Mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn


Ktieb ġdid mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM)

Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca għadha kif ippubblikat il-ktieb Mingħajru ma Nistgħu Nagħmlu Xejn, intervista li l-ġurnalist Taljan Gianni Valente għamel lill-Papa Franġisku.

F’dan il-ktieb-intervista, għandna eżortazzjoni mqanqla tal-Papa biex inkunu dak li aħna msejħin għalih bħala Nsara: missjunarji awtentiċi fid-dinja tal-lum. Il-Papa jerġa’ jenfasizza li kull ħidma appostolika trid tkun il-frott ta’ relazzjoni ta’ mħabba li hemm bejn Ġesù u l-missjunarju. Mill-bqija kollox ikun għalxejn! 

Dan il-ktieb mhux indirizzat biss lil dawk il-missjunarji li marru jħabbru l-Evanġelju f’art oħra jew lil dawk involuti fil-ħidma tal-Knisja f’Malta,  imma huwa wkoll messaġġ ċar u dirett għall-imgħammdin kollha. Fi kliem Papa Franġisku: “Ix-xandir tal-Evanġelju jista’ jitwassal anke b’leħen baxx, imma dejjem irid ikun imsieħeb mal-forza li taħsad tal-iskandlu tas-salib. Għandu jsegwi dejjem it-triq indikata minn San Pietru fl-ittra tiegħu meta jgħidilna ‘kunu dejjem imħejjijin biex twieġbu lil kull min jistaqsikom il-għala tat-tama li għandkom fikom.’ (1 Pt 3,15)”

Dan il-ktieb qiegħed jinbiegħ minn Librerija Preca, Blata l-Bajda għall-prezz ta’ €6.