15. Il-Preżenza tal-Ħażin u tat-Tbatija fid-Dinja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  04/06/1986.

1. Nerġgħu naqbdu t-test tal-ewwel Ittra ta’ San Pietru li lejha dorna fi tmiem il-katekeżi preċedenti: “Ikun imbierek Alla u Missier sidna Ġesù Kristu; fil-ħniena kbira tiegħu huwa wellidna, permezz tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu, għal tama, għal wirt li la jitħassar, la jittebba u linqas jinxef. Dan huwa merfugħ għalikom fis-smewwiet”  (1 Pt 3-4).

Ftit iktar ‘il qudiem l-istess appostlu għandu affermazzjoni lluminanti u fl-istess ħin konsolanti: “Għalhekk kunu mimlija bil-ferħ, ukoll jekk issa tridu tkunu għal ftit taż-żmien milquta minn diversi provi. Bħal mad-deheb, li jintemm jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom biex ikun jistħoqqilha tasal għall-glorja . . .” (1 Pt 1, 6-7).

Diġa mill-qari ta’ dan it-test  wieħed jiddeduċi li l-verità rivelata dwar il-“predestinazzjoni” tad-dinja maħluqa u b’mod speċjali tal-bnieem fi Kristu (praedestinatio in Christo), Tikkostitwixxi s-sies ewlieni u indispensabbli tar-riflessjonijiet li feħsiebna nipproponu dwar it-tema tar-rapport bejn il-Providenza divina u r-realtà tal-ħażin u tad-tbatija preżenti taħt tant forom fil-ħajja umana.

2. Dan jikkostitwixxi għal ħafna d-diffikoltà ewlenija biex jaċċettaw il-verità dwar il-Providenza divina. F’xi każi din id-diffikultà tassumi forma radikali, meta saħansitra  wieħed jakkuża lil Alla minħabba l-ħażin u t-tbatija preżenti fid-dinja, waqt li jasal biex jirrifjuta l-verità stess dwar Alla u dwar l-eżistenza tiegħu (jiġifieri l-ateiżmu). F’forma inqas radikali, u madankollu nkwetanti, din id-diffikultà tesprimi ruħha fit-tant interrogattivi kritiċi, li l-bniedem  jagħmel lil Alla. Id-dubju, il-mistoqsija jew saħansitra l-kontestazzjoni jitnisslu mid-diffikultà li jirrikonċiljaw bejniethom l-verità tal-Providenza divina, tas-solleċitudni paterna ta’ Alla għad-dinja maħluqa, u r-realtà tal-ħażin u tat-tbatija sperimentata f’diversi modi mill-bnedmin.

Nistgħu ngħidu li l-viżjoni tar-realtà tal-ħażin u tat-tbatija hija preżenti bil-milja kollha tagħha fil-paġni tal-Iskrittura Mqaddsa. Wieħed jistà jsostni li l-Bibbja hija, fuq kollox, ktieb kbir dwar it-tbatija: din tidħol  fuq kollox fl-ambitu tal-ħwejjeġ li Alla jrid jgħid lill-umanità “bosta drabi . . . permezz tal-profeti, u dan l-aħħar permezz tal-Iben . . .” (cf. Lh 1, 1): tidħol fil-kuntest tal-awtorivelazzjoni ta’ Alla u fil-kuntest tal-Vanġelu;  jiġifieri tal-bxara t-tajba tal-fidwa. Minħabba dan l-uniku metodu adegwat biex insibu tweġiba għall-interrogattiv dwar il-ħażin u dwar it-tbatija fid-dinja huwa li nfittxuha fil-kuntest tar-rivelazzjoni offruta mill-kelma ta’ Alla.

3. Irridu però qabel xejn naqblu dwar il-ħażin u t-tbatija. Hija hi fiha nfisha multiformi. Komunement wieħed jiddistingwi l-ħażin f’sens fiżiku minn dak f’sens morali. Il-ħażin morali jiddistingwi ruħu minn dak fiżiku qabel xejn minħabba l-fatt li  jinħtieġ tort, għaliex jiddependi  mir-rieda libera tal-bniedem, u huwa dejjem ħażin ta’ natura spiritwali. Dan jiddistingwi ruħu mill-ħażin fiżiku, għaliex dan tal-aħħar ma jinkludix neċessarjament u direttament ir-rieda tal-bniedem, ukoll jekk dan ma jfissirx li hu ma jistax ikun ikkawżat mill-bniedem jew ikun effett tal-ħtija tiegħu.  Il-ħażin fiżiku kkawżat mill-bniedem, kultant biss minħabba njoranza jew nuqqas ta’ prudenza, kultant minħabba traskuraġni ta’  prekawzjonijiet opportuni jew saħansitra minħabba azzjonijiet  mhux flokhom jew  ta’ ħsara, jippreżenta ruħu f’bosta forom. Imma wieħed irid iżid li jeżistu fid-dinja bosta każi ta’ ħażin fiżiku, li jseħħu b’mod indipendenti mill-bniedem. Biżżejjed niftakru per eżempju id-diżastri jew  kalamitajiet naturali, bħal ma wkoll il-forom ta’  diżabiltà fiżika jew inkella ta’ mard somatiku jew psikiku, li tiegħu l-bniedem ma jaħtix.  

4. It-tbatija titnissel fil-bniedem mill-esperjenza tal-forom multepliċi tal-ħażin. B’xi mod din tistà ssib ruħha fl-annimali wkoll, minħabba li huma esseri ddotati b’sensi u ta’ sensibiltà relattiva, imma fil-bniedem it-tbatija tilħaq id-dimensjoni propja tal-fakultajiet spiritwali li huwa jippossiedi. Wieħed jistà jgħid li fil-bniedem it-tbatija hija interjorizzata, koxjentizzata, sperimentata fid-dimensjoni kollha tal-esseri tiegħu u tal-kapaċitajiet tiegħu ta’ azzjoni u ta’ rejazzjoni  ta’ riċettività u ta’ ċaħda; din hija esperjenza terribbli, quddiem liema, speċjalment meta hu bla ħtija, il-bniedem iqanqal dawk l-interrogattivi diffiċli, tormentużi, kultant drammatiċi, li jikkostitwixxu issa denunzja, issa sfida, issa  għajta ta’ rifjut lil Alla u lill-Providenza tiegħu. Dawn huma nterrogattivi u problemi li jistgħu jiġu miġbura hekk: kif nirrikonċiljaw il-ħażin u t-tbatija ma’ dik is-solleċitudni paterna, mimlija mħabba, li Ġesù Kristu jattribwixxi lil Alla fil-Vanġelu?  Kif nirrikonċiljawhom mal-Għerf traxxendenti u l-omnipotenza tal-Ħallieq?  U f’forma iktar ukoll djalettika: nistgħu aħna, quddiem l-esperjenza kollha tal-ħażin li hu fid-dinja, speċjalment quddiem it-tbatija tal-innoċenti, ngħidu li Alla ma jridx il-ħażin? U jekk trid, kif nistgħu nemmnu li “Alla huwa mħabba”?  Iktar u iktar li din l-imħaba ma tistax ma tkunx omnipotenti?

5. Quddiem dawn l-interrogattivi wkoll aħna, bħal Ġobb, inħossu kemm hija diffiċli nagħtu tweġiba. Infittxuha mhux fina, imma b’umiltà u fiduċja fil-kelma ta’ Alla. Diġa fit-Testment il-Qadim insibu d-dikjarazzjoni vibranti u sinifikattiva: “kontra l-Għerf il-ħażen ma jistax jirbaħ. Dan jestendi ruħu minn tarf għal ieħor b’qawwa, imexxi bi tjubija eċċellenti kwalunkwè ħaġa” (Għerf 7, 30-8, 1). Quddiem l-esperjenza multiformi tal-ħażin u tat-tbatijiet fid-dinja diġa t-Testment il-Qadim jagħti xhieda lill-primat tal-Għerf u tat-tjubija ta’ Alla, lill-Providenza divina tiegħu. Dan  l-atteġġjament  jidher u jiżviluppa fil-Ktieb ta’ Ġobb, li huwa ddedikat għal kollox għat-tematika tal-ħażin u tan-niket indikati bħala prova kultant tremenda għall-ġust, imma mirbuħa miċ-ċertezza, konkwistata bi sforz, li Alla huwa twajjeb. F’dan il-ġest naħtfu l-għarfien mil-limitu u mill-waqgħa tal-ħwejjeġ maħluqa, li għalihom diversi forom ta’ “ħażin” fiżiku ( imqanqla minn nuqqas jew minħabba limitazzjoni tat-tajjeb) jappartienu għall-istruttura stess tal-esseri maħluqa, li minħabba l-propja natura huma kontinġenti u passiġġieri, mela korruttibbli.

6. Nafu barra minn hekk li l-esseri materjali huma f’rapport strett ta’ interdipendenza bħal ma jesprimi l-qawl antik: “il-mewt tal-wieħed hija l-ħajja tal-ieħor” (“corruptio unius est generatio alterius”). Hekk mela, f’ċertu qies ukoll il-mewt isservi għall-ħajja Din il-liġi tirrigwarda ukoll il-bniedem minħabba li huwa esseri annimal u fl-istess ħin spiritwali, mortali u immortali. Għal dan il-għan madankollu l-kliem ta’ San Pawl jiftaħ orizzonti iktar wesgħin: “jekk ukoll il-bniedem esterjuri tagħna  kull ma jmur jiddeterjora, dak interjuri jiġġedded minn jum għal ieħor” (2 Kor 4, 16). U iktar: “Infatti l-piż ħafif, momentanju tat-tribulazzjoni tagħna, jiksbilna kwantità bla kejl u eterna ta’ ġlorja” (2 Kor 4, 17).

7. L-assikurazzjoni tal-Iskrittura Imqaddsa: “kontra l-għerf il-ħażen ma jistax jirbaħ” (Għerf 7, 30), issaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li, fil-pjan providenzjali tal-Ħallieq rigward id-dinja, il-ħażin definittivament huwa subordinat għat-tajjeb. Barra minn hekk fil-kuntest tal-verità integrali dwar il-Providenza divina,  għinni biex nifhmu aħjar iż-żewġ dikjarazzjonijiet: “Alla ma jridx il-ħażin bħala tali” u “Alla jippermetti l-ħażin”. Dwar din tal-ewwel huwa opportun il-kliem tal-Ktieb tal-Għerf: “ . . . Alla ma ħalaqx il-mewt u ma jiħux gost bir-rovina tal-ħajjin. Huwa nfatti ħalaq kollox għall-eżistenza” (Għerf 1, 13-14). Rigward il-permissività tal-ħażin fl-ordni fiżiku, per eżempju quddiem il-fatt li l-esseri materjali (fosthom ukoll il-ġisem uman) huma korruttibbli u jġarrbu l-mewt, hemm bżonn li wieħed jgħid li dan jappartieni għall-istess struttura tal-esseri ta’ dawn il-krejaturi. Mill-banda l-oħra tkun diffiċilment pensabbli, fl-istat tad-dinja materjali tallum,  l-eżistenza illimitata ta’ kull esseri korporju individwali. Nistgħu mela nifhmu li, jekk “Alla ma ħalaqx il-mewt”, bħal ma jiddikjara l-Ktieb tal-Għerf, madankollu huwa jippermettiha, minħabba l-ġid globali tal-kożmu materjali.

8. Imma jekk se ngħidu dwar il-ħażin morali, jiġifieri d-dnub u l-ħtija fid-diversi forom u konsegwenzi  tagħhom ukoll fl-ordni fiżiku, dan il-ħażin Alla ma jridux b’mod deċiż u assolut. Il-ħażin morali huwa kontra r-rieda ta’ Alla b’mod radikali. Jekk fl-istorja tal-bniedem u tad-dinja dan il-ħażin huwa preżenti u kultant saħansitra  oppressiv, jekk f’ċertu sens għandu storja propja, dan isir biss permess mill-Providenza divina minħabba l-fatt li Alla jrid li fid-dinja maħluqa jkun hemm il-libertà. L-eżistenza tal-libertà maħluqa (u allura l-eżistenza tal-bniedem, l-eżistenza wkoll ta’ spirti puri bħal ma huma l-anġli, li dwarhom se nitkellmu iktar ‘il quddiem), hija ndispensabbli minħabba dik il-milja tal-ħolqien, li twieġeb għall-pjan etern ta’ Alla (bħal ma diġa għidna f’waħda miill-katekeżi preċedenti). Minħabba dik il-milja  ta’ ġid li Alla jrid iwettaq fil-ħolqien, l-eżistenza tal-esseri liberi hija għalih valur iktar importanti u fondamentali mill-fatt li dawk l-esseri jabbużaw mil-libertà propja kontra l-Ħallieq, u li għalhekk il-libertà tistà twassal għall-ħażin morali.

Indubbjament kbir huwa d-dawl li nirċievu mir-raġuni u mir-rivelazzjoni fir-rigward tal-misteru tal-Providenza divina, li minkejja li ma tridx il-ħażin tittollerah minħabba ġid ikbar. Id-dawl definittiv, madankollu jistà jiġi biss mis-salib rebbieħ ta’ Kristu. Lilu se niddedikaw l-attenzjoni tagħna fil-katekeżi li ġejjin.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb