7. Il-Bniedem Maħluq Xbiha ta’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  09/04/1986.

1. L-ewwel artiklu tas-Simbolu tal-fidi jitkellem minn Alla “Ħallieq tas-sema u tal-art, tal-ħwejjeġ kollha viżibbli u inviżibbli”; ma jitkellimx b’mod dirett mill-ħolqien tal-bniedem. Il-bniedem jidher fil-kuntest soterjoloġiku tas-Simbolu, b’riferenza għall-Inkarnazzjoni, bħal ma jidher ċar b’mod partikolari fis-Simbolu niċen-kostantinoplitan, meta jipprofessa l-fidi f’Ġesù Kristu, Bin Alla, li “għalina l-bnedmin” u għall-fidwa tagħna niżel mis-sema . . . u “sar bniedem”.

Irridu madankollu niftakru li l-ordni tal-fidwa mhux biss jippresupponi l-ħolqien, imma wkoll jieħu l-bidu minnu. Is-Simbolu tal-fidi jibgħatna mill-ġdid, fil-qosor tiegħu, għat-totalità tal-verità rivelata dwar il-ħolqien, biex niskopru l-pożizzjoni tassew singolari u eċċellenti li ġiet mogħtija lill-bniedem.

2. Kif diġa fakkarna fil-katekeżi preċedenti, il-ktieb tal-Ġenesi fih żewġ rakkonti dwar il-ħolqien tal-bniedem. Mill-punt di vista kronoloġiku hija eqdem id-deskrizzjoni li tinsab fit-tieni kapitolu tal-Ġenesi, u mill-banda l-oħra hija iktar reċenti dik tal-ewwel kapitolu. Iż-żewġ deskrizzjonijiet jintegraw flimkien, waqt li t-tnejn li huma fihom elementi tejoloġikament tassew għanja u prezzjużi.

3. Fil-ktieb tal-Ġenesi 1, 26 naqraw li fis-sitt jum Alla qal: “Ejjew nagħmlu l-bniedem xbiha tagħna, jixbaħ lilna, u jiddomina fuq il-ħut, tal-baħar u fuq l-għasafar tas-sema, fuq il-bhejjem, fuq l-annimali selvaġġi kollha u fuq l-annimal li jitkaxkru mal-art”.

Huwa sinifikattiv li l-ħolqien tal-bniedem huwa ppreċedut minn din ix-xorta ta’ dikjarazzjoni li biha Alla jesprimi l-intenzjoni li joħloq il-bniedem xbiha tiegħu, anzi “xbiha tagħna”, fil-plural (f’sintonija mal-verb “nagħmlu”). Skont diversi interpreti, il-plural jindika l-“Aħna” divin tal-uniku Ħallieq. Dan mela jkun, b’xi mod, sinjal trinitarju ewlieni mbiegħed. Hu x’inhu l-ħolqien tal-bniedem, skont id-dikjarazzjoni ta’ Ġenesi 1, huwa ppreċedut minn “indirizzar” għalih innifsu, “ad intra”, ta’ Alla li qed joħloq.

4. Imbagħad isegwi l-att ħallieq. “Alla ħalaq il-bniedem xbiha tiegħu, xbiha ta’ Alla ħalqu; maskju u femmina ħalaqhom” (Ġen 1, 27). Jolqot f’din is-sentenza l-użu triplu tal-verb “ħalaq” (“barà”), li donnu jixhed importanza u intensità partikolari tal-att ħallieq. Din l-istess indikazzjoni donnha li trid toħroġ ukoll mill-fatt li,  waqt li kull jum tal-ħolqien jikkonkludi bl-annotazzjoni “Alla ra li kienet ħaġa tajba” (cf. Ġen 1, 27-1, 3, 10, 12, 18, 21, 25), wara l-ħolqien tal-bniedem, is-sitt jum, jingħad li “Alla ra dak kollu li kien għamel, u hekk hu, kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen 1, 31).

5. Id-dikjarazzjoni l-iktar antika, il-“Jaħwista” ta’ Ġen 2 ma tużax l-espressjoni “xbiha ta’ Alla”. Din tappartieni b’mod esklussiv għat-test posterjuri, li huwa iktar “tejoloġiku”. Bdanakollu d-deskrizzjoni jaħwista tippreżenta, ukoll  jekk b’mod indirett, l-istess verità. Huwa infatti migħud li l-bniedem, maħluq minn Alla-Jaħwè, waqt li għandu poter li “jagħti l-isem” lill-annimali (cf. Ġen 2, 19-20), ma jsib fost il-krejaturi kollha tad-dinja viżibbli ebda “għajnuna li kienet simili għalih”; u jiġifieri tinnota s-singolarità tiegħu. Minkejja li ma jitkellimx b’mod dirett dwar ix-“xbiha” ta’ Alla ir-rakkont ta’ Ġenesi 2  jippreżenta diversi elementi essenzjali: il-ħila tal-għarfien tiegħu nnifsu, l-esperjenza tal-eżistenza propja fid-dinja, il-bżonn li jimla s-solitudni tiegħu, id-dipendenza minn Alla.

6. Fost dawn l-elementi, hemm ukoll l-indikazzjoni li r-raġel u l-mara huma ndaqs fejn jidħlu natura u dinjità. Infatti, waqt li ebda krejatura ma setgħet tkun għall-bniedem “għajnuna li kienet simili għalih”, huwa jsib tali “għajnuna” fil-mara maħluqa minn Alla-Jaħwè. Skont Ġenesi 2, 21-22 Alla jsejjaħ għall-eżistenza l-mara, meħudha mill-ġisem tar-raġel: minn “waħda mill-kustilji” tar-raġel. Dan jindika l-identità tagħhom fl-umanità, ix-xebħ essenzjali tagħhom saħansitra fid-distinzjoni. Ġaladarba it-tnejn jipparteċipaw fl-istess natura, it-tnejn għandhom l-istess dinjità ta’ persuna.

7. Il-verità dwar il-bniedem maħluq “xbiha ta’ Alla” terġà tfiġġ f’passi oħrajna tal-Iskrittura Mqaddsa, kemm fl-istess Ġenesi (“Xbiha ta’Alla għamel hu l-bniedem”: Gen 9, 6), kif ukoll f’Kotba oħra tal-Għerf. Fil-Ktieb tal-Għerf (Gherf 2, 23) hemm miktub: “Alla ħalaq il-bniedem għall-immortalità; għamlu xbiha tan-natura propja tiegħu”. U fil-Ktieb ta’ Sirak (Sir 17, 1. 3) naqraw: “Il-Mulej ħalaq il-bniedem mill-art u għaliha jreġġgħu lura mill-ġdid . . . Skont in-natura tiegħu jerġà jlibbsu b’qawwa, u xbiha tiegħu iffurmah”.

Il-bniedem, mela, inħoloq għall-immortalità, u ma jiqafx ikun xbiha ta’ Alla wara d-dnub, ukoll jekk jiġi sottomess għall-mewt. Iġorr fih ir-rifless tal-qawwa ta’ Alla, li timmanifesta ruħha b’mod speċjali fil-fakultà tal-intelliġenza u tar-rieda ħielsa. Il-bniedem huwa suġġett awtonomu, sors tal-azzjonijiet tiegħu, minkejja li jżomm il-karatteristiċi tad-dipendenza tiegħu minn Alla, ħallieq tiegħu (kontinġenza ontoloġika).

8. Wara l-ħolqien tal-bniedem, maskju u femmina, il-Ħallieq “berikhom u qalilhom: «Kunu fertili u immultiplikaw irwieħkom, imlew l-art; rażżnuha u ddominaw fuq il-ħut . . . u fuq l-għasafar . . . u fuq kull esseri li jgħix»” (Ġen 1, 28). Il-ħolqien xbiha ta’ Alla jikkostitwixxi is-sies tad-dominju fuq il-krejaturi l-oħra tad-dinja viżibbli li ġew imsejħa għall-eżistenza in vista tal-bniedem u “għalih”.

Mid-dominju li dwaru jitkellem Ġenesi 1,28 jieħdu sehem il-bnedmin kollha, li lilhom l-ewwel raġel u l-ewwel mara taw bidu. Dan tindikahulna  il-kitba jaħwista (Ġen 2, 24), li għaliha jkollna okkażjoni li nerġgħu lura. Waqt li jittrażmettu l-ħajja lil uliedhom, raġel u mara jirregalawlhom b’wirt din ix-“xbiha ta’ Alla” li kienet imsawba fuq l-ewwel bniedem fil-waqt tal-ħolqien.

9. B’dan il-mod il-bniedem isir espressjoni partikolari tal-glorja tal- Ħallieq tad-dinja maħluqa. “Gloria Dei vivens homo, vita autem hominis visio Dei”, jikteb Sant’Irinew (Adv. Haer., IV,20,7). Huwa hu ġlorja tal-Ħallieq inkwantu li kien maħluq xbiha tiegħu u speċjalment inkwantu li jidħol fil-għarfien veru tal-Alla l-ħaj. F’dan isibu sies il-valur partikolari tal-ħajja umana, kif ukoll id-drittijiet umani kollha (illum tant enfasizzati).

10. Permezz tal-ħolqien xbiha ta’ Alla, il-bniedem huwa msejjaħ biex isir, fost il-krejaturi tad-dinja viżibbli,  portavuċi tal-glorja ta’ Alla u, f’ċertu sens, kelma tal-Glorja tiegħu.

It-tagħlim dwar il-bniedem, miġbur fl-ewwel paġni tal-Bibbja (Gen 1), jiltaqà mar-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid dwar il-verità ta’ Kristu, li bħala Verb etern, huwa “xbiha tal-Alla inviżibbli”, u fl-istess ħin “iġġenerat qabel kull krejatura” (Kol 1, 15). Il-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla jakkwista, fil-pjan ta’ Alla, relazzjoni speċjali mal-Verb, xbiha eterna tal-Missier, li fil-milja taż-żmenijiet isir bniedem. Adam – jikteb San Pawl – “huwa figura ta’ dak li kellu jiġi” (Rm 5, 11). Infatti, “dawk li . . . minn dejjem għarfu lil  (Alla Ħallieq) ippredestinahom ukoll biex ikunu konformi għax-xbiha tal-Iben tiegħu, għaliex hu huwa l-primoġenitu fost ħafna aħwa” (Rm 8, 29).

11. Hekk mela l-verità dwar il-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla ma tiddeterminax biss il-post tal-bniedem fl-ordni kollu tal-ħolqien, imma titkellem diġa wkoll dwar ir-rabta tiegħu mal-ordni tal-fidwa fi Kristu, li huwa x-“xbiha ta’ Alla”  konsostanzjali u eterna (2 Kor 4, 4): xbiha tal-Missier. Il-ħolqien tal-bniedem xbiha ta’ Alla, diġa mill-bidu tal-Ktieb tal-Ġenesi jirrendi xhieda għas-sejħa tiegħu.

Din is-sejħa tirrivela ruħha għal kollox mal-miġja ta’ Kristu. Propju hemm, grazzi għall-azzjoni għall-“Ispirtu tal-Mulej”, tinfetaħ il-prospettiva tat-trasformazzjoni totali fix-xbiha konsustanzjali ta’ Alla, li huwa Kristu  (cf. 2 Kor 3, 18). Hekk ix-“xbiha” tal-ktieb tal-Ġenesi (Ġen 1, 27) tilħaq il-milja tas-sinifikat rivelat tagħha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb