14. Il-Misteru tal-Predestinazzjoni fi Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  28/05/1986.

1.Il-mistoqsija dwar id-destin propju hija tassew ħajja fil-qalb tal-bniedem, Din hija mistoqsija kbira, diffċli, kif ukoll deċiżiva. “X’se jsir minni għada?” Hemm ir-riskju li tweġibiet ħżiena  jwasslu għal forom ta’ fatalżmu, ta’ disperazzjoni, jew ukoll ta’ sikurezza orgoljuża u għamja.

“Baħnan. Dal-lejl se tmut”, iwiddeb Alla  (Lq 12, 20). Imma propju hawn timmanifesta ruħha l-grazzja ineżawribbli tal-Providenza divina. Huwa Ġesù li jipprovdi dawl essenzjali. Huwa nfatti, waqt li jitkellem dwar il-Providenza divina fid-Diskors tal-Muntanja, itemm bl-eżortazzjoni li ġejja: “Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu, u dawn il-ħwejjeġ kollha jingħatawlkom ukoll” (Mt 6, 33). Fl-aħħar katekeżi irriflettejna dwar ir-rapport profond li jeżisti bejn il-Providenza ta’ Alla u l-libertà tal-bniedem. Huwa propju lill-bniedem, qabel xejn lill-bniedem, maħluq xbiha ta’ Alla, li huwa ndirizzat il-kliem dwar is-saltna ta’ Alla u dwar il-ħtieġa li jfittixha qabel kull ħaġa oħra.

Din ir-rabta bejn il-Providenza u l-misteru tas-saltna ta’ Alla li trid titwettaq fid-dinja maħluqa, torjenta l-ħsieb tagħna dwar il-verità tad-destin tal-bniedem: il-predestinazzjoni tiegħu fi Kristu. Il-predestinazzjoni tal-bniedem u tad-dinja fi Kristu, Iben etern tal-Missier,  jagħti lid-duttrina kollha dwar il-Providenza divina karatteristika soterjoloġika u eskatoloġika deċiża. L-istess Mgħallem divin jindika dan fid-djalogu ma’ Nikodemu: “Infatti Alla tant ħabb lid-dnja li wasal li jagħti lil Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16).

2. Dan il-kliem ta’ Ġesù jikkostitwixxi n-nukleju tad-duttrina dwar il-predestinazzjoni, li nsibu fit-tagħlim tal-appostli u b’mod speċjali fl-ittri ta’ San Pawl. Naqraw fl-Ittra lill-Efesin: Alla, Missier l-Imgħallem tagħna Ġesù Kristu . . . fih għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisin u bla ħtija quddiemu fil-karità, billi ppredestinana biex inkunu wliedu addottivi bl-opra ta’ Ġesù Kristu, skont  l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu. U dan b’tifħir u ġlorja tal-grazzja tiegħu” (Ef 1, 3-6).

Dawn l-affermazjonijiet imdawla jispjegaw, b’mod awtentiku u awtorevoli, f’hiex tikkonsisti dik li fil-lingwaġġ nisrani nsejħu “Predestinazzjoni” (latin: “praedestinatio”). Huwa infatti mportanti li neħilsu dan it-terminu minn sinifikati żbaljati jew ukoll mhux flokhom u mhux essenzjali, li daħlu fl-użu komuni: predestinazzjoni bħala sinonimu tad-“destin għama” (“fatum”) jew tar-“rabja” kapriċċuża ta’ xi divinità għajjura. Fir-rivelazzjoni divina l-kelma “predestinazzjoni”, tfisser l-għażla eterna ta’ Alla, għażla paterna, intelliġenti u pożittiva, għażla ta’ mħabba.

3. Din l-għażla, bid-deċiżjoni li fiha tirrifletti ruħha, jiġifieri il-pjan krejattiv u redentiv, tappartieni lill-ħajja intima tat-Trinità Mqaddsa: hija eternament operata mill-Missier flimkien mal-Iben fl-Ispirtu Santu. Din hija elezzjoni li, skont San Pawl, tippreċedi l-ħolqien tad-dinja (Ef 1, 4) (“qabel il-ħolqien tad-dinja”); u tal-bniedem fid-dinja. Il-bniedem ukoll qabel ma ġie maħluq, jiġi “magħżul” minn Alla. Din l-għażla issir fl-Iben etern (“fih”) (Ef 1, 4), jiġifieri fil-Verb tal-Moħħ etern. Il-bniedem jiġi mela  magħżul fl-Iben għas-sehem tal-filjolanza tiegħu stess għall-addozzjoni divina. F’dan tikkonsisti l-essenza stess tal-misteru tal-predestinazzjoni, li timmanifesta l-imħabba eterna tal-Missier (“fil-karità, waqt li ppredestinana biex inkunu ulied addottivi tiegħu bl-opra ta’ Ġesù Kristu”). (Ef 1, 4-5). Fil-predestinazzjoni hija miġbura mela l-vokazzjoni eterna tal-bniedem fil-partiċipazzjoni tan-natura stess ta’ Alla. Din hija vokazzjoni għall-qdusija, permezz tal-grazzja tal-addozzjoni ta’ wlied (“biex inkunu qaddisin u bla tebgħa fil-preżenza tiegħu”) (Ef 1, 4).

4. F’dan is-sens il-predestinazzjoni tippreċedi “il-fondazzjoni tad-dinja”, jigifieri l-ħolqien,  ladarba dan twettaq fil-prospettiva tal-predestinazzjoni tal-bniedem. Waqt li napplikaw lill-ħajja divina l-analoġiji temporali tal-lingwaġġ uman, nistgħu ngħidu li Alla ried “l-ewwel” jikkomunika lilu nnifsu fid-divinità tiegħu lill-bniedem imsejjaħ biex ikun fid-dinja maħluqa x-xbiha u x-xebħ tiegħu; “l-ewwel”  jeleġġih, fl-Iben etern u konsustanzjali, biex jipparteċipa fil-filjolanza tiegħu (permezz tal-grazzja), u biss “wara” (“meta ried hu) irid il-ħolqien, irid id-dinja, li għaliha jappartieni l-bniedem. B’dan il-mod il-misteru tal-predestinazzjoni jidħol f’ċertu sens “b’mod organiku” fil-pjan kollu tal-Providenza divina. Ir-rivelazzjoni ta’ dan il-pjan  jikxef quddiemna l-prospettiva tas-saltna ta’ Alla u jmexxina lejn l-istess qalb ta’ din is-saltna, fejn niskopru l-finalità aħħarija tal-ħolqien.

5. Infatti naqraw fl-Ittra lill-Kolossin: “Waqt li niżżu ħajr bil-ferħ lill-Missier li ippermettilna li nipparteċipaw fix-xorti tal-qaddisin fid-dawl. Huwa hu infatti li ħelisna mill-poter tad-dlamijiet u ttrasferiena fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż, bl-opra ta’ min għandna r-redenzjoni, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol 1, 12-14). Is-saltna ta’ Alla hija, fil-pjan etern ta’ Alla Wieħed u Tlieta, is-saltna tal-Iben għażiż”, b’mod partikolari għaliex bl-opra tiegħu “il-fidwa” u “l-maħfra tad-dnubiet”. Il-kliem tal-appostlu  jirreferu wkoll għad-dnub tal-bniedem. Il-predestinazzjon, jiġifieri l-addozzjoni ta’ wlied tal-Iben etern, topera mela mhux biss f’relazzjoni mal-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem, imma f’relazzjoni tar-redenzjoni mwettqa mill-Iben, Ġesù Kristu. Ir-redenzjoni ssir l-espressjoni tal-Providenza, jiġifieri  tat-tmexxija  attenta li Alla Missier jeżerċita b’mod partikolari fir-rigward tal-krejaturi, imżejna bil-libertà.

6. Fl-ittra lill-Kolossin insibu li l-verità tal-“predestinazzjoni” fi Kristu hija marbuta b’mod strett mal-verità tal-“ħolqien fi Kristu”. “Huwa – jikteb l-appostlu – huwa xbiha tal-Alla inviżibbli, iġġenerat qabel kull krejaturi; għaliex permezz tiegħu ġew maħluqa l-ħwejjeġ kollha . . .” (Kol 1, 15-16). Hekk mela id-dinja, maħluqa fi Kristu, Iben etern, sa mill-bidu iġġorr fiha, bħala l-ewwel don tal-Providenza, is-sejħa, anzi  l-pleġġ tal-predestinazzjoni fi Kristu, li miegħu tingħaqad, bħala  twettiq tal-fidwa definittiva eskatoloġika, u qabelxejn tal-bniedem, finalità tad-dinja. “Għaliex Alla jieħu pjaċir li jgħajjex fih kull milja” (Kol 1, 19). It-twettiq tal-finalità tad-dinja, u b’mod partikolari tal-bniedem, isseħħ propju permezz ta’ din il-milja li hija fi Kristu. Kristu huwa l-milja. Fih titwettaq f’ċertu sens din il-finalità tad-dinja, li skontha l-Providenza divina tgħasses u tmexxi l-ħwejjeġ tad-dinja u b’mod partikolari l-bniedem tad-dinja, ħajtu u l-istorja tiegħu.

7. Hekk nifhmu aspett ieħor fondamentali tal-Providenza divina: il-finalità fedejja. Infatti Alla “jrid li l-bnedmin kollha jkunu salvati u jaslu għall-għarfien tal-verità” (1 Tm 2, 4). F’din il-prospettiva huwa doveruż li nwessgħu ċerta konċezzjoni naturalistika tal-Providenza, limitatha għat-tmexxija tajba tan-natura fiżika jew ukoll għall-imġieba morali naturali. Fir-realtà, il-Providenza divina tesprimi ruħha fil-kisba tal-finalitajiet li jikkorrispondu mal-pjan etern tal-fidwa. F’dan il-proċess, grazzi għall-“milja” ta’ Kristu, fih u permezz tiegħu jiġi wkoll mirbuħ id-dnub, li jopponi b’mod essenzjali għall-finalità feddejja tad-dinja, għat-twettiq definittiv li d-dinja u l-bniedem isibu f’Alla. Waqt li jitkellem dwar il-milja li sabet għamara fi Kristu, l-appostlu jistqarr: “Alla jieħu pjaċir li jagħmel tgħammar fih kull milja u permezz tiegħu jirrikonċilja miegħu l-ħwejjeġ kollha, waqt li jgħaqqad bid-demm tas-salib tiegħu, jiġifieri permezz tiegħu, il-ħwejjeġ li jinsabu fuq l-art u dawk li hemm fis-sema” (Kol 1, 19-20).

8. Fuq l-isfond ta’ dawn ir-riflessjonijiet, impinġija mill-ittri ta’ San Pawl, issir iktar tiftiehem l-eżortazzjoni ta’ Kristu fir-rigward tal-Providenza tal-Missier ċelesti li jħaddan kull ħaġa (cf. Mt 6, 23-34 u wkoll Lq 12, 22-31), meta jgħid: “Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu, u l-ħwejjeġ kollha jingħatawlkom bi żjieda” (Mt 6, 33). B’dik l-“ewwel” Ġesù jrid jindika dak li l-Missier irid l-“ewwel”: dak li huwa l-ewwel intenzjoni tiegħu fil-ħolqien tad-dinja, u fl-istess ħin l-iskop aħħari tad-dinja stess: “is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu” (il-ġustizzja ta’ Alla). Id-dinja kollha kienet maħluqa  bl-iskop ta’ din is-saltna, sabiex titwettaq fil-bniedem u fl-istorja tiegħu. Sabiex permezz ta’ din is-“saltna” u ta’ din il-“ġustizzja”  titwettaq dik il-predestinazzjoni eterna li d-dinja u l-bniedem għandhom fi Kristu.

9. Għal din il-viżjoni pawlina tal-predestinazzjoni jikkorrispondi dak li jikteb San Pietru: “Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu; fil-ħniena kbira tiegħu huwa irriġenerana, permezz tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu, għal tama ħajja, għal wirt li ma jikkorrompix ruħu, ma jittebbax u ma jitnawwarx. Dan huwa konservat fis-smewwiet għalikom, li mill-qawwa ta’ Alla intom mgħassa prmezz tal-fidi, għall-fidwa tagħkom, fis-salvazzjoni li hija lesta biex tidher fl-aħħar taż-żmenijiet” (1 Pt 1, 3-5). Tassew “ikun imbierek Alla” li jirrivelalna kif il-Providenza tiegħu hija l-intervent tiegħu attent u instankabbli għall-fidwa tagħna. Hija bla waqfien taħdem sa meta jaslu “l-aħħar żmenijiet”, meta “il-predestinazzjoni fi Kristu” tal bidu titwettaq b’mod definittiv “permezz tal-qawmien mill-imwiet f’Ġesù Kristu”, li huwa “l-alfa u l-omega” tad-destin uman tagħna (Ap 1, 8).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb