Din is-sena l-festa ta’ Santu Wistin tefgħetni f’oċejan ta’ riflessjoni. Ngħidlu oċjean l-għaliex ħsieb jaqla’ lill-ieħor. U allura ħsieb jirfina lil ieħor. Filwaqt li ħsieb jaf jwaqqa,’ fejn hemm bżonn, lil ieħor ukoll! U tifimha li dan iseħħ! Għax, kull ħsieb li ġej minn fuq, hu x’inhu, hu skaluna, fil-mixja dejjem għaddejja, lejn il-misteru tal-Mulej! Liema skaluna l-ebda ‘dokument’ li jinbet u jispunta mid-dħaħen tal-inċens u msieħeb bix-xemgħa ta’ veru jew tad-dawl elettriku, ma jista’ jikkontrolla.
Imma x’kien il-ħsieb li lili beda jinbet fija f’din il-festa tant sabiħa u għażiża ta’ dan il-ħassieb, teologu u ġgant fil-ħajja tar-ruħ? Wistin, il-ġenju, meta ikkonverta, possibbli li kien illuppjat bl-adurazzjoni tiegħu nnifsu l-għaliex, fid-dagħdigħa idolatra li kien fiha, kien iqis ruħu bħala l-ħassieb, it-teologu u l-ġgant fil-ħajja tar-ruħ? Dan il-bniedem kbir kien tassew kbir l-għaliex f’ħajtu, għalkemm għassed, ammetta li għassed u ħalla lill-Mulej ibiddillu ħajtu fit-tgħassid li kien fih. Anzi! Dan il-qaddis kellu l-kuraġġ li jimxi mal-Ispirtu tal-Mulej f’ħajtu u jħallieh jiffurmah Hu! Imma biex seta’ jħalli lill-Mulej ikabbru kemm kellu jinbarax fuq li jinbarax minħabba s-suppervja tiegħu! Kemm kellu jiffanga f’dan il-ħama fond (ara Salm 69:15) u li dejjem idur fuqu nnifsu biex ikisser aktar lil min, miskin u miskina, jinqabad ġewwa fih!
Wistin, l-avukat, li jaf jilgħab bl-imħuħ tan-nies basta jasal lejn it-tir ta’ moħħu, meta ħalla l-Mulej iferilu l-mimmi t’għajnejh, is-suppervja grassa tiegħu stess, jasal li jistqarr hekk fl-Istqarrijiet tiegħu: “Kont hekk minfuħ bija nnifsi li kelli nitwarrab mit-triq tagħhom (il-Kotba Mqaddsa), dehni ma setax jidħol sal-qalba tagħhom. Dawn huma kotba magħmula biex jikbru maċ-ċkejknin, u jien ma ridtx nitbaxxa u nsir ċkejken: kollni merfugħ u minfuħ bija nnifsi qist ruħi bi kbir” (Stqarrijiet III, 5).
Barra l-Knisja, fl-awli, fil-qorti tal-imperatur, Wistin jgħid li kien minfuħ bih innifsu. L-għaliex ma kienx fih innifsu! Ma kienx tabilħaqq hu! Hu li kien daqxejn ta’ ħanex, ħaseb li hu xi sur! Is-suppervja waslietu għall-alluċinazzjoni li bħalu żgur li m’hawnx! U lanqas ikun hawn! Wistin, il-bravu, l-għaref, li ktieb kien jaqrah u jixorbu f’nifs wieħed daqskemm kien ħafif fil-fehma, ma setax le jidħol fil-qalba tal-Kotba Mqaddsa. Dawk il-kotba li, kif jgħid hu stess, kienu “magħmula biex jikbru maċ-ċkejknin”. Avolja tqanżaħ kemm felaħ biex jifhem xorta waħda baqa’ b’xiber imnieħer! Baqa’ imwaħħal fejn kien! Għax ma riedx le li jitbaxxa u jsir ċkejken. Ried jibqa’ fuq il-podju. Ried jibqa’ hu fit-treġija ta’ ħajtu. Għax, (u ma nafx min fejn ġabha din), qis ruħu bi kbir!
Kif Patri? Għax qed tgħid hekk? Kif Wistin ma kienx kbir? Daqkemm kien jaf affarijiet? Daqskemm kien qara kotba? Daqskemm ilsienu kien jaqilgħu? Imma għidli ħabib, u għidli issa fil-verità kollha, x’effett ħallew fuqu dawk il-kotba? Kemm tabilħaqq bidlulu ħajtu u daħħluh fil-ħajja tal-Grazzja? U, bihom, kemm seta’ ikun ta’ ispirazzjoni ta’ grazzja għall-ħajja ta’ dawk ta’ madwaru? Xi spirtu ħallewlhom? X’temgħuhom? Xi sqewhom? X’daħħlu fihom? Eh ħabib! Il-Kelma ta’ Alla hi l-vera ħajja! Għax il-Kelma ta’ Alla, li hi ktieb ħaj li jieħu n-nifs, Ġesù Kristu nnifsu, qalet: Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi (Ġw 14:6). U la, il-Kelma ta’ Alla, f’Ġesù Kristu, għandha l-ogħla awtorità li wieħed jista’, forsi għall-mument, jimmaġina bi ħjiel, liema dokument minn dawk ta’ qalb ix-xemgħa u d-dħaħen imfewħa taċ-ċnieser jista,’ imqar għall-waqt wieħed biss, jorbot idejn l-Ispirtu s-Santu? Għalhekk, ħa jaħseb it-teologu u t-teologa li m’għandhomx il-monopolju tal-Kelma ta’ Alla f’idejhom biss. Għax malajr jafu jissorprendu ruħhom bil-kbir u bil-qawwi b’min tassew irid jinqeda l-Mulej!
Trid ngħidlek b’min? Nippreferi li ma ngħidlekx jien iżda ħa tgħidilna, bil-persważjoni kollha u mill-ġdid, il-Kelma ta’ Alla li saret demm u laħam għalina f’Ġesù Kristu: Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok (Mt 11:25-26). Iċ-ċkejknin huma dawk li jistgħu jagħrfu l-misteri tas-saltna. Iċ-ċkejknin jistgħu joqgħodu għat-twissijiet tal-Missier! U żgur li mhux dawk li, mal-inqas kuntrarjetà fl-opinjoni, il-qrun tal-kburija jibda’ juri ruħu u jgħażżaż snienu biex jinfed lil min isib quddiemu!
Mela, min hu l-kbir? Min hi l-kbira? Ħa terġa’ issa titħaddet, għal darb’oħra, il-Kelma ta’ Alla li saret ħajja fostna f’Ġesù Kristu Sidna! Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir” (Lq 9:46-48).
F’kuntest ta’ kwistjoni li turi rivalità ta’ min hu l-kbir nibet it-tifel iż-żgħir li kien paċifiku. Għax dan it-tifel ma kellu l-ebda problema jilqa’ l-awtorità ta’ Ġesù fuqu! Dan it-tifel ma radamx lilu nnifsu b’litanija ta’ ġakulatorji analitiċi! Dan kien tifel żgħir! Dan emmen! U mhux, bl-‘iskola’ u t-‘tiftix’ tiegħu, seraq bħal ħalliel jew agħar, xeħet taħt saqajh, l-innoċenza ta’ min jemmen fil-Kelma ta’ Alla!
Il-kbir hu umli! Tant hu hekk li Wistin jikteb għalih u għaliha: “Trid togħla? Ibda’ billi tinżel. Qed tippjana torri li se jinfed is-smewwiet? Poġġi l-ewwel il-pedament tal-umiltà. Papa Franġisku jħobb jgħid: “Kemm nixtieq Knisja fqira!” U jien, il-Patri li ma jien xejn, ngħid minn qalbi: “Kemm nixtieq Knisja umli!” U naf li din mhix ix-xewqa tiegħi imma x-xewqa ta’ dak li hu l-UMILTÀ innifisha! Għax meta nkun fl-umiltà, għax nemmen li l-Mulej jinqeda bik, int li f’għajnejja għalliema m’int xejn, għad li naħseb li jien għandi l-imfietaħ tal-għerf tas-sema f’idejja, hemm tassew li nibdew nieħdu r-ruħ! Hemm nibdew naraw l-għeġubijiet! Meta l-Knisja tibda’ tidħol man-nies u biha l-Mulej, l-għaliex tkun Knisja umli għax miftuħa beraħ għall-Ispirtu s-Santu, biha jibda’ tabilħaqq imiss il-ħajja tal-poplu li bħalissa qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj (Mark 6:34).
Fejn hu l-kbir? Fejn hi l-kbira?
Patri Mario Attard OFM Cap