Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità ta’ San Ġużepp, Qala


IĊ-ĊELIBAT SAĊERDOTALI FIL-KNISJA KATTOLIKA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ San Ġużepp
Parroċċa Qala – Il-Ħamis, 18 ta’ Marzu 2010

San Ġużepp ma kienx saċerdot, imma kellu moħħ u qalb saċerdotali! Il-Papa Ġwanni Pawlu II sejjaħ lil San Ġużepp bħala “il-kustodju tal-Feddej”. Dan t-titlu japplika wkoll għas-saċerdot li huwa l-għassies ta’ Kristu, mhux biss billi jgħasses b’ħafna għożża l-Ewkaristija u l-grazzja li huwa jqassam f’isem Kristu kull meta jxandar il-Kelma u jiċċelebra s-sagramenti, imma wkoll meta huwa jgħasses fuq il-poplu t’Alla. Għalhekk, bir-raġun li xieraq li f’din is-sena ddedikata lis-saċerdoti, nirriflettu dwar il-figura tal-Patrijarka San Ġużepp u nitolbu bl-interċessjoni tiegħu ħalli fil-Knisja ta’ Kristu s-saċerdot jibqa jgħix is-sejħa tiegħu bil-fedeltà.

Id-don taċ-ċelibat

Biex seta’ jkun il-kustodju ta’ Ġesù, Ġużeppi irrinunzja għall-paternità fiżika. Ġużeppi u Marija kellhom il-pjan li jiżżewġu u jiffurmaw familja, tant li kienu diġà tgħarrsu uffiċjalment; imma mbagħad Alla jidħol fl-istorja tagħhom u jagħżilhom. Lil Marija sejħilha għal maternità verġinali: hi kellha tnissel il-Verb bil-qawwa tal-Għoli u tibqa’ verġni. Minn Ġużeppi, Alla talab li jibqa’ verġni u fl-istess waqt jifrex il-paternità affettiva u spiritwali fuq Ġesù. Kien Ġużeppi li għen lil Ġesù jikber fiż-żmien, fl-għerf u fil-grazzja! Ġużeppi jaċċetta li jgħix ħajja kasta biex hekk jintelaq f’idejn Alla u jkun tiegħu f’kollox.

Il-Knisja Kattolika Latina titlob li s-saċerdoti ma jiżżewġux. Huma jibqgħu ċelebi mhux għax boloh, jew għax ma jħossuhomx miġbudin biex jidħlu f’relazzjoni ma’ mara u flimkien jibnu familja; imma għax fuq l-eżempju ta’ Kristu, is-saċerdoti jibqgħu ċelibi “għas-saltna tas-smewwiet” (Mt 19,12). Minbarra dan l-aspett eskatoloġiku, iċ-ċelibat huwa għajnuna biex is-saċerdot ikun għall-oħrajn, u għalkemm jirrinunzja għal dik il-paternità li hija proprja tal-miżżewġin, huwa jikseb paternità u maternità għax bil-magħmudija u bil-predikazzjoni huwa “jnissel fi Kristu” (1Kor 4,15) u “jħoss l-uġiegħ tal-ħlas” sakemm Kristu jissawwar fihom (Gal 4,19). Biex jassigura din il-qalb pastorali, is-saċerdot ċelibi jistinka biex iħobb lil Alla u lill-oħrajn b’qalb sħiħa u għalhekk jaċċetta li mħabbtu ma jaqsamha ma’ ebda persuna partikulari!

Iċ-ċelibat u l-abbużi sesswali

Kemm iċ-ċelibat saċerdotali kif ukoll iċ-ċelibat li jħaddnu dawk li jikkonsagraw ruħhom lil Alla u persuni oħra li huma mogħtija għal Alla – bħalma huma s-Soċji tal-Museum – , ma jinftiehemx jekk ma jkunx hemm viżjoni ta’ din il-finalità sopranaturali. Mhux għaġeb li Ġesù ma kienx mifhum! Mhux biss in-nies ta’ żmien Kristu ma fehmux il-valur taċ-ċelibat, imma lanqas in-nies ta’ żmienna! Ngħid dan mhux għax għandi xi dubju mill-konvinzjoni li għandhom is-saċerdoti tagħna dwar iċ-ċelibat, imma għax inħossni ippreokkupat bid-diskors li għaddej mhux biss fl-Ewropa, bħal fil-każ tal-Ġermanja, fl-Iżvizzera ufl-Irlanda, imma wkoll f’pajjiżna – diskors maħsub biex jiskredita ċ-ċelibat tas-saċerdot Kattoliku. Bħalissa, anke f’pajjiżna, hawn mewġa kontra s-saċerdozju bl-akkużi ta’ saċerdoti involuti fil-pedofilija u l-omosesswalità. Dan ngħidu b’għafsa ta’ qalb għax inħoss għas-saċerdoti u għall-Knisja.

Kampanja ta’ attakki kontra l-Knisja

Waqt li f’pajjiżna aħna qed inħejju għaż-żjara fostna tal-QT il-Papa Benedittu, fuq ix-xefaq għaddejja kampanja kontra tiegħu. Xi wħud qed jippruvaw jimplikawh f’inċident ta’ saċerdoti pedofili u omosesswali. It-tajn li qed jiftgħu fuq is-suttana bajda tal-Papa huwa ħmieġ li jriduh jaqbad mal-Knisja! Nidrob ir-ragħaj biex il-merħla tixxerred (ara Mt 26,31)! Dan il-ħmieġ qed jitwaddab lejn il-Knisja bil-ħsieb li jkissru l-awtorità morali tal-Knisja u jnisslu dubji serji dwar l-attendibilità tad-duttrina Nisranija! Il-filosfu Taljan Marcello Pera ddeskriva dan il-fenomenu bħala kampanja tal-lajċiżmu kontra l-Kristjanità! Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja reċenti, nintebħu li maż-żmien tbiddlu l-mezzi li bihom sar l-attakk imma l-għan baqa’ dejjem l-istess: il-qerda tat-twemmin Nisrani. Marcello Pera jkompli jikteb li din il-kampanja mhix biss aggressjoni fuq il-Papa, imma wkoll fuq id-demokrazija – “jekk il-Kristjaneżmu jinqered, l-istess demokrazija tintilef”.

Dan l-aħħar smajna li mhux biss San Pawl kellu tendenzi omosesswali, imma anke San Ġorġ Preca kellu dan l-orjentament. Dawn kalunnji serji! Verament meraviljuża r-raġuni li ngħatat biex tfisser il-fatt li n-numru tas-seminaristi fi żmienna naqas: intqal li snin ilu fis-seminarju kienu jidħlu dawk li għandhom orjentament omosesswali! F’dan kollu hemm aġenda malizzjuża biex jiskreditaw is-saċerdot u l-Knisja!

Quddiem il-periklu ta’ abbużi sesswali

Xejn ma nistgħaġeb jekk ’il quddiem jiġi xi ħadd u jgħidilna biex ma nibagħtux lil uliedna għad-duttrina jew il-Museum; biex it-tfal tagħna ma jibqgħux jaqdu l-artal bħala abbatini; biex ma nħalluhomx imorru fl-iskejjel tal-Knisja… għax jistgħu jmissuhom!!!

Mhux qed ngħid li fil-Knisja ma hemmx dawn il-perikli! Imma nixtieq nara fi ħdan kategoriji u professjonijiet oħra fis-soċjetà tagħna dik l-istess rigoriżità u serjetà li għandha l-Knisja llum biex imġibiet bħal dawn jiġu mrażżna. Filwaqt li għal darb’ oħra nikkundanna kull forma ta’ abbuż sesswali, partikularment fuq il-minuri, nagħti kelma li meta nkun naf b’imġieba bħal din fil-kamp pastorali, jien naġixxi. Min-naħa l-oħra, mhux ġust li jekk jiżbalja wieħed, miegħu jeħel kulħadd.

It-teżor taċ-ċelibat

Għalhekk huwa provvidenzjali li llum qed niċċelebraw din is-solennità ta’ San Ġużepp – għax San Ġużepp għandu messaġġ attwali ħafna li jgħinna nifhmu din id-dimensjoni ċelibatarja tas-saċerdot Kattoliku. Nitlobkom twieżnu lilna s-saċerdoti bit-talb tagħkom biex aħna nħarsu dan it-teżor taċ-ċelibat u ngħixu bil-fedeltà s-sejħa tagħna. Nitlobkom ukoll biex ikollkom għarfien ta’ dawk li jagħtu lilhom infushom lil Alla, partikularment tas-saċerdoti.