Il-Ħajja, patrimonju uman. Omelija tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

IL-ĦAJJA, PATRIMONJU UMAN
Omelija tal-Isqof Mario Grech
Victoria, 14 ta’ Mejju, 2013

“Għalkemm f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin is-soċjeta tagħna għamlet kisbiet kbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien tad-drittijiet tal-mara, qatt ma huwa biżżejjed li jibqa jsir sforz ġenwin biex filwaqt li jikber ir-rispett lejn id-dinjita’ tal-mara, tiġi megħluba kull imġieba li tferi l-mara bħalma huwa fil-każ tal-vjolenża domestika.
Fl-istess waqt għandu joħloq tħassib serju l-fatt li kultant żmien nisimgħu lil min itambar li l-fatt li pajjiżna jgħożż il-ħajja umana sa mill-bidunett tat-tnissil tagħha u jħarisha b’qafas ta’ liġijiet, dan b’xi mod imur kontra d-drittijiet tal-mara!

Infatti ftit xhur ilu il-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi f’rapport li ressqet lill-Ġnus Magħquda ikkumentat li l-fatt li f’pajjiżna l-abort huwa projbit mill-Liġi, ifisser li n-nisa huma f’riskju ta’ tortura u trattament krudil, inuman u degradanti! Din il-Kummissjoni tirrakkomanda li f’Malta l-abort ma għandux jibqa jigi kkunsidrat bħala delitt u dan biex il-mara tkun tista tagħmel l-abort meta jkun hemm periklu għal saħħietha jew ħajjietha u meta d-dritt tagħha għall-liberta’ minn kull tortura jew trattament qalil, inuman u degradanti jitlob li għandha tirrikorri għall-abort!

Kunsiderazzjonijiet bħal dawn mhumiex aċċettabli għaliex jiffukaw fuq pseudo drittijiet tal-mara u jitraskuraw għal kollox id-drittijiet tal-bniedem li jibda jezisti sa mill-mument tal-fertilizzazjoni jew aħjar tat-tnissil tiegħu. Il-bniedem, kemm jekk għandu ż-żmien u kemm jekk għadu fetu, għandu d-dritt li jgħix. Aktar mal-bniedem huwa dgħajjef u ma jistax jiddefendi lilu nnifsu, aktar huwa dmir tas-soċjeta li tipproteġih. Kif insibu fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-drittijiet tat-tarbija, “minħabba immaturita fiżika u mentali, it-tarbija għandha bzonn ta’ ħarsien u kura, li tinkludi protezzjoni legali approprjata, kemm qabel kif ukoll wara t-twelid”.

L-abort huwa qtil tat-tarbija. Min intenzjonalment jagħmel l-abort għandu responsabilita’ morali gravi. Meta omm tqila tkun marida serjament u għalhekk tkun teħtieġ kura medika li tista indirettament tpoggi f’riskju l-ħajja tat-tarbija, din il-kura hija etikament permessa basta jintuza kull mezz biex tkun imħarsa l-ħajja kemm tal-omm kif ukoll tat-tarbija. Qatt ma hu permess qtil dirett tat-tarbija biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm.

Inħoss li għandi nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi lejn iż-żewġ partiti politċi l-kbar ta’ pajjiżna li jistqarru li jemmnu li huma favur il-ħajja umana u għalhekk kontra l-abort. Għandi ammirazjzoni kbira lejn il-funzjunarji pubbliċi tagħna li xi drabi, meta f’fora internazzjonali bil-kuraġġ jiddefendu l-ħajja tat-tarbija sa mill-bidu tagħha, ġie li jsibu min jiskartahom!

L-istess rikonoxxenza nespremiha lejn il-ħafna mit-tobba u professjonisti tagħna li jaħdmu fis-settur tas-saħħa li moħħna mistrieħ minnhom għax jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-ħajja specjalment meta din ma għandha ebda protezzjoni! Personalment naf b’tabib li meta jkollu rikjesta biex isir abort, jagħmel dmiru u jipprova jfisser il-kruha tal-qtil tat-tarbija!

Nappella lin-nisa għaqlin tagħna biex ikunu minn ta’ quddiem li jitkellmu favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. Il-ġenituri huwa l-ewwel għalliema biex inisslu f’uliedhom l-għożża għall-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. L-Azzjoni Kattolika qed tagħmel ħaġa sewwa li xxerred id-devozzjoni lejn Santa Ġanna Berretta Molla, omm-tabiba li biex tħares lil bintha li kienet għadha fil-ġuf, għażlet li tirriskja u tagħti ħajjitha!

Fl-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejja dik li tissejjaħ European Citizens’ initiative ONE OF US biex jingabru firem bizzejjed biex il-Parlament Ewropew jiġi mgħarraf li aħna ċ-ċittadin Ewropej inzommu li l-embrijun huwa wieħed minna u għalhekk għandu jiġi protett bil-ligijiet. Din hija inizjattiva nobli u importanti li wieħed jiffirmaha biex l-Ewropa ma tittradixxix iċ-ċivilta’ tagħha favur il-ħajja. Inħeġġeġ lill-Azzjoni Kattolika biex taħdem aktar ħalli jkun kotran l-għadd ta’ dawk li jiffirmaw din l-inizjattiva.

Imbagħad nġedded l-istedinna li għamilna l-Ħadd li għadda fil-komunitajiet parrokkjali tagħna biex nissieħbu fil-kampanja ta’ talb msejjħa “Adozzjoni Spiritwali” li qed tieħu ħsiebha d-Dar Ġużeppa Debono. F’din l-inizjattiva wieħed jimpenja ruħu li jitlob għal tarbija li qiegħda tizviluppa f’ġuf ommha u li qiegħda f’riskju ta’ abort. Id-Dar Ġuzeppa Debono hija barka għas-soċjeta tagħna għaliex tagħmel ħafna ħidma biex issalva l-ħajjiet tat-trabi! Din id-dar hija “santwarju tal-ħajja” fid-djocesi tagħna u jixirqilha li nagħtuha kull support!

Pajjiżna għandu tassew għaliex ikun kburi li għandu dan il-patrimonju favur il-ħajja! Importanti ħafna li nibqgħu nilqgħu kontra kull pressjoni biex pajjiżna jiċħad dan il-patrimonju bid-dħul tal-liġi favur l-abort. Jekk xi darba nbexqu l-bieb għall-abort, inkunu għamilna ħsara irreparabbli liċ-ċivilta’ tagħna għaliex l-abort huwa miżura li tneżżana mill-istess umanita’ tagħna”

Omelija tal-Isqof Mario Grech waqt quddiesa għan-nisa fiċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika, Victoria, fl-okkażżjoni tal-World Unions of Catholic Women Organisation (14 ta’ Mejju, 2013)

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading