16. F’Ġesù l-Feddej, il-Providenza Divina Tirbaħ il-Ħażin


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  11/06/1986.

1. Fil-katekeżi preċedenti iffaċċjajna l-interrogattiv tal-bniedem ta’ kull żmien dwar il-Providenza divina, quddiem ir-realtà tal-ħażin u tat-tbatija. Il-kelma ta’ Alla tiddikjara b’mod imdawwal u dommatiku li “kontra l-għerf (ta’ Alla) il-ħażin ma jistax jirbaħ” (cf. Għerf 7, 30), u li Alla jippermetti l-ħażin fid-dinja għal skopijiet iktar għolja, imma li ma jridux. Illum nixtiequ nismgħu lil Ġesù Kristu, li fil-kuntest tal-misteru paskwali, joffri t-tweġiba sħiħa u kompluta għal tali interrogattiv tormentuż.

Nirriflettu dwar il-fatt li San Pawl ixandar lil Kristu msallab bħala “qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla” (1 Kor 1, 24), li fih il-fidwa tiġi mogħtija lil dawk li jemmnu. Bla dubju din tiegħu hija qawwa meraviljuża, u turi ruħha fid-dgħufija u fit-tbaxxija tal-passjoni u tal-mewt fuq is-salib. U huwa għerf  eċċellenti, mhux magħruf ‘il hemm mir-rivelazzjoni divina. Fil-pjan etern ta’ Alla, u fl-azzjoni providenzjali tiegħu fl-istorja tal-bniedem, kull ħażin, u b’mod partikolari l-ħażin morali – id-dnub – jiġi sottomess għat-tajjeb tar-redenzjoni u tal-fidwa propju permezz tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.  Wieħed jistà jgħid li fih Alla jieħu l-ġid mid-deni. Jieħdu f’ċertu sens mill-ħażin stess tad-dnub, li kien il-kawża tat-tbatija tal-Ħaruf Immakulat u tal-mewt terribbli tiegħu fuq is-salib bħala vittma għad-dnubiet tad-dinja. Il-liturġija tal-Knisja ma taħsibhiex darbtejn biex saħansitra titkellem, minħabba f’hekk, minn  “felix culpa” (cf. Exsultet mill-Vġili paskwali).

2. Hekk għad-domanda: kif tirrikonċilja l-ħażin u t-tbatija li hemm fid-dinja mal-verità tal-Providenza divina, ma tistax tagħti tweġiba definittiva mingħajr ma tagħmel riferenza għal Kristu. Minn banda, infatti,, Kristu – il-Verb inkarnat – jikkonferma permezz tal-propja ħajtu – fil-faqar, fl-umiljazzjoni u fit-taħbit – speċjalment permezz tal-passjoni u l-mewt tiegħu, li Alla huwa ma kull bniedem fit-tbatija, u li anzi huwa stess jieħu fuqu t-tbatija multiformi tal-eżistenza terrena tal-bniedem. Fl-istess ħin Ġesù Kristu jirrivela li din it-tbatija tippossiedi valur u qawwa redentiva u feddejja, li fiha tħejji ruħha dik “l-eredità li ma tikkorrompix ruħha”, li dwarha jitkellem San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu: l-eredità li hija kkonservata fis-smewwiet għalina” (cf. 1 Pt 1, 4). Hekk il-verità tal-Providenza takkwista permezz tal-qawwa tal-għerf” tas-salib ta’ Kristu is-sens eskatoloġiku definittiv tagħha. It-tweġiba definittiva għall-mistoqsija dwar dwar il-preżenza tal-ħażin u tat-tbatija fl-eżistenza terrena tal-bniedem tiġi offruta mir-rivelazzjoni divina fil-prospettiva tal-“predestinazzjoni fi Kristu”, fil-prospettiva jiġifieri tal-vokazzjoni tal-bniedem għall-ħajja eterna, għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Alla nnifsu. Hija propju din it-tweġiba li Kristu ġab, billi kkonfermaha bis-salib u l-qawmien miill-imwiet tiegħu.

3. B’dan il-mod kollox, ukoll il-ħażin u t-tbatija preżenti fid-dinja maħluqa, u speċjalment fl-istorja tal-bniedem, jiġu sottomessi għal-dak il-Għerf inskrutabbli, li dwaru San Pawl jgħid b’mod appassjonanti: “O profondità tal-għana, tal-għerf u tax-xjenza ta’ Alla! Kemm huma  bla qies il-ġudizzji tiegħek u  inaċċessibbli t-toroq tiegħek . . .” (Rm 11, 33). Dan, infatti, fil-kuntest feddej kollu, huwa dak l-“għerf” mimli mħabba, ġaladarba “Alla tant ħabb lid-dinja li wasal li jagħti lil Ibnu uniġenitu . . .” (Ġw 3, 16).

4. Propju dwar dan l-Għerf, għani fl-imħabba, mimli ħniena lejn il-bniedem batut, jinteressaw l-kitbiet apostoliċi biex jgħinu lill-fidili  sofferenti  biex jagħrfu l-passaġġ tal-Grazzja ta’ Alla. Hekk jikteb San Pietru lill-insara tal-ewwel ġenerazzjoni: “Għalhekk għandkom biex tifirħu mqar jekk issa għal ftit taż-żmien ieħor jeħtiġilkom toqogħdu għal ħafna provi”. U jżid: “Bħalma d-deheb, li jintemm jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu” (1 Pt 1, 6-7). Dan l-aħħar kliem jagħmel riferenza għat-Testment il-Qadim, u speċjalment għall-Ktieb ta’ Bin Sirak, li fih naqraw: bin-nar jippruvaw id-deheb, il-bnedmin  onorati bis-salib tan-niket” (Sir 2, 5). Pietru, waqt li jerġà jaqbad l-istess tema tal-prova, jkompli fl-ittra tiegħu:Imma ifirħu għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu biex iktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu” (1 Pt 4, 13).

5. B’mod analogu jesprimi ruħu l-appostlu San Ġakbu meta jħeġġeġ lill-insara biex jiffaċċjaw il-provi b’ferħ u sabar: “Għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. U s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom” (Ġk 1, 2-4). Fl-aħħar nett San Pawl fl-ittra lir-Rumani, iqabbel t-tbatijiet umani u kożmiċi ma’ xorta ta’ “wġigħ tal-ħlas” tal-ħolqien kollu, waqt li jenfasizza  l-“krib” ta’ dawk li jippossiedu l-“frott bikri” tal-Ispirtu u jistennew il-milja tal-addozzjoni, jiġifieri “ir-redenzjoni ta’ ġisimna”. Imma jżid: “Mill-bqija, aħna nafu li kollox  jikkontribwixxi għall-ġid ta’ dawk li jħobbu lil Alla . . .” u iktar ‘il quddiem “Min  mela jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Forsi t-tribulazzjonijiet, l-inkwiet, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, il-għera, il-periklu, ix-xabla?” sakemm jikkonkludi : “Infatti jien persważ li la mewt la ħajja . . . linqas xi krejaturia oħra ma tistà tifridna mill-imħabba ta’ Alla, f’Ġesù Kristu Sidna” (Rm 8, 22-39). Maġemb il-paternità ta’ Alla, immanifestata mill-Providenza divina, tidher ukoll il-pedagoġija ta’ Alla: “Hu għall-edukazzjoni tagħkom (“paideia”, jiġifieri edukazzjoni) li intom qegħdin tbatu! Alla jittrattakom ta’ wlied: u liema hu dak l-iben li ma jkunx edukat mill-missier? . . . Alla dan jagħmlu għall-ġid tagħna, biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu” (Lh 12, 7. 10).

6. Mela innutata bl-għajnejn tal-fidi t-tbatija, ukoll jekk tistà tkompli tidher bħala aspett oskur tad-destin tal-bniedem fuq l-art, tħalli però jidher il-misteru tal-Providenza divina, miġbur fir-rivelazzjoni ta’ Kristu, u b’mod partikolari fis-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu. Bla ebda dubju ta’ xejn jistà jerġà jiġri li, waqt li jipproponi l-interrogattivi antiki dwar il-ħażin u dwar it-tbatija f’dinja maħluqa minn Alla, il-bniedem ma jsibx tweġiba mmedjata, speċjalment jekk ma jippossedix fidi ħajja fil-misteru paskwali ta’ Ġesù Kristu. Gradwalment però u bil-għajnuna tal-fidi  imħeġġa mit-talb, jiskopri s-sens veru tat-tbatija li kull wieħed jisperimenta f’ħajtu propja. Din hija sejba li tiddependi mill-kelma tar-rivelazzjoni divina u mill-“kelma tas-salib” (cf. 1 Kor 1, 18) ta’ Kristu, li huwa “qawwa ta’ All u għerf ta’ Alla” (1 Kor 1, 24). Bħal ma jgħid il-Konċilju Vatikan II: “Bi Kristu u fi Kristu tiddawwal  l-enigma tan-niket u tal-mewt, li ‘il hemm mill-vanġelu tiegħu tgħaffiġna”  (Gaudium et Spes, 22). Jekk niskopru permezz tal-fidi din il-qawwa u dan il-“għerf”, insibu rwieħna fit-toroq tal-Providenza divina. Dan allura jikkonferma l-kliem tas-salmista: “Il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi . . . Jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżà mill-ebda ħsara, għaliex inti miegħi” (Sal 22, 1. 4). Hekk Il- Providenza divina tirrivela ruħha bħala l-mixja biswit ill-bniedem.

7. Bħala konklużjoni: il-verità dwar il-Providenza, li hija marbuta b’mod intimu mal-misteru tal-ħolqien, trid tkun mifhuma fil-kuntest tar-rivelazzjoni kollha,  tal-“Kredu” kollu. Hekk wieħed jara li, b’mod organiku, fil-verità tal-Providenza jidħlu ir-rivelazzjoni tal-“Predestinazzjoni” (“praedestinatio”) tal-bniedem u tad-dinja fi Kristu, ir-rivelazzjoni tal-ekonomija tal-fidwa kollha u tat-twettiq tagħha fl-istorja. Il-verità tal-Providenza divina  hija wkoll marbuta b’mod strettissmu mal-verità tas-saltna ta’ Alla. U għalhekk għandu importanza fondamentali l-kliem ippronunzjat minn Kristu fit-tagħlim tiegħu dwar il-Providenza: “Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu . . . u l-ħwejjeġ kollha jingħatawlkom ukoll” (Mt 6, 33; cf. Lq 12, 13). Il-verità dwar il-Providenza divina, jiġifieri dwar it-tmexxija traxxendenti ta’ Alla fuq id-dinja maħluqa, issir komprensibli fid-dawl tal-verità dwar is-saltna ta’ Alla, fuq dik is-saltna li Alla sa minn dejjem ried iwettaq fid-dinja maħluqa  skont il-“predestinazzjoni fi Kristu”, li kien “iġġenerat” qabel kull krejatura” (Col 1, 15).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb