3. Anġlu (angelus) ifisser “messaġġier”. Fl-Ebrajk “malak”, ifisser “delegat” jew “ambaxxatur”


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-anġli. Udjenza Ġenerali –  30/07/1986.

1. Fil-katekeżi preċedenti waqafna fuq l-artikolu tal-Kredu li bih stqarrejna u xandarna lil Alla ħallieq mhux biss tad-dinja kollha maħluqa, imma wkoll tal-“ħwejjeg li ma jidhrux, u waqafna fuq l-argument tal-eżistenza tal-anġli msejħa biex jiddikjaraw lilhom nfushom ma’ Alla jew kontra Alla b’att radikali u rriversibbli ta’ adeżjoni jew ta’ rifjut tal-volontà tiegħu ta’ fidwa.

Dejjem skont l-Iskrittura Mqaddsa l-anġli, inkwantu krejaturi purament spiritwali, jippreżentaw rwieħhom għar-rflessjoni ta’ moħħna bħala twettiq speċjali tax-“xbieha ta’ Alla, Spirtu perfettissmu, bħal ma Ġesù nnifsu jfakkar lill-mara Sammaritana  bil-kliem: “Alla huwa spirtu” (Ġw 4, 24). L-anġli huma, minn dan il-punt di vista, il-krejaturi l-iktar viċin għall-eżemplari divin. L-isem li l-Iskrittura Mqaddsa tattribwilhom jindika li l-iktar li jgħodd fir-rivelazzjoni hija l-verità dwar xogħol l-anġli fir-rigward tal-bnedmin: anġlu (angelus) infatti jrid ifisser “messaġġier”. L-Ebrajk “malak”, użat fit-Testment il-Qadim, ifisser propjament iktar “delegat” jew “ambaxxatur”. Lanġli, krejaturi spiritwali, għandhom il-funzjoni ta’ medjazzjoni u ta’ ministeru fir-rapporti li jgħaddu bejn Alla u l-bnedmin. Taħt dan l-aspett l-Ittra lil-Lhud tgħid li lil Kristu kien mogħti “isem”, u allura ministeru ta’ medjazzjoni, ferm superjuri għal dak tal-anġli (cf. Lh 1, 4).

2. It-Testment il-Qadim jenfasizza fuq kollox il-pateċipazzjoni speċjali tal-anġli fiċ-ċelebrazzjoni tal-glorja li l-Ħallieq jirċievi bħala tribut ta’ tifħir min-naħa tad-dinja maħluqa. Ħuma s-salmi li b’mod speċjali jagħmlu lilhom infushom interpreti ta’ tali vuċi, meta per eżempju jxandru: “Faħħru l-Mulej tas-smewwiet, faħħruh fil-għoli tas-smewwiet. Fahhruh, intom ilkoll, anġli tiegħu . . .” (Sal 148, 1-2). L-istess is-Salm 102: “Bierku lill-Mulej, intom ilkoll, anġli tiegħu, eżekuturi qawwija tal-ordnijiet tiegħu, lesti għall-vuċi ta’ kelmtu”. Dan l-aħħar versett tas-Salm 102 jindika li l-anġli jieħdu sehem, bil-mod propju tagħhom, fit-tmexxija ta’ Alla fuq il-ħolqien, bħala “eżekuturi qawwija tal-ordnijiet tiegħu” skont il-pjan stabbilit mill-Providenza divina. B’mod partikolari lill-anġli hija afdatha kura speċjali u prontezza għall-bnedmin, li għalihom jippreżentaw lil Alla t-talbiet u t-talb tagħhom, bħal ma jfakkarna, per eżempju, il-Ktieb ta’ Tobija (cf. speċjalment Tb 3, 17 e 12, 12) waqt li s-Salm 90 ixandar: “Huwa ta ordni lill-anġli tiegħu . . . biex iġorruk fuq idejhom sabiex ma taħbatx sieqek fil-ġebla” Waqt li nsegwu l-Ktieb ta’ Danjel nistgħu insostnu li x-xogħol tal-anġli bħala ambaxxaturi ta’ Alla ħaj jestendi ruħu mhux biss għall-bnedmin individwali u għal dawk li għandhom xogħlijiet speċjali , imma wkoll għal nazzjonijiet sħaħ (cf. Dn 10, 13-21).

3. It-Testment il-Ġdid jenfasizza x-xogħol tal-anġli fir-rigward tal-missjoni ta’ Kristu bħala l-Messija u qabel xejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, bħal ma ninnutaw fir-rakkont tal-annunzjazzjoni tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, ta’ Kristu stess, fl-ispjegi u d-dispożizzjonijiet mogħtija lil Marija u Ġużeppi, fl-indikazzjonijiet mogħtija lir-rgħajja fil-lejl tat-twelid tal-Mulej, fil-protezzjoni tal-imwieled ġdid quddiem il-perikolu tal-persekuzzjoni ta’ Erodi  (cf. Lq 1, 11. 26. 30 ss; 2, 9 ss; Mt 1, 20-21; 2, 13).

Iktar ‘il quddiem il-Vanġeli jitkellmu dwar il-preżenza tal-anġli tul is-sawm ta’ Ġesù fid-deżert (cf. Mt 4, 11) u waqt it-talb fil-Ġetsemani (Lq 22, 43). Wara l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu jerġà jkun anġlu, li deher taħt forma ta’ żagħżugħ, li jgħid lin-nisa li kienu marru ħdejn il-qabar u maħsuda mill-fatt li sabuh vojt: “La tibżgħux. Intom qegħdin tfittxu lil Ġesù Nażżarenu, l-imsallab. Qam, mhuwiex hawn . . . Morru għidu lid-dixxipli tiegħu . . . (Mk 16, 5-7). Żewġ anġli wkoll rathom Marija Maddalena, li kienet ipprivileġġata b’dehra personali ta’ Ġesù (Ġw 20, 12-17). L-anġli “jippreżentaw ruħhom” lill-Appostli wara l-għibien ta’ Kristu, biex jgħidulhom: “Irġiel tal-Galilea, għalfejn qegħdin tħarsu ‘l fuq lejn is-sema? Dan Ġesù, dan Ġesù li ttieħed minn fostkom fis-sema għad jerġà jiġi jum wieħed bl-istess mod li rajtuh sejjer fis-sema” (At 1, 10-11).

Dawn huma l-anġli tal-ħajja, tal-passjoni u tal-glorja ta’ Kristu. L-anġli ta’ Dak li, bħal ma jikteb San Pietru, “jinsab fil-lemin tal-Missier, wara li telà fis-sema u kiseb is-sovranità fuq l-anġli, il-prinċipati u l-potenzi” (1 Pt 3, 22),

4. Jekk ngħaddu għall-miġja mill-ġdid ta’ Kristu, jiġifieri fil-“parusia”, insibu li s-sinottiċi kollha jiktbu li “Bin il-Bniedem . . . għad jiġi fil-glorja tal-Missier tiegħu flimkien mal-anġli qaddisin”. Wieħed mela jistà jgħid li l-anġli, bħala spirti puri, mhux biss jipparteċipaw bil-mod li huwa propju tagħhom fil-qdusija ta’ Alla stess, imma fil-mumenti l-iktar importanti li jdawru lil Kristu u jakkumpanjawh fit-twettiq tal-missjoni tiegħu feddejja fir-rigward tal-bnedmin. Bl-istess mod ukoll it-Tradizzjoni kollha u l-maġisteru ordinarju tal-Knisja  attribwew tul is-sekli lill-anġli dan il-karattru partikolari u din il-funzjoni ta’ ministeru messjaniku.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb