IS-SIBT WARA L-EPIFANIJA
Salmodija tas-Sibt tat-II ġimgħa
a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …
IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA
V/. Mulej, iftaħli xufftejja.
R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94 (95)
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.’
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Kristu deher fostna: ejjew nadurawh.
UFFIĊĊJU TAL-QARI
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.
INNU
Ġew il-maġi jfittxu t-tfajjel;
kif sabuh, quddiemu nxtehtu,
biex joffrulu d-doni tagħhom
ta’ l-inċens, id-deheb u l-mirra.
Int ilqagħhom bħala xhieda
ta’ setegħtek u saltnatek,
Tfajjel, li l-Missier għażillek
tliet karattri sa minn dejjem.
Ħu l-inċens, għax inti Alla:
għax Sultan, ħu d-deheb ta’ Saba:
iżda ilqa’ wkoll il-mirra;
Bniedem int, għad tara d-difna.
Betlem, kbira fost kemm f’Ġuda
hemm bliet kbar, int waħdek stħaqqlek
tilqa’ fik lill-mexxej tagħna,
‘l Alla w bniedem li salvana.
Il-Ħallieq b’testment ordnalu
jibda saltna mhix bħall-bqija,
saltna mħabbra mill-profeti,
kif sinjali wrew fl-imgħoddi:
Saltna li tkun tiġbor fiha
kull ma jimla l-ħolqien kollu,
is-smewwiet u l-art u l-ibħra,
l-univers minn tarf għall-ieħor.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma’ l-Ispirtu
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Ftakar fina, Mulej; aħseb fina bis-salvazzjoni tiegħek.
Salm 105 (106)
I
Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Min jista’ jsemmi l-għemejjel kbar tal-Mulej, *
jew isemma’ t-tifħir tiegħu kollu?
Hieni min jimxi bid-dritt, *
min jagħmel dejjem is-sewwa.
Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek; *
aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,
biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek, †
biex nifraħ għall-ferħ ta’ ġensek, *
u niftaħar mal-poplu ta’ wirtek.
Aħna dnibna, bħal missirijietna, *
waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.
Missirijietna fl-Eġittu
ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek, *
ma ftakrux fit-tjieba kbira tiegħek;
u ħaduha kontra Alla l-Għoli *
ħdejn il-Baħar tal-Qasab.
Iżda hu salvahom minħabba f’ismu, *
biex juri l-qawwa tiegħu.
Ċanfar lill-Baħar tal-Qasab, u dan nixef; *
Mexxiehom, bħal f’deżert, f’qiegħ il-baħar.
Salvahom minn id dawk li jobogħduhom; *
fdiehom minn id l-għedewwa tagħhom.
L-ilma għatta lil dawk li għakksuhom; *
anqas wieħed ma baqa’ minnhom.
Mbagħad emmnu fi kliemu, *
u għana ta’ tifħir għannewlu.
Iżda malajr insew għemilu; *
mank stennew li jseħħ il-ħsieb tiegħu.
B’xewqat imħeġġa mtlew fid-deżert, *
ġarrbu lil Alla fix-xagħri.
Hu tahom kull ma talbuh, *
u temagħhom bix-xaba’.
Ġiethom l-għira għal Mosè fl-għerejjex, *
u għal Aron, il-qaddis tal-Mulej.
Infetħet l-art u belgħet ‘il Datan, *
u għalqet taħtha ‘l Abiram u ‘l sħabu.
Ħaraq in-nar il-ġemgħa tan-nies tagħhom, *
inqerdu l-ħżiena fil-ħuġġieġa tan-nar.
Glorja.
Ant. 1: Ftakar fina, Mulej; aħseb fina bis-salvazzjoni tiegħek.
Ant. 2: Qis li ma tinsiex il-patt tal-Mulej Alla tiegħek.
II
Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb, *
qiemu xbieha tal-metall imdewweb.
Bidlu ‘l Alla, il-glorja tagħhom, *
ma’ xbieha ta’ gendus jiekol il-ħaxix.
U nsew ‘l Alla, li salvahom, *
li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,
għeġubijiet fl-art ta’ Ħam, *
ħwejjeġ tal-biża’ fil-Baħar tal-Qasab.
Kien għamel il-ħsieb li jeqridhom, *
li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu,
li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu, *
biex iberrdu u ma jeqridhomx.
Mbagħad maqdru l-art li tgħaxxaq, *
għax ma emmnux fil-kelma tiegħu.
Qagħdu jgergru fl-għerejjex tagħhom, *
ma ridux jisimgħu leħen il-Mulej.
Għalhekk rafa’ idu kontrihom, *
b’ħalfa li jmiddhom fid-deżert,
li fost il-ġnus ixerred ‘l uliedhom *
u ma’ l-artijiet iferrixhom.
Huma ngħataw lil Bagħal-Fegħor, *
kielu mill-vittmi maqtula lill-allat mejta.
Irrabjawh bl-imġiba tagħhom, *
u marda kerha faqqgħet fosthom.
Qam imbagħad Finħas u tħallas, *
u l-kastig waqaf għalkollox.
Dan swielu għall-ġid tiegħu, *
minn nisel għal nisel, għal dejjem.
Irrabjawh ukoll ħdejn l-ilma ta’ Meribah,
mqar Mosè weħel minħabba fihom;
għax huma tellfulu sabru, *
u qal dak li ġie fi lsienu.
Glorja.
Ant. 2: Qis li ma tinsiex il-patt tal-Mulej Alla tiegħek.
Ant. 3: Salvana, Mulej, u iġmagħna minn fost il-ġnus.
III
Huma ma qerdux il-popli, *
kif il-Mulej kien qalilhom;
imma tħalltu mal-ġnus, *
u tgħallmu d-drawwiet tagħhom.
Taw qima lill-idoli tagħhom,*
li saru bħal nassa għalihom.
Qatlu b’sagrifiċċji lix-xjaten *
lil uliedhom subjien u bniet.
Xerrdu demm bla ħtija, *
demm uliedhom subjien u bniet,
li ssagrifikaw lill-idoli ta’ Kangħan; *
u l-art tniġġset bid-dmija.
Hekk tħassru bl-għemejjel tagħhom, *
u żnew bl-imġiba tagħhom.
Għalhekk irrabja l-Mulej għall-poplu tiegħu, *
u stmell il-wirt tiegħu.
U telaqhom f’idejn il-ġnus, *
ħakmuhom dawk li jobogħduhom.
Għakksuhom l-għedewwa tagħhom, *
u kellhom joqogħdu taħt idejhom.
Ħafna drabi hu ħelishom, †
iżda huma webbsu rashom miegħu, *
u ġġarrfu bil-ħażen tagħhom.
Iżda hu ħares lejn l-hemm tagħhom, *
xħin sama’ t-tnehid tagħhom.
Ftakar fil-patt tiegħu magħhom; *
u fit-tjieba kbira tiegħu ħenn għalihom.
U għamel li jsibu l-ħniena *
ta’ dawk kollha li kienu jassruhom.
Salvana, Mulej, Alla tagħna, *
u iġmagħna minn fost il-ġnus,
biex inroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek *
u niftaħru bit-tifħir tiegħek.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, †
minn dejjem għal dejjem! *
Ħa jgħid il-poplu kollu: “Amen!”
Glorja.
Ant. 3: Salvana, Mulej, u iġmagħna minn fost il-ġnus.
V/. Kien id-dawl tassew.
R/. Li jdawwal lil kull bniedem.
LEZZJONI 1
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Iż. 66:10-14, 18-23
Salvazzjoni għal kulħadd
Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha,
intom ilkoll ħbieb tagħha!
Aqbżu bil-ferħ,
intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha !
Hekk intom terdgħu u tixbgħu
minn sider il-faraġ tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu minn sider is-sebħ tagħha.
Għaliex dan jgħid il-Mulej:
Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.
It-trabi tagħha fuq id-dirgħajn jintrefgħu,
u jżiegħlu bihom fuq l-irkubbtejn.
Bħalma omm tfarraġ lil binha,
hekk jiena nfarraġ lilkom
u f’Ġerusalemm titfarrġu.
Taraw u tifraħ qalbkom,
u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;
u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej,
u l-korla tiegħu fuq l-għedewwa tiegħu.
Għad niġi niġbor il-ġnus kollha u l-popli ta’ kull ilsien : dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi. Jiena ngħolli għalihom sinjal, u nibgħat lil xi wħud mill-fdal ta’ Iżrael għand il-ġnus, f’Tarsis, Put, Lud, Mesek, Ros, Tubal u Ġawan, u lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija u qatt ma raw is-sebħ tiegħi qalb il-ġnus.
U jġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens, bħala offerta lill-Mulej; iġibuhom fuq żwiemel u karrijiet, fuq suġġetti u bgħula u iġmla, għal fuq il-muntanja qaddisa tiegħi, f’Ġerusalemm, jgħid il-Mulej, bħalma wlied Iżrael iġibu l-offerti tagħhom f’ġarar indaf fit-tempju tal-Mulej. U lil xi wħud minnhom neħodhom b’qassisin u Leviti, jgħid il-Mulej.
Għax bħalma jibqgħu quddiemi
s-smewwiet ġodda u l-art ġdida li jiena nagħmel,
jgħid il-Mulej,
hekk jibqa’ nisilkom u isimkom.
U jiġri li minn xahar għal xahar,
u minn Sibt għal Sibt,
kulħadd jiġi jinxteħet quddiemi, jgħid il-Mulej.
RESPONSORJU Iż 66:18. 19; Ġw 17:6. 18
R/. Għad niġi niġbor il-ġnus kollha u l-popli ta’ kull ilsien: * Dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi, u jxandruh qalb il-ġnus.
V/. Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja: kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom. * Dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi, u jxandruh qalb il-ġnus.
LEZZJONI II
Qari mid-Diskorsi ta’ San Fawstu, isqof ta’ Riez
Iż-żwieġ mistiku ta’ Kristu u l-Knisja
Fit-tielet jum sar tieġ. Xi jfisser dan it-tieġ jekk mhux ix-xewqa u l-ferħ tas-salvazzjoni tal-bniedem, li aħna niċċelebrawha b’dan in-numru misterjuż ta’ tlieta bl-istqarrija tat-Trinità Qaddisa jew bil-fidi fil-qawmien mill-imwiet fit-tielet jum?
Ximkien ieħor fl-Evanġelju naqraw fuq l-iben iż-żgħir li, meta reġa’ lura d-dar, missieru laqgħu bid-daqq u ż-żfin, u libbsu l-libsa s-sabiħa tal-festa; din il-laqgħa tfakkarna fil-laqgħa ta’ ferħ li ssir lill-poplu pagan meta jerġa’ lura lejn Alla.
Għalhekk Kristu, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, niżel fl-art u sar bniedem biex jiġbor il-Knisja mill-ġnus, jgħaqqadha miegħu, u jagħtiha rahan u dota: ir-rahan hu l-għaqda ta’ Alla mal-bniedem, id-dota hi s-sagrifiċċju tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja. Il-fidwa tal-bniedem hi r-rahan, u l-ħajja ta’ dejjem id-dota.
Il-ħwejjeġ li ġraw fit-tieġ ta’ Kana kienu ġrajjiet ta’ l-għaġeb għal min rahom bl-għajnejn tal-ġisem, iżda huma misteri għal min iħares lejhom bl-għajnejn tar-ruħ. Għax jekk inħarsu sewwa lejhom naraw f’dak l-ilma bħal xebh tal-magħmudija u t-twelid ġdid tagħna. Għax bil-bidla ta’ ħaġa f’oħra, bil-bdil ta’ l-għaġeb ta’ ħlejqa umli fi ħlejqa oħra ogħla, aħna nġibu quddiem għajnejna l-misteru tat-tieni twelid tagħna. Il-bidla li minnufih saret fl-ilma tfisser il-bidla li aktar tard kellha ssir fil-bniedem.
Bil-ħidma ta’ Kristu fil-Galilija l-ilma sar inbid, jiġifieri twarrbet il-liġi u minflokha daħlet il-grazzja: tneħħa d-dell u ġiet il-verità: dak li hu ta’ l-art ingħaqad ma’ dak li hu tas-sema: minflok il-liġi l-qadima daħal il-patt il-ġdid: bħalma jgħid l-Appostlu mqaddes: Il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku. U kif l-ilma fil-ġarar ma naqasx imma sar dak li ma kienx qabel, hekk ukoll il-liġi meta ġie Kristu ma tneħħietx imma twasslet fil-perfezzjoni.
Meta naqashom l-inbid Kristu serviehom bi nbid ieħor: l-inbid tal-patt il-qadim kien tajjeb, imma tal-ġdid aħjar; il-patt il-qadim, li jħarsu l-Lhud, jinxtorob fix-xejn ma’ l-ittra, l-ittra li toqtol; imma l-ġdid, li hu l-patt tagħna, idewwaqna l-ħajja tal-grazzja.
Meta inti tisma’: Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek, dan huwa nbid tajjeb, jiġifieri kmandament tajjeb. Iżda l-inbid ta’ l-Evanġelju huwa itjeb u aħjar, meta inti tisma’: Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom.
RESPONSORJU Tob 13:11, 13-14; Lq 13:29
R/. Belt ta’ Alla, b’dija ta’ l-għaġeb għad tiddi: tagħtik ġieħ l-art kollha minn tarf għall-ieħor. Ġnus mill-bogħod għad jiġu għandek: * Bid-doni f’idejhom, biex fik jaduraw lill-Mulej.
V/. Jiġu nies mill-lvant u l-punent, mit-tramuntana u n-nofsinhar, * Bid-doni f’idejhom, biex fik jaduraw il-Mulej.
TALBA
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int għamiltna ħolqien ġdid permezz ta’ Ibnek il-waħdieni: agħtina l-grazzja li naslu għall-glorja ta’ Kristu, li fih tinsab miegħek in-natura tagħna l-bnedmin. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Inbierku l-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Intom li qed tfittxu ‘l Kristu,
għollu ‘l fuq il-ħarsa tagħkom:
hemm taraw biċ-ċar sinjali
ta’ sebħ kbir li qatt ma jonqos.
Hemm hi l-kewkba, li d-dawl tagħha
jegħleb sa lix-xemx fil-qawwa;
hi qed tħabbar li fid-dinja
niżel Alla bħala bniedem.
Minn fejn tibda x-xemx il-ġirja,
tliet għorrief tal-Persja jfissru
x’inhi l-kewkba: fiha jilmħu
xhieda tas-sultan li wasal.
Min hu dan – jistaqsu w jgħidu –
dan li jordna sa lill-kwiekeb,
li quddiemu s-sema jibża’,
dwal u xemx qaddejja tiegħu?
Dan tassew xi ħadd bla bidu,
mingħajr tmiem, ta’ l-għaġeb, għoli,
li bla tarf il-kobor tiegħu,
li kien qabel l-art u s-sema.
Ġnus, dan huwa s-sultan tagħkom
u s-sultan tal-poplu Lhudi,
li għal dejjem kien imwiegħed
lil Abraham missierna w nislu.
Glorja lilek, Kristu Sidna,
li lill-ġnus ridt turi ruħek;
mal-Missier u ma l-Ispirtu,
ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u billejl il-fedeltà tiegħek.
Salm 91 (92)
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *
u billejl il-fedeltà tiegħek,
fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *
u bid-daqq taċ-ċetra.
Għax inti, Mulej, ferraħtni b’għemilek; *
għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.
Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *
kemm huma għolja ħsibijietek!
Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *
u l-iblah ma jifhimhomx.
Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *
u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,
lkoll għad jinqerdu għal dejjem; *
imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.
Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †
l-għedewwa tiegħek jintilfu; *
jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.
Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *
żejt ifuħ sawwabtli fuqi.
Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *
widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.
Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawwlin f’dar il-Mulej, *
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, *
u ebda qerq ma jinsab fih.
Glorja.
Ant. 1: Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, Mulej, u bil-lejl il-fedeltà tiegħek.
Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.
Kantiku Dewt 32:1-12
Agħtu widen, smewwiet, ħa nitkellem, *
ħa tisma’ l-art il-kliem ta’ fommi.
Ħa jinżel tagħlimi bħax-xita, *
u kliemi bħal qtar tan-nida,
bħal irxiex fuq raba’ jħaddar, *
bħal bexxa xita fuq il-ħxejjex.
Jien isem il-Mulej se nxandar; *
agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.
Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; *
u ġusti triqatu kollha.
Ta’ kelmtu Alla, u ma jqarraqx; *
Hu Alla ġust u sewwa.
Ġiebu ruħhom ħażin miegħu, †
m’humiex iżjed uliedu
minħabba l-għajb tagħhom; *
kollu qerq u tagħwiġ dan in-nisel.
Mela hekk lill-Mulej tafuhulu, *
ja poplu iblah u bla għaqal?
M’hux hu missierek li nisslek, *
li sawwrek u għamlek poplu?
Ftakar fil-jiem ta’ dari, *
qis is-snin, iż-żmien li gerbeb;
staqsi lil missierek u jurik, *
lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek.
Meta Alla l-Għoli ta lill-ġnus artijiethom *
u fired il-bnedmin minn xulxin,
qata’ l-limiti ta’ l-art lill-popli *
skond l-għadd ta’ wlied Alla.
Imma sehem il-Mulej hu l-poplu tiegħu, *
Ġakobb il-wirt li messu.
F’art imwarrba mar isibu, *
f’deżert waħxi u bla nies.
Hu qagħad madwaru u għallmu, *
u ħarsu bħal ħbub għajnejh.
Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar, *
u tisseqqer fuq il-frieħ tagħha,
hekk huwa l-ġwienaħ firex, *
ħadu u refgħu fuqhom.
Il-Mulej waħdu kien il-mexxej tiegħu, *
ma kellux miegħu alla barrani.
Glorja.
Ant. 2: Agħrfu l-kobor ta’ Alla tagħna.
Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!
Salm 8
Mulej, Sid tagħna, *
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
Int qegħedt is-sebħ tiegħek *
il fuq mis-smewwiet.
Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *
fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;
int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *
biex iġġib fix-xejn l-għadu u ‘l min iqum kontrik.
Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *
bin il-bniedem, biex taħseb fih?
Ftit inqas mill-allat għamiltu, †
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ idejk!
Kollox taħt riġlejk qegħedtlu: *
in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar ta’ l-ajru u l-ħut tal-baħar, *
dak kollu li jterraq fil-baħar.
Mulej, Sid tagħna, *
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
Glorja.
Ant. 3: Kemm hu kbir ismek, Mulej, fl-art kollha!
LEZZJONI QASIRA Għerf 7:26-27
L-Għerf hu raġġ mid-dawl ta’ dejjem, mera bla nikta tal-ħidma ta’ Alla, u xbieha tat-tjieba tiegħu. Għalkemm waħdu, l-Għerf jista’ kollox ; għalkemm jibqa’ fih innifsu, hu jġedded kollox. Minn nisel għall-ieħor jinxtered fl-erwieħ qaddisa, u minnhom jagħmel ħbieb ta’ Alla u profeti.
RESPONSORJU QASIR
R/. Quddiemu jinxteħtu * Is-slaten kollha ta’ l-art. Quddiemu.
V/. Il-ġnus kollha lilu jaqdu. * Is-slaten kollha ta’ l-art. Glorja. Quddiemu.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
F’Kana tal-Galilija Ġesù għamel l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu, u wera l-glorja tiegħu.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
F’Kana tal-Galilija Ġesù għamel l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu, u wera l-glorja tiegħu.
PREĊI
Kristu huwa x-xbieha ta’ Alla. Insebbħuh, u b’fidi kbira nitolbuh u ngħidulu:
Kristu, Bin Alla, ismagħna.
Iben ta’ Alla, inti wrejtna kemm iħobbna l-Missier:
– għarraf din l-imħabba lill-bnedmin kollha permezz ta’ l-imħabba ta’ aħwa bejnietna lkoll.
Inti wrejtna li int Sid il-ħajja:
– agħtina l-ħajja tiegħek fil-milja kollha tagħha.
Agħmel li f’ġisimna dejjem inġorru l-mewt tiegħek:
– biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja tiegħek.
Iddi fi qlubna:
– u agħtina d-dawl tat-tagħrif tas-sebħ ta’ Alla.
Missierna
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int għamiltna ħolqien ġdid permezz ta’ Ibnek il-waħdieni: agħtina l-grazzja li naslu għall-glorja ta’ Kristu, li fih tinsab miegħek in-natura tagħna l-bnedmin. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.
IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
INNU
B’qima kbira w tjieba sħiħa,
miġburin f’dis-siegħa mbierka,
nerfgħu talba mħeġġa ‘l Alla,
ħa nfaħħruh fil-qawwa tiegħu.
Biex jagħtina d-don li nkunu
tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu,
li bħalissa ntbagħat u tqassam
fuq l-appostli skond il-wegħda.
Bit-tqassim tad-doni tiegħu,
żejjen kollox bis-sbuħija
il-Missier, li ħejja s-saltna
tas-smewwiet għall-hena tagħna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
F’Nofsinhar
INNU
Nofs il-jum hu ħin wisq xieraq
biex, fil-ħeġġa ta’ mħabbitna,
quddiem Alla nressqu talbna,
b’radd il-ħajr u kull foħrija.
Għaliex din kienet is-siegħa
li, bis-sagrifiċċju veru
tal-Ħaruf bla tebgħa, ksibna
mis-salib is-salvazzjoni.
Lill-Mulej għalhekk nitolbu
biex jimliena b’dawl il-grazzja
tas-salib, li d-dija tiegħu
tfiet id-dawl tax-xemx b’qawwietha.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
Lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
INNU
F’din it-tielet talba mqaddsa
ta’ mal-jum, infaħħru ‘l Alla,
b’radd ta’ ħajr għal kull għajnuna
li fi mħabbtu llum bagħtilna.
Nadurawh, għax hu ta’ l-għaġeb
fil-misteru għoli tiegħu;
u, fid-dawl tal-maġisteru
ta’ San Pietru, lejh inħaffu.
F’rabta sħiħa ma’ l-appostli,
nitolbuhom jgħassu fuqna,
biex il-passi dgħajfa tagħna
jitqawwew bi Kristu Sidna.
Glorja lill-Missier, lill-Iben,
lill-Ispirtu s-Santu, Alla:
bħalma msebbaħ kien mill-bidu,
hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
Salm 118 (119):81-88
XI (Kaf)
Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek; *
jien nittama fil-kelma tiegħek.
Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek; *
u jien jistaqsi: “Meta se tfarraġni?”
Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan; *
imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.
Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek? *
Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?
Ħaffru l-kburin ħofra għalija, *
dawk li ma jimxux skond il-liġi tiegħek.
Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha; *
għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.
Għal ftit ma qerdunix minn din l-art; *
imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.
Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja; *
u jiena nħares il-preċetti ta’ fommok.
Glorja.
Salm 60 (61)
Isma’, o Alla, l-għajta tiegħi, *
agħti widen għat-talba tiegħi.
Minn truf l-art lilek insejjaħ, *
meta nkun qalbi maqtugħa;
minn hemm inti mexxini *
lejn il-fortizza fuq l-għolja.
Għax int sirt kenn għalija, *
torri qawwi quddiem l-għadu.
M’hux li kont ngħix f’għamartek għal dejjem, *
nistkenn għas-satra ta’ ġwenħajk!
Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi, *
u tajtni l-wirt ta’ min iqim lil ismek.
Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta’ ħajtu; *
ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.
Isaltan quddiem Alla għal dejjem. *
Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltà.
Hekk infaħħar ismek għal dejjem, *
jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.
Glorja.
Salm 63 (64)
Isma’, o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *
mill-biża’ ta’ l-għadu ħarisli ħajti.
Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *
mit-tixwix ta’ dawk li jagħmlu l-ħażen,
dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *
jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,
biex mill-moħba jolqtu ‘l min hu bla ħtija, *
jolqtuh għal għarrieda, bla biża’ ta’ xejn.
Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †
jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *
u jgħidu: “Min se jarana?”
Ifittxu l-ħażen, †
ifasslu pjan maħsub sewwa. *
Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!
Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *
f’daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.
Minħabba lsienhom isiru ħerba; *
kull min jarahom iħarrek rasu.
U lkoll jintlew bil-biża’ ta’ Alla,
u għemilu jxandru, *
u jifhmu sewwa kull ma għamel.
Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *
jiftaħru dawk kollha ta’ qalbhom safja.
Glorja.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
Ant. Issa hu mgħarraf il-misteru li kien moħbi għal kulħadd sa minn dejjem.
LEZZJONI QASIRA Eżek 20:41-42a
Meta noħroġkom minn fost il-popli u niġborkom mill-artijiet li xxerridtu fihom, jiena nilqagħkom bħal riħa li tgħaxxaq, u nuri qdusiti permezz tagħkom quddiem il-ġnus, u mbagħad tagħrfu li jien il-Mulej.
V/. Deher fid-dinja.
R/. U għammar fost il-bnedmin.
F’Nofsinhar
Ant. Kristu ġie jħabbar is-sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u lil dawk li kienu fil-qrib.
LEZZJONI QASIRA Eżek 34:11-12
Se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ tiegħu mxerrda, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu.
V/. Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus.
R/. U s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
Ant. Jien għamiltek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
LEZZJONI QASIRA Mik 2:12
Niġma’ ‘l Ġakobb kollu, niġbor ġabra l-bqija ta’ Iżrael, inqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f’maqjel, bħal merħla f’nofs ta’ mergħa.
V/. Bierku, popli, lil Alla tagħna.
R/. Semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
Talba
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int għamiltna ħolqien ġdid permezz ta’ Ibnek il-waħdieni: agħtina l-grazzja li naslu għall-glorja ta’ Kristu, li fih tinsab miegħek in-natura tagħna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen.
Inbierku l-Mulej
R/. Inroddu ħajr lil Alla.