9. Il-Bnedmin huma suġġett ta’ Għerf u Libertà


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  23/04/1986.

1.“Alla ħalaq il-bniedem xbiha tiegħu, xbiha ta’ Alla ħalqu; maskju u femmina ħalaqhom” (Ġen 1, 27). Ir-raġel u l-mara, maħluqin b’dinjità ugwali ta’ persuni bħala unità ta’ spirtu u ta’ ġisem, jiddiversifikaw fl-istruttura tagħhom psiko-fiżjoloġika. L-esseri uman infatti jġorr il-marka tal-maskulinità u dik tal-femminilità.

2. Waqt li hija marka ta’ diversità, hija wkoll indikatur ta’ komplimentarjetà. Dan huwa dak li joħroġ mill-qari tat-test “jaħwista”, hemm fejn ir-raġel, waqt li jara l-mara għadha kemm inħolqot, jgħid: “Din id-darba hija ġisem minn ġismi u għadma minn għadmi” (Gen 2, 23). Dan huwa kliem ta’ kuntentizza u wkoll ta’ transport entużjasta tar-raġel għad-dehra ta’ esseri essenzjalment simili għalih. Id-diversità u fl-istess ħin il-komplimentarjetà psiko-fiżika huma fl-oriġni tal-għana partikolari ta’ umanità, li hija propja tad-dixxendenti ta’ Adam fl-istorja kollha tagħhom. Min hawn jieħu ħajja ż-żwieġ, imwaqqaf mill-Ħallieq sa mill-“bidu”: “Minħabba dan ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu  ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).

3. Ma’ dan it-test ta’ Ġen 2, 24 taqbel il-barka tal-fertilità, imsemmija f’Ġen 1, 28: “Kunu fertili u mmultiplikaw, imlew id-dinja; iddominawha . . .”.  L-istituzzjoni taż-żwieġ u tal-familja, li hemm miġbura fil-misteru tal-ħolqien tal-bniedem donnha trid tgħaqqad lilha nfisha mal-mandat ta’ “dominazzjoni” tad-dinja, afdat mill-Ħallieq lill-ewwel koppja umana.

Il-bniedem, imsejjaħ biex “jiddomina l-art” –  Attenti: biex “jiddominaha”, mhux biex ifarrakha, għaliex il-ħolqien huwa don ta’ Alla u bħala tali jixraqlu rispett -, il-bniedem huwa xbiha ta’ Alla mhux biss bħala “maskju u femmina, imma wkoll minħabba r-relazzjoni reċiproka taż-żewġ sessi”. Din ir-relazzjoni reċiproka tikkostitwixxi r-ruħ tal-“komunjoni tal-persuni” li tistabilixxi ruħha fiż-żwieġ u tippreżenta ċertu xebħ mal-għaqda tat-Tliet Persuni divini.

4. Għal dan il-għan il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “Alla ma ħalaqx lill-bniedem waqt li ħallieh waħdu; sa mill bidu “raġel u mara ħalaqhom” u l-għaqda tagħhom tikkostitwixxi l-ewwel forma ta’ komunjoni ta’ persuni. Infatti l-bniedem, min-natura intima tiegħu huwa esseri soċjali, u mingħajr ir-rapporti mal-oħrajn la jistà jgħix u linqas ma jwettaq id-doti tiegħu” (Gaudium et Spes, 12).

Il-ħolqien hekk jitlob għall-bniedem kemm ir-rapport mad-dinja, kif ukoll dak mal-esseri uman l-ieħor (ir-rapport raġel-mara), kif ukoll mas-simili l-oħra tiegħu. Id-“dominju tal-art”  jimmarka il-karattru “relazzjonali” tal-eżistenza umana. Id-dimensjonijiet: “mal-oħrajn”, “bejn l-oħrajn” u “għall-oħrajn”, propji tal-persuna umana ġaladarba “xbiha ta’ Alla”, jistabilixxu sa mill-bidu l-post tal-bniedem fost il-krejaturi. Għal dan il-għan il-bniedem jiġi msejjaħ għall-eżistenza bħala suġġett (bħala “jien” konkret), iddotat b’koxjenza intellettwali u b’libertà.

5. Il-ħila tal-għarfien intellettwali jiddistingwi radikalment il-bniedem mid-dinja kollha kemm hi tal-annimali, fejn il-ħila tal-għarfien tillimita ruħha għas-sensi. L-għarfien intellettwali jirrendi lill-bniedem kapaċi jiddixxerna, jagħraf bejn il-verità u n-nuqqas ta’ verità waqt li jiftaħlu l-oqsma tax-xjenza, tal-ħsieb kritiku, tar-riċerka metodika tal-verità li tiddetermina l-karattru tiegħu li jkun traxxendentali. L-għarfien tal-verità  jinfed l-isfera kollha tar-rapport tal-bnieem mad-dinja u mal-bnedmin l-oħra, u jimponi l-premessi ndispensabbli ta’ kull forma ta’ kultura.

6. Flimkien mal-għarfien intellettwali u mar-relazzjoni tiegħu mal-verità timponi ruħha l-libertà tar-rieda umana, li hija marbuta minn relazzjoni intrinsika mat-tajjeb. L-atti umani jġorru fihom is-sinjal tal-awtodeterminazzjoni (tar-rieda) u tal-għażla. Min hawn titwieled l-isfera kollha tal-morali: infatti l-bniedem, huwa kapaċi jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, sostnut f’liema mil-leħen tal-koxjenza, li timbotta għat-tajjeb u żżomm lura mill-ħażin.

Bħall-għarfien tal-verità, hekk ukoll il-ħila ta’ għażla – jiġifieri r-rieda libera – tinfed l-isfera kollha tar-relazzjoni tal-bniedem mad-dinja, u b’mod speċjali mal-bnedmin l-oħra u timbotta lilha nfisha ukoll iktar.

7. Infatti l-bniedem, grazzi għan-natura spiritwali u għall-ħila ta’ għarfien intellettwali u ta’ libertà ta’ għażla u ta’ azzjoni, isib ruħu, sa mill-bidu, f’relazzjoni partikolari ma’ Alla. Id-deskrizzjoni tal-ħolqien (cf. Ġen 1-3) tippermettilna li ninnutaw li x-“xbiha ta’ Alla” timmanifesta ruħha b’mod speċjali fir-relazzjoni tal-“jien” uman mal-“Int” divin. Il-bniedem jagħraf lil Alla, u qalbu u r-rieda tiegħu huma kapaċi li jingħaqdu ma’ Alla (“homo est capax Dei”). Il-bniedem jistà jgħid “iva” lil Alla, imma jistà jgħidlu wkoll “le”. Il-ħila li jilqà lil Alla u r-rieda qaddisa tiegħu, imma wkoll il-ħila li jopponi għaliha.

8. Dan kollu huwa miktub fis-sinifikat tax-“xbiha ta’ Alla”, li jippreżentalna, fost l-oħrajn, il-Ktieb ta’ Sirak: “Il-Mulej ħalaq il-bniedem mill-art u lejja jġegħlu jerġà jmur mill-ġdid”. Skont in-natura tiegħu [il-bnedmin] libbishom b’qawwa, u xbiha tiegħu ffurmahom. Huwa  sawwab f’kull esseri ħaj il-biżà tal-bniedem, sabiex il-bniedem jiddomina fuq il-bhejjem u fuq l-għasafar. Dixxerniment, lingwa, għajnejn, widnejn u qalb tahom sabiex jirraġunaw. Imliehom b’duttrina u b’intelliġenza u ndikalhom ukoll it-tajjeb u l-ħażin. Xeħet ħarstu fi qlubhom – innutaw l-espressjoni! – biex jurihom il-kobor tal-opra tiegħu . . . Barra minn hekk qiegħed quddiemhom ix-xjenza u tahom b’wirt il-liġi tal-ħajja. Stabbilixxa magħhom patt etern u ġegħlhom jagħrfu id-digrieti tiegħu” (Sir17, 1. 3-7. 9-10). Dan huwa kliem għani u profond li jġegħlna nirriflettu.

9. Il-Konċilju Vatikan II jesprimi l-istess verità dwar il-bniedem b’lingwaġġ li huwa fl-istess ħin perenni u kontemporanju. “Il-bniedem jistà jdur fuq it-tajjeb biss fil-libertà. Id-dinjità tal-bniedm titlob li huwa jaġixxi skont għażliet  konxji u liberi . . .”. “Fl-intern tiegħu, huwa jmur ‘il hemm mill-univers: f’dawk il-profonditajiet huwa jerġà lura, meta jindirizza lil qalbu, hemm fejn Alla jistennieh”.  “Il-vera libertà . . . hija fil-bniedem sinjal l-iktar għoli tax-xbiha divina” (GS 17.14.17). Il-vera libertà hija l-libertà fil-verità, miktuba, mill-bidu, fir-realtà tax-“xbiha divina”.

10. Bis-saħħa ta’ din ix-“xbiha” l-bniedem, bħala suġġett ta’ għarfien u libertà, mhux biss huwa msejjaħ biex jibdel id-dinja skont il-qies tal-bżonnijiet ġusti tiegħu, mhux biss huwa msejjaħ għall-għaqda ta’ persuni propju taż-żwieġ (“communio personarum”), li minnha l-bidu tal-familja, u konsegwentement kull soċjetà, imma wkoll imsejjaħ għall-patt ma’ Alla. Infatti huwa mhuwiex biss krejatura tal-Ħallieq tiegħu, imma wkoll xbiha tal-Alla tiegħu. Huwa krejatura bħala xbiha ta’ Alla, u huwa xbiha ta’ Alla bħala krejatura. Id-deskrizzjoni tal-ħolqien diġa f’ Ġen 1-3 hija magħquda ma’ dik tal-ewwel patt ta’ Alla mal-bniedem. Dan il-patt (hekk bħall-ħolqien) huwa inizjattiva għal kollox sovrana ta’ Alla ħallieq, u tibqà ma tinbidilx tul l-istorja tal-fidwa, sal-patt definittiv u etern li Alla jikkonkludi mal-umanità f’Ġesù Kristu.

11. Il-bniedem huwa s-suġġett addattat għall-patt, għaliex kien maħluq “xbiha” ta’ Alla, kapaċi jagħraf u liberu. Il-ħsieb nisrani  ra fix-“xebħ” tal-bniedem ma’ Alla s-sies għas-sejħa tal-bniedem biex jieħu sehem fil-ħajja interna ta’ Alla: il-ftuħ tiegħu għas-soprannatural.

Hekk mela l-verità rivelata dwar il-bniedem, li fil-ħolqien kien magħmul “xbiha u xebħ ta’ Alla”, jinkludi fih mhux biss dak kollu li fih huwa “humanum”, u allura essenzjali għall-umanità tiegħu, imma potenzjalment ukoll dak li huwa “divinum”, u allura gratwit, jinkludi wkoll dak li Alla, – Missier, Iben u Spirtu Santu – fil-fatt ippreveda għall-bniedem bħala dimensjoni sopprannaturali tal-eżistenza tiegħu, li mingħajrha l-bniedem ma jistax jilħaq il-milja kollha iddestinata lilu mill-Ħallieq.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb