla, fid-dinja maħluqa. “Satana” l-ispirtu ribell, irid propju s-saltna, mhux dik ta’ Alla, u jippreżenta ruħu bħala l-ewwel “avversarju” tal-Ħallieq, oppożitur tal-Providenza, antagonista tal-għerf mimli mħabba ta’ Alla. Mir-ribelljoni u mid-dnub ta’ Satana, bħal ma wkoll minn dak tal-bniedem, irridu nikkonkludu waqt li nilqgħu l-esperjenza għarfa tal-Iskrittura li ssostni: “Il-kburija hija l-kawża tr-rovina” (Tb 4, 13).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb