Kemm-il darba nħossuna li qed niġru wara l-ħin! Qed ngħixu bħalkieku chronos rebaħ kontra l-kairos. X’ifisser dan il-kliem? Chronos għall-Griegi antiki kienet tfisser meta l-ħin jikolna, u ġejja mill-isem ta’ alla li kiel it-tfal tiegħu. Min-naħa l-oħra, kairos hu l-ħin li jiswa għalina, żmien ta’ grazzja. Kif nistgħu nittrasformaw il-chronos f’kairos?
Iż-żmien hu l-ħabib tiegħi jekk ngħix għal kollox il-mument preżenti.
Ġesù hu eżempju ħaj ta’ dan. Fil-Vanġelu Ftit li xejn niltaqgħu ma’ ġrajjiet fejn Ġesù għaġġel jew ma tax il-ħin lil min ried jiltaqa’ miegħu. Jgħallimna biex ma nħallux l-għaġla, it-tensjoni u l-ħsieb tal-impenji tagħna jbegħduna mill-mogħdrija u l-imħabba lejn l-oħrajn. Ma jagħmilx ġid lil saħħtu min iwassal lilu nnifsu biex jgħix taħt pressjoni ta’ ħin. Ġesù kien jgħix kollu kemm hu fil-mument preżenti. Meta l-ommijiet ġabulu t-tfal tagħhom, id-dixxipli qiesu dan bħala ħela ta’ ħin. Hawn Ġesù jieħu l-ħin tiegħu. Ressaq lit-tfal lejh, ħaddanhom miegħu, qiegħed idejh fuqhom u berikhom (Mk 10,16). Il-ħin ma tellfux minn mument ta’ ferħ li hu suġġett ta’ tant pitturi sbieħ.
Is-sigriet ta’ Ġesù kien li jagħmel dak li hu l-aħjar fil-ħin tiegħu, mingħajr ma jaħseb f’dak li għandu jiġi wara. Meta jien nagħti lili nnifsi għal dak li se nagħmel, meta niddedika ruħi kollni kemm jien għall-persuna li nkun nitkellem magħha, dan ifisser li għandi rapport tajjeb mal-ħin. Ifisser li meta nkun fil-kumpanija ta’ xi ħadd, hu pjaċir għalija. Ħafna drabi ma nkunx nista’ ndum ma’ persuna, imma nara kif, fil-limitu ta’ ħin li jkolli ma’ dil-persuna, inkun preżenti għaliha kollni kemm jien.
Irrid nagħlaq il-bieb tal-ħin ta’ qabel biex nilqa’ b’mod sħiħ il-mument preżenti. Imma l-bieb tal-ħin li għadda tassew li għalaqtu, jew għadu mbexxaq? Id-differenza nħossuha. Ngħidu aħna, meta nirċievi xi e-mails li rrid inwieġeb u jasal għandi ħabib, jiena nista’ nġib ruħi b’żewġ manjieri. L-ewwel: nilqa’ lil din il-persuna imma f’moħħi għandi l-ewwel e-mail li se nwieġeb u kif se nwieġbu. Mhemmx għalfejn ngħidu li, min ġie jżurni, se jfixkilni. Allura nagħti importanza lill-e-mails iktar milli nisma’ u nkellem lill-persuna. It-tieni: inneħħi minn moħħi dawn l-emails biex niddedika għal dan il-ħabib il-ħin li għandu bżonn. Ħafna drabi ma jkunx hemm bżonn ħin twil biex insolvu l-problema li ġabet lil xi ħadd għandna. Imma, jekk ma nkunx “għalaqt il-bieb” minn qabel, il-preżenza ta’ dan il-ħabib se tkun itwal, u n-nuqqas ta’ sabar tiegħi se jiżdied għax ħsiebi jkun f’dak kollu li għad baqagħli nlesti. Dan jgħodd ukoll għal meta nirċievi telefonata fuq il-mobile waqt li xi ħadd ikun ġie jkellimni.
Huwa ċar li ma nistax ngħaddi l-ġurnata tiegħi b’għajnejja magħluqa. Bejn wieħed u ieħor naf x’hemm jistennieni fil-ġurnata li tkun ġejja. Imma jiddependi minni jekk iniex se nħossni oppressat minn xi ħaġa li naraha qed theddidni jew jekk iniex se ngħaddi l-ġurnata fil-kalma u fis-serenità, billi nieħu kollox ħaġa ħaġa.
Fil-mixja tiegħi tal-ħajja, fi triqti lejn id-destinazzjoni, irrid nimxi pass wara l-ieħor, u niggosta kull waqt tal-mixja tiegħi. U meta l-ġurnata tiegħi tkun waħda mimlija ħidma iżjed mis-soltu, aktar u aktar għandi nipprova nkun kalm quddiem dak kollu li għandi nagħmel. Minkejja l-programm mimli li jkolli, infittex li ma nħossnix ippressat, imma għall-kuntrarju, nibqa’ kalm meta qed nagħmel ħaġa wara l-oħra. Probabbli li mbagħad niskanta li baqagħli ħin biex nistrieħ ftit u nieħu pjaċir bl-intervalli li jkolli bejn impenn u ieħor.
U jekk ma jirnexxilix inkun kollni kemm jien fil-mument preżenti? Nistaqsi dan għaliex. U ħafna drabi jkun minħabba l-pressjoni li nitfa’ fuqi meta nċedi għall-biża’ mix-xogħol li għandi u minn dak li qed jistennew l-oħrajn minni. Jista’ jkun li ċ-ċirkustanzi ma jħallunix inkun il-persuna li tassew jien.
Xi drabi wkoll ninduna li nkun rajt kbir wisq għall-ġurnata li tkun. Allura nieħu dan bħala twissija: ‘il quddiem hemm bżonn li nkun iktar attent biex ma nelaborax iżżejjed f’dak li nippjana, biex inkun nista’ nasal għal dak li fassalt u nagħmel dan b’konċentrazzjoni u b’ċerta paċi. Jekk naf li nista’ niddedika biss nofs siegħa għal laqgħa ma’ persuna, nara x’inhu l-aktar essenzjali biex nuża l-ħin tajjeb. Ħin limitat mhux bilfors iġib miegħu għaġla u tferfix.
Hu biss meta jien għal kollox preżenti li l-ħin tiegħi jibda jsir mumenti ta’ laqgħa intima ma’ Alla. Għax Alla ma jħallix li nsibuh ħlief fil-mument preżenti. Jekk, bħal Abram, nistaqsu lil Alla min hu, jgħidilna: “Jien, li qiegħed hawn issa.” Daqshekk sempliċi! U jekk jien nikkultiva fija l-attitudni li biha ngħix il-mument preżenti, inkun qed ngħix il-kairos. Inħossni ħieles u ferħan meta, minkejja l-pressjoni tal-ħin, nagħżel il-ġid ta’ min jeħtieġni. Il-ħin tiegħi, anzi ħajti, nafhom lil Alla, ngħix fih u naħdem miegħu. Alla, li hu l-preżent pur u assolut.
Joe Galea