IL-ĠIMGĦA WARA L-EPIFANIJA
Salmodija tal-Ġimgħa tat-II ġimgħa
a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …
IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA
V/. Mulej, iftaħli xufftejja.
R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94 (95)
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.’
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
UFFIĊĊJU TAL-QARI
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.
INNU
Ġew il-maġi jfittxu t-tfajjel;
kif sabuh, quddiemu nxtehtu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
ta’ l-inċens, id-deheb u l-mirra.
Int ilqagħhom bħala xhieda
ta’ setegħtek u saltnatek,
Tfajjel, li l-Missier għażillek
tliet karattri sa minn dejjem.
Ħu l-inċens, għax inti Alla:
għax Sultan, ħu d-deheb ta’ Saba:
iżda ilqa’ wkoll il-mirra;
Bniedem int, għad tara d-difna.
Betlem, kbira fost kemm f’Ġuda
hemm bliet kbar, int waħdek stħaqqlek
tilqa’ fik lill-mexxej tagħna,
‘l Alla w bniedem li salvana.
Il-Ħallieq b’testment ordnalu
jibda saltna mhix bħall-bqija,
saltna mħabbra mill-profeti,
kif sinjali wrew fl-imgħoddi:
Saltna li tkun tiġbor fiha
kull ma jimla l-ħolqien kollu,
is-smewwiet u l-art u l-ibħra,
l-univers minn tarf għall-ieħor.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma’ l-Ispirtu
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Mulej, la twiddibnix fis-saħna tiegħek.
Salm 37 (38)
I
Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek, *
la twiddibnix fis-saħna tiegħek!
Għax il-vleġeġ daħlu fija, *
u idek tagħfas fuqi.
Xejn m’hu sħiħ f’ġismi minħabba l-għadab tiegħek; *
m’hemmx saħħa f’għadmi minħabba ħtijieti.
Għax dnubieti telgħu ‘l fuq minn rasi, *
bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.
Glorja.
Ant. 1: Mulej, la twiddibnix fis-saħna tiegħek.
Ant. 2: Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi.
II
Irejjħu u jdennu l-ġrieħi tiegħi, *
ħtija tal-bluha tiegħi.
Ninsab milwi u mifni għall-aħħar; *
il-jum kollu ngħaddih fid-dwejjaq.
Għax qabadni ħruq f’ġenbejja, *
u xejn sħiħ ma għandi f’ġismi.
Mifni nħossni u mfarrak għalkollox; *
ngħajjat minħabba t-tferfir ta’ qalbi.
Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi; *
it-tnehid tiegħi m’hux moħbi minnek.
Qalbi tħabbat, saħħti ħallietni, *
id-dawl ta’ għajnejja wkoll naqasni.
Ħbiebi u sħabi mill-mard tiegħi jitgerrxu; *
qrabati jżommu ‘l bogħod minni.
Xibka ħejjewli dawk li jonsbuli ħajti, †
iqassu fuqi dawk li jixtiquli d-deni, *
il-ħin kollu l-qerq inassu.
Glorja.
Ant. 2: Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi.
Ant. 3: Ħtijieti nistqarrhom; Sidi, la tħallinix, inti s-salvazzjoni tiegħi.
III
Imma jien bħal trux li ma jismax; *
bħal imbikkem li ma jiftaħx ħalqu.
Nagħmilha ta’ wieħed li ma jismax, *
bħal wieħed li xejn ma għandu xi jgħid.
Għax fik, Mulej, jien nittama; *
int li twieġeb, Sid u Alla tiegħi.
Jien għedt: “Ma jifirħux minħabba fija, *
ma jiftaħrux fuqi jekk riġli jogħtor.”
Għax jien wasalt biex naqa’; *
u tbatijieti dejjem quddiem għajnejja.
Ħtijieti jien nistqarrhom; *
nitħasseb fuq id-dnub tiegħi.
Tqawwew dawk li għal xejn b’xejn huma kontrija; *
żdiedu dawk li għal xejn jobogħduni;
dawk li jrodduli għall-ġid id-deni; *
dawk li jiqfuli għax nimxi sewwa.
La tħallinix, Mulej; *
Alla tiegħi, titbegħidx minni.
Fittex agħtini l-għajnuna, *
Sidi, is-salvazzjoni tiegħi.
Glorja.
Ant. 3: Ħtijieti nistqarrhom; Sidi, la tħallinix, inti s-salvazzjoni tiegħi.
V/. Il-Verb kien il-ħajja ta’ dak kollu li sar.
R/. U l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
LEZZJONI 1
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Iż. 65:13-25
Smewwiet ġodda u art ġdida
Dan jgħid il-Mulej :
Ara, il-qaddejja tiegħi jieklu,
imma intom tkunu bil-ġuħ;
ara, il-qaddejja tiegħi jixorbu,
imma intom tkunu bl-għatx;
ara, il-qaddejja tiegħi jifirħu,
imma intom tistħu;
ara, il-qaddejja tiegħi jgħannu bl-hena ta’ qalbhom,
imma intom tgħajjtu bin-niket ta’ qalbkom,
u tixhru bid-diqa ta’ ruħkom.
Isimkom ikun saħta
għall-magħżulin tiegħi
– Sidi l-Mulej joqtolkom –
u l-qaddejja tiegħi jkollhom isem ieħor.
Min jitbierek fuq l-art,
jitbierek minn Alla l-veru,
u min jaħlef fuq l-art,
jaħlef b’Alla l-veru,
għaliex l-hemm ta’ l-imgħoddi jintesa
u jgħib minn quddiemi.
Għax, arani, se noħloq
smewwiet ġodda u art ġdida.
Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi,
f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.
Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem
minħabba f’dak li għad noħloq jien.
Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena,
poplu tagħha għall-ferħ.
Jien nifraħ b’Ġerusalemm
u nitgħaxxaq bil-poplu tiegħi.
Ma jinstemax aktar fiha leħen il-biki
anqas leħen in-niket.
Ma jkunx hemm iżjed fiha
tarbija li tgħix ftit jiem,
anqas xiħ li ma jimteliex bil-għomor.
Għax iż-żagħżugħ imut ta’ mitt sena
u ta’ mitt sena jkun il-midneb meta jieħu l-kastig.
Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom,
iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom.
Ma jibnux biex ħaddieħor jgħammar
u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor,
għax il-poplu tiegħi jgħix daqskemm jgħixu s-siġar,
u l-magħżulin tiegħu jistgħallu xogħol idejhom.
Ma jitħabtux għal xejn
u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem,
għax ikunu nisel imbierek mill-Mulej,
u wliedhom magħhom.
Qabel isejjħuli, nwieġeb;
nismagħhom, meta għadhom ikellmuni.
Il-lupu u l-ħaruf jirgħu flimkien,
l-iljun, bħall-barri, jiekol it-tiben,
u t-trab ikun ikel is-serp.
Ma jagħmlux deni u lanqas ħsara
fuq l-għolja mqaddsa tiegħi kollha, jgħid il-Mulej.
RESPONSORJU Apok 21:1. 3. 4.
R/. Rajt sema ġdid u art ġdida; u smajt leħen qawwi mit-tron jgħid: * Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnemdin, u hu jgħammar magħhom.
V/. Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel. * Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom.
LEZZJONI II
Qari mid-Diskorsi ta’ San Massimu, isqof ta’ Torin
Il-misteru tal-magħmudija tal-Mulej
L-Evanġelju jgħidilna li l-Mulej ġie fil-Ġordan biex jitgħammed, u li fl-istess xmara ried ikun ikkonsagrat b’misteri ta’ l-għaġeb.
Din il-ġrajja seħħet snin wara t-twelid ta’ Kristu. Imma hi ħaġa sewwa li, wara l-Milied, niċċelebraw fl-istess żmien din il-festa li, jidhirli jien, nistgħu nsejjħulha milied ieħor.
Infatti fl-ewwel festa l-Mulej twieled għall-bnedmin, fit-tieni waħda reġa’ twieled għas-sagramenti; f’dik twieled permezz tal-Verġni, f’din permezz tal-misteru. F’dik twieled bħala bniedem u ommu Marija laqgħetu b’għożża li ma bħalha, f’din twieled skond il-misteru u Alla l-Missier ħaddnu b’leħnu u qal: Dan hu Ibni, li fih sibt l-għaxqa tiegħi: isimgħu lilu. Fl-ewwel festa naraw l-omm bi ħlewwa kbira żżiegħel b’Binha f’ħoġorha, fl-oħra nisimgħu l-Missier jagħti xhieda tajba għal Ibnu; l-omm ressqitlu lill-maġi biex jadurawh, il-Missier urieh lill-ġnus biex iqimuh.
Mela l-Mulej Ġesù ġie jitgħammed, u ried li l-ġisem qaddis tiegħu jinħasel bl-ilma.
Xi ħadd għandu mnejn jistaqsi: “Dak li hu l-Qaddis, il-għala ried jitgħammed?” Ismagħni! Kristu tgħammed mhux biex jitqaddes bl-ilma iżda biex hu stess iqaddes l-ilma u biex bit-tisfija tiegħu jsaffi dak l-ilma li mess miegħu. Kristu, bil-konsagrazzjoni tiegħu, ikkonsagra l-ilma.
Bil-ħasil tas-Salvatur l-ilma kollu tnaddaf għall-magħmudija tagħna, u l-għajn issaffiet biex tista’ tagħti l-grazzja bil-ħasil lill-popli li kellhom jiġu wara. Kristu għadda l-ewwel wieħed mill-magħmudija biex il-popli nsara jqawwu qalbhom u jgħaddu warajh.
Jien hawnhekk nara misteru: il-kolonna tan-nar qasmet il-Baħar tal-Qasab qabel il-poplu, biex l-Iżraelin ma jibżgħux jgħaddu huma wkoll warajha; kienet hi l-ewwel li mxiet fuq l-ilma, biex tħejji t-triq u tiftaħ mogħdija għal dawk li mxew warajha. Din il-ġrajja, kif jgħidilna l-Appostlu, kienet sinjal misterjuż tal-magħmudija. Anzi l-mogħdija mill-Baħar tal-Qasab kienet hi stess b’ċertu mod magħmudija, għax ulied Iżrael ilkoll kienu mgħammda fis-sħaba u l-baħar li minnu għaddew biex waslu n-naħa l-oħra.
Dan kollu għamlu Kristu Sidna nnifsu li, bħalma f’dak iż-żmien għadda mill-baħar fil-kolonna tan-nar qabel l-Iżraelin, hekk issa hu, il-kolonna tagħna, bħala bniedem għadda mill-magħmudija qabel il-popli nsara. Din hi l-istess kolonna li fl-imgħoddi dawwlet lil ulied Iżrael li kienu miexja warajha, u li issa timla bid-dawl tagħha l-qlub ta’ dawk li jemmnu; fl-imgħoddi fetħet triq niexfa f’nofs l-ilma, u issa ssaħħaħ lilna fil-mixi tagħna meta ngħaddu mill-ħasil ġdid bil-fidi.
RESPONSORJU Ġw 1:29; Iż 53:11
R/. Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: Ara, hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla, * Dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja!
V/. Hu jiġġustifika l-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu. * Dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja!
TALBA
O Alla li tista’ kollox, inti wrejt permezz ta’ kewkba t-twelid tas-Salvatur tagħna: agħtina l-grazzja li narawh dejjem aħjar bl-għajnejn ta’ ruħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu S-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Inbierku l-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Intom li qed tfittxu ‘l Kristu,
għollu ‘l fuq il-ħarsa tagħkom:
hemm taraw biċ-ċar sinjali
ta’ sebħ kbir li qatt ma jonqos.
Hemm hi l-kewkba, li d-dawl tagħha
jegħleb sa lix-xemx fil-qawwa;
hi qed tħabbar li fid-dinja
niżel Alla bħala bniedem.
Minn fejn tibda x-xemx il-ġirja,
tliet għorrief tal-Persja jfissru
x’inhi l-kewkba: fiha jilmħu
xhieda tas-sultan li wasal.
Min hu dan – jistaqsu w jgħidu –
dan li jordna sa lill-kwiekeb,
li quddiemu s-sema jibża’,
dwal u xemx qaddejja tiegħu?
Dan tassew xi ħadd bla bidu,
mingħajr tmiem, ta’ l-għaġeb, għoli,
li bla tarf il-kobor tiegħu,
li kien qabel l-art u s-sema.
Ġnus, dan huwa s-sultan tagħkom
u s-sultan tal-poplu Lhudi,
li għal dejjem kien imwiegħed
lil Abraham missierna w nislu.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.
Salm 50 (51)
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *
naddafni mid-dnub tiegħi.
Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *
id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.
Kontrik biss jiena dnibt, *
u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.
Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *
u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.
Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *
u fid-dnub nisslitni ommi.
Int li tħobb il-qalb sinċiera, *
għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.
Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *
aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.
Agħmel li nisma’ l-ferħ u l-hena, *
biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.
Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *
ħassar ħżuniti kollha.
Oħloq fija qalb safja, o Alla, *
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek; *
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek, *
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.
Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †
Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *
u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.
Iftaħli xufftejja, Sidi, *
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *
noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.
Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *
qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.
Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *
erġa’ ibni l-ħitan ta’ Ġerusalemm.
Mbagħad tilqa’ bil-qalb vittmi xierqa, †
sagrifiċċji ta’ vittmi maħruqa u mitmuma; *
mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.
Glorja.
Ant. 1: Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.
Ant. 2: Fil-korla tiegħek, Mulej, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.
Kantiku Ħab 3:2-4. 13a. 15-19
Mulej, waslet f’widnejja l-fama tiegħek, *
mill-għemil tiegħek jiena bżajt, Mulej.
Sa ftit snin oħra ġeddu, †
sa ftit snin oħra għarrfu! *
Fil-korla, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.
Alla ġej minn Teman, *
mill-muntanja Faran ġej il-Qaddis.
Sebħu jiksi s-smewwiet, *
foħritu tiksi l-art.
Dijietu qisha dawl, minn idu jleħħu r-raġġi: *
hemmhekk tinsab moħbija l-qawwa tiegħu.
Int ħriġt biex issalva l-poplu tiegħek, *
issalva l-midluk tiegħek.
Għaddejt biż-żwiemel tiegħek fuq il-baħar, *
fuq it-tqalligħ ta’ l-ilmijiet kotrana.
Jien smajt, u ħassejt fija rogħda kbira, *
għal dan il-ħoss xufftejja bdew jirtogħdu;
ħassejt għadmi jitmermer, *
il-passi tiegħi bdew jitriegħdu taħti.
Noqgħod bil-kwiet nistenna jum l-għawġ *
li għad ifeġġ għall-ġens li qed jisħaqna.
U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina, *
u xejn ma jagħtu d-dwieli,
u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq, *
u r-raba’ xejn ma jibqa’ jrodd għall-ikel,
u l-merħla tgħib mill-mandra, *
u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom,
imma jien xorta nifraħ fil-Mulej, *
nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi!
Il-Mulej Sidi huwa l-qawwa tiegħi; †
riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-ċriev, *
u jmexxi l-passi tiegħi fuq l-għoljiet.
Glorja.
Ant. 2: Fil-korla tiegħek, Mulej, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.
Ant. 3: Glorja lill-Mulej Alla f’Ġerusalemm, il-belt qaddisa tiegħu.
Salm 147 (147B)
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *
faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek, *
u jbierek ġewwa fik ‘l uliedek.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek, *
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
Jibgħat is-silġ bħas-suf; *
ixerred bħar-rmied il-ġlata.
Jitfa’ s-silġ bħal frak tal-ħobż; *
u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
Isamma’ kelmtu, u jinħall is-silġ; *
jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!
Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *
l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu; *
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.
Glorja.
Ant. 3: Glorja lill-Mulej Alla f’Ġerusalemm, il-belt qaddisa tiegħu.
LEZZJONI QASIRA Iż 45:22-23
Duru lejja mill-ġdid, truf kollha ta’ l-art, u intom tkunu salvi, għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi! Bija nnifsi ħlift, minn fommi ħarġet il-ġustizzja, u l-kelma tiegħi ma terġax lura: għax quddiemi tiltewa kull irkobba, bija jaħlef kull ilsien.
RESPONSORJU QASIR
R/. Quddiemu jinxteħtu * Is-slaten kollha ta’ l-art. Quddiemu.
V/. Il-ġnus kollha lilu jaqdu. * Is-slaten kollha ta’ l-art. Glorja. Quddiemu.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Jiġu u jinxteħtu f’riġlejk, Mulej, dawk kollha li maqdruk.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Jiġu u jinxteħtu f’riġlejk, Mulej, dawk kollha li maqdruk.
PREĊI
Nagħtu ġieħ u glorja lil Kristu, għax hu ġie u ġedded lill-bniedem fil-qalb u fl-ispirtu. Insejjħulu u ngħidulu:
Mulej, ġeddidna bi twelidek.
Inti lbist in-natura tagħna l-bnedmin, u lilna tajtna sehem fin-natura tiegħek ta’ Alla.
– agħmel li nagħrfuk fil-misteru tal-kelma u l-Ġisem tiegħek, li inti tajt lill-Knisja.
Int, li ħlaqt il-bniedem, sirt bniedem fost il-bnedmin permezz ta’ Xebba bla mittiefsa:
– bit-talb tagħha agħtina li għas-saħħa tagħna nsiru bħalek, o Alla.
Feddej tagħna, inti nżilt f’din id-dinja bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx:
– saqqi l-erwieħ tagħna bl-ilma ħaj li jasal sal-ħajja ta’ dejjem.
Ħares lejna, Mulej, li qegħdin niċċelebraw il-bidu tal-ħajja tiegħek bħala bniedem:
– għinna fit-tħabrik tagħna biex insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu, biex isseħħ il-milja tiegħek.
Missierna
Talba
O Alla li tista’ kollox, inti wrejt permezz ta’ kewkba t-twelid tas-Salvatur tagħna: agħtina l-grazzja li narawh dejjem aħjar bl-għajnejn ta’ ruħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu S-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.
IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
INNU
B’qima kbira w tjieba sħiħa,
miġburin f’dis-siegħa mbierka,
nerfgħu talba mħeġġa ‘l Alla,
ħa nfaħħruh fil-qawwa tiegħu.
Biex jagħtina d-don li nkunu
tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu,
li bħalissa ntbagħat u tqassam
fuq l-appostli skond il-wegħda.
Bit-tqassim tad-doni tiegħu,
żejjen kollox bis-sbuħija
il-Missier, li ħejja s-saltna
tas-smewwiet għall-hena tagħna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
F’Nofsinhar
INNU
Nofs il-jum hu ħin wisq xieraq
biex, fil-ħeġġa ta’ mħabbitna,
quddiem Alla nressqu talbna,
b’radd il-ħajr u kull foħrija.
Għaliex din kienet is-siegħa
li, bis-sagrifiċċju veru
tal-Ħaruf bla tebgħa, ksibna
mis-salib is-salvazzjoni.
Lill-Mulej għalhekk nitolbu
biex jimliena b’dawl il-grazzja
tas-salib, li d-dija tiegħu
tfiet id-dawl tax-xemx b’qawwietha.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
Lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
INNU
F’din it-tielet talba mqaddsa
ta’ mal-jum, infaħħru ‘l Alla,
b’radd ta’ ħajr għal kull għajnuna
li fi mħabbtu llum bagħtilna.
Nadurawh, għax hu ta’ l-għaġeb
fil-misteru għoli tiegħu;
u, fid-dawl tal-maġisteru
ta’ San Pietru, lejh inħaffu.
F’rabta sħiħa ma’ l-appostli,
nitolbuhom jgħassu fuqna,
biex il-passi dgħajfa tagħna
jitqawwew bi Kristu Sidna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
Salm 118 (119): 73-80
X (Jod)
Idejk għamluni u sawwruni; *
fehemni u għallimni l-kmandamenti tiegħek.
Jarani u jifraħ min għandu l-biża’ tiegħek, *
għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.
Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek; *
u li skond is-sewwa għakkistni.
Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, *
skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,
Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja; *
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.
Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni; *
imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.
Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek, *
dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.
Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek, *
biex ma jkollix għax nistħi.
Glorja.
Salm 58 (59):2-5. 10-11. 17-18
Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi, *
ħarisni minn dawk li jqumu għalija.
Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen, *
salvani min-nies qattiela.
Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti, †
nies qalila jinġemgħu kontrija; *
u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.
Għalkemm jien bla ħtija, *
huma jiġru u jlestu għalija.
Imma int, Mulej ta’ l-eżerċti, †
Alla ta’ Iżrael, qum, *
ejja u ara b’għajnejk.
Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna, *
għax int, Alla, fortizza tiegħi.
Alla tiegħi, imħabba tiegħi, jiġi jilqagħni; *
jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.
Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek; *
ngħanni ferħan fil-għodu lit-tjieba tiegħek;
għax int sirt fortizza għalija, *
kenn tiegħi f’jum id-dwejjaq.
Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni; †
għax inti, Alla, fortizza tiegħi, *
Alla tiegħi, mħabba tiegħi!
Glorja.
Salm 59 (60)
O Alla, inti warrabtna u kissirtna, *
għadabt għalina; erġa’ dur lejna!
Int heżhiżt l-art u xaqqaqtha; *
sewwi l-qsim tagħha, għax saret ħerba.
Urejt l-iebes lill-poplu tiegħek, *
sqejtna nbid li jsakkar.
Waqqaft stendard għal dawk li jibżgħu minnek, *
biex lejh jaħarbu u jitbiegħdu mill-ark,
biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; *
għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!
Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: †
“Ferħan nieħu b’sehmi lil Sikem, *
nagħmel oqsma mill-wied ta’ Sukkot.
Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manasse, †
Efrajm hu l-elmu ta’ rasi, *
u Ġuda x-xettru tiegħi.
Mowab lenbija fejn ninħasel, †
fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, *
fuq Filistja nifraħ rebbieħ!”
Min se jwassalni fil-belt bis-swar? *
Min se jeħodni sa Edom?
M’hux int, o Alla, li warrabtna, *
u li m’għadikx toħroġ ma’ l-eżerċti tagħna?
Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; *
għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem.
Bl-għajnuna ta’ Alla nuru ħilitna; *
hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.
Glorja.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
LEZZJONI QASIRA Ġer 31:7-8
Għannu bil-ferħ għal Ġakobb; faħħru u niedu: Il-Mulej salva lill-poplu tiegħu, il-bqija ta’ Iżrael! Arawni, se nġibhom mit-tramuntana, niġborhom mill-ibgħad artijiet.
V/. Deher fid-dinja.
R/. U għammar fost il-bnedmin.
F’Nofsinhar
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
LEZZJONI QASIRA Ġer 31:11-12
Il-Mulej feda lil Ġakobb, ħelsu minn id wieħed aqwa minnu. Għad jiġu jgħajjtu bil-ferħ fuq l-għolja ta’ Sijon, jiġru għall-ġid tal-Mulej.
V/. Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus.
R/. U s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
LEZZJONI QASIRA Żak 8:7-8
Jiena nsalva l-poplu tiegħi mill-lvant u mill-punent, u nġibhom lura biex jgħammru f’nofs Ġerusalemm; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, fidil u ġust.
V/. Bierku, popli, lil Alla tagħna.
R/. Semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
Talba
O Alla li tista’ kollox, inti wrejt permezz ta’ kewkba t-twelid tas-Salvatur tagħna: agħtina l-grazzja li narawh dejjem aħjar bl-għajnejn ta’ ruħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.
Inbierku l-Mulej
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
L-GĦASAR
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
X’tak, Erodi, għadu ħajjen?
Għax ġie Kristu qiegħed tibża’?
M’għandux bżonn saltniet saltniet tad-dinja
min ġie jagħti dik tas-sema!
Ġrew il-maġi wara l-kewkba,
fid-dawl tagħha d-Dawl ifittxu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
u jagħrfuh bħal Alla veru.
Il-Ħaruf tas-sema niżel
fl-ilma tal-Ġordan u qaddsu;
hu, li ma ttebbax bil-ħtija
b’ħasil ġdid naddafna minnha.
Xhieda ġdida ta’ setegħtu!
Ħammru l-ġarar kbar ta’ l-ilma,
li l-qaddejja, b’ordni tiegħu,
rawh mibdul fi nbid quddiemhom.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Mulej, eħlisli ‘l ħajti mill-mewt, u ‘l riġlejja mit-tfixkil.
Salm 114 (116A)
Inħobb il-Mulej, *
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen *
fil-jum li fih sejjaħtlu.
Il-ħbula tal-mewt dawwruni, †
l-irbit ta’ l-Imwiet ħakimni; *
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt: *
“Mulej, nitolbok, salvani!”
Ħanin il-Mulej, u ġust; *
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej; *
jien kont magħkus, u hu ħelisni.
Erġa’, ruħ tiegħi, għall-mistrieħ tiegħek, *
għax il-Mulej għamillek il-ġid.
Għax mill-mewt ħelisli ‘l ħajti, *
lil għajnejja mid-dmugħ u ‘l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej *
f’art il-ħajjin.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Ant. 1: Mulej, eħlisli ‘l ħajti mill-mewt, u ‘l riġlejja mit-tfixkil.
Ant. 2: L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.
Salm 120 (121)
Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; *
mnejn se tiġini l-għajnuna?
L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art.
Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod *
dak li jħares lil Iżrael.
Il-Mulej hu dak li jħarsek; *
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *
anqas il-qamar billejl.
Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *
minn issa u għal dejjem.
Glorja lill-Missier……
Ant. 2: L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.
Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.
Kantiku Apok 15:3-4
Kbar u ta’ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *
Mulej, Alla li tista’ kollox;
sewwa u veri t-triqat tiegħek, *
Sultan tal-ġnus.
Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *
Min ma jsebbħux?
Għaliex int waħdek qaddis; †
u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *
għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.
Glorja lill-Missier…….
Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.
LEZZJONI QASIRA Rum 8:3-4
Alla, meta bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb, ikkundanna d-dnub fil-ġisem, biex dak li b’ġustizzja hu mitlub mill-liġi jseħħ fina li ngħixu mhux skond il-ġisem imma skond l-Ispirtu.
RESPONSORJU QASIR
R/. Bih jitbierku * Il-ġnus kollha ta’ l-art. Bih.
V/. Ifaħħru l-kobor tiegħu l-popli kollha. * Il-ġnus kollha ta’l-art. Glorja. Bih.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
L-Anġlu wissa lill-maġi f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh
fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *
Iva, minn issa ‘l quddiem
kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
– bħalma wiegħed lil missirijietna – *
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja.
Ant. tal-kantiku ta’ Marija:
L-Anġlu wissa lill-maġi f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.
PREĊI
Il-Missier għamel lil Kristu dawl tal-ġnus. Nitolbuh u ngħidulu:
Missierna, ilqa’ t-talb tagħna.
Ifrex il-Knisja tiegħek mad-dinja kollha:
– agħmel li kulħadd jara l-glorja ta’ Ibnek.
Missier etern, int wassalt l-għorrief pagani għand Ibnek:
– urih lil kull min qiegħed ifittex il-verità.
Sejjaħ lill-ġnus għad-dawl tiegħek ta’ l-għaġeb:
– agħmel li, għall-Isem ta’ Ġesù, kulħadd jinżel għarkubbtejh.
Ibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħek:
– agħtihom li jxandru l-bxara t-tajba lill-fqar u jniedu ż-żmien tal-grazzja.
Wassal lil ħutna l-mejtin fil-fidwa sħiħa:
– imliehom bl-hena tar-rebħa li jiksbu bi Kristu Ibnek.
Missierna
Talba
O Alla li tista’ kollox, inti wrejt permezz ta’ kewkba t-twelid tas-Salvatur tagħna: agħtina l-grazzja li narawh dejjem aħjar bl-għajnejn ta’ ruħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu S-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM
IL-ĠIMGĦA
V. O Alla, ejja eħlisni.
R. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.
Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ–
ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-
Quddiesa.
ATT PENITENZJALI
l.. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:
Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,
u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,
bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:
iħabbtu fuq sidirhom
ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.
Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,
lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,
u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R/. Amen.
Jew
II. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:
V. Ħenn għalina, Mulej
R. Għax dnibna kontra tiegħek.
V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.
R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
Jew
III. Issir l-istedina għall-penitenza.
Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.
Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:
Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.
R. Kristu ħniena.
Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.
R. Mulej, ħniena.
Tingħata l-assoluzzjoni:
Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,
jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
R. Ammen.
INNU
Kristu, dija w jum imsebbaħ,
bik tal-lejl titkeċċa d-dalma:
int tassew tad-dawl id-dija,
int xandȃr tad-dawl għall-hienja.
Nitolbuk, Qaddis, Sid tagħna,
f’dan il-lejl li ġej ħarisna;
ikun fik il-mistrieħ tagħna,
‘tina ftit sigħat ta’ heda.
Jekk l-għajnejn fl-irqad jingħalqu,
qalbna tibqa’ tishar miegħek;
midd, Mulej, il-leminija
bħala kenn ħanin fuq ħbiebek.
Ejja, Salvatur setgħani,
qatta’ x-xbiek ta’ l-għadu tagħna,
wennes lill-qaddejja tiegħek,
li biex fdejthom xerridt demmek.
Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,
Sultan twajjeb, jintradd lilek,
lill-Missier u lill-Ispirtu
Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.
SALMODIJA
Barra Ż.GĦ.:
Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.
Ż.GĦ.:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Salm 87 (88)
Talba fil-mard
Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)
Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *
billejl jien nitniehed quddiemek.
Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *
agħti widen għat-talba tiegħi.
Għax ruħi mimlija bl-hemm, *
lejn il-qabar qed toqrob ħajti.
Jien magħdud ma’ min nieżel fil-ħofra, *
sirt qisni bniedem bla saħħa.
Fost il-mejtin hu friexi, *
bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,
li fihom ma tiftakarx iżjed *
u m’humiex aktar taħt idejk.
Inti xħettni f’qiegħ il-ħofra, *
fid-dlamijiet, f’qiegħ l-art.
Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *
fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.
Ħadtli ‘l ħbiebi ‘l bogħod minni, *
għamiltni ħaġa ta’ l-għajb għalihom;
ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *
għajnejja mdallma bl-għali.
Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *
lejk immidd idejja.
Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *
jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?
Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *
jew f’post it-telfien il-fedeltà tiegħek?
Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *
jew f’art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?
Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *
fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.
Għaliex, Mulej, twarrabni, *
u taħbi wiċċek minni?
Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *
inħossni mifni, mgħobbi bil-biża’ tiegħek.
Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *
fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża’.
Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *
flimkien minn kull naħa jagħlquni.
Int begħidt minni l-ħbieb u l-qraba, *
sħabi huma d-dlamijiet.
Glorja.
Barra Z.GĦ.:
Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.
Z.GĦ:
Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9
Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.
RESPONSORJU QASIR
Barra żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.
F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:
Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.
Fi żmien il-Għid:
R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.
V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32
Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel
Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *
imur fis-sliem, skond kelmtek;
għaliex għajnejja raw *
is-salvazzjoni tiegħek,
li int ħejjejt *
għall-popli kollha:
dawl biex idawwal il-ġnus, *
u glorja tal-poplu tiegħek Israel.
Glorja.
Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u
nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).
Talba
Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.
Wara t-talba tingħad il-barka:
Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.
R. Ammen.
Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda
mill-antifoni tal-Madonna.
Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,
int bieb illi jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija!
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
għajnuna tal-poplu l-maħtur,
li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek
fis-siegħa li lqajt it-tislima
li tak Gabrijel, u bqajt xebba,
kif qabel, hekk wara t-tnissil.
Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.
jew
Is-sliem, o Sultana
tas-sema, Sidt l-anġli;
int l-għerq u l-bieb safi
mnejn ġie dawl id-dinja.
O Verġni glorjuża,
ta’ ġmiel u sbuħija,
is-sliem għalik! Itlob
lil Kristu għalina.
jew
Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;
ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.
Lilek ingħajjtu,
għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.
Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu
f’dan il-wied ta’ dmugħ.
Ejja, mela, avukata tagħna,
dawwar lejna
dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;
u wrina, wara dan it-turufnament,
lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.
O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.
jew
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,
Omm qaddisa ta’ Alla:
la twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,
o Verġni glorjuża u mbierka.