L-irtir provinċjali tal-Provinċja Kapuċċina Maltija ta’ din is-sena, għalija kien wieħed tassew ħelu! Ħelu l-għaliex ma kellux xi ħlewwa artifiċjali u kożmetika spiritwali. Anzi! Kien naturali għall-aħħar!
Imma l-kelma naturali hi flokha? Ngħid li iva! Meta qed nifhimha b’dak li wieħed ikun qed iħoss f’qalbu. Bir-rejazzjonijiet kollha li l-kelma “naturali” iġġib magħha! U, il-frażi li baqgħet ittambarli ma’ moħħi u qalbi f’dan l-irtir kienet: B’DAK LI NSIB! Tajba din! B’dak li nsib! U jekk dak li nsib ma jogħġobnix? Imbagħad x’jiġri? Fejn se mmorru? X’ħa naqbdu nagħmlu?
Sewwa sew din kienet it-tagħlima li l-Ispirtu s-Santu, jew kif hawn min qatagħha li jsejjaħlu ukoll “Ruħ il-Qdusija”, għallimni f’dan l-irtir! F’kelma waħda li F’DAK LI NSIB hemm ruħ! Anzi, ir-ruħ! U, din ir-ruħ, ġejja minn dak li hu r-Ruħ! Għalhekk kull ruħ taf il-bidu tagħha minnu! U lilU! U m’hawn l-ebda ruħ li, tista’ tgħid, hija indipendenti minnu! Le! Kull ruħ ġejja minnu! U lejH tiġbed jekk trid tkun ruħ ħajja u mhux mejta għaliha nnifisha!
B’DAK LI NSIB! Li jibda’ minn dak li nħoss. U importanti li nibda’ minn hemm! Inkella? Imma fejn se jispiċċaw is-sentimenti tiegħi? U hawn jidħol ħbieb il-famuż għarbiel! Li hu dak tal-paċi. U allura, l-Ispirtu s-Santu, Ruħ il-Qdusija, għallimni nistaqsi din il-mistoqsija tal-mistoqsijiet: f’dak li qed nagħmel, fid-deċiżjoni li se nieħu, fil-mod ta’ kif qed inġib ruħi, hemm paċi? Jekk il-paċi qiegħdha hemm mela għandi l-ħajja fija! U ħajja bil-kotra. Imma ħej, jekk f’dak li qed nagħmel hemm tingiż kbir tal-kuxjenza, u qalbi trid toħroġ mill-qafas ta’ sidri, u inħoss skumdità tal-biża’ ma’ dak kollu li jien, allura hemm problema tabilħaqq kbira! Għax f’dak li qiegħed fih jien ħabib jew sirt għadu tiegħi nnifsi?
Xejn mela fil-ħajja m’hu mitluf! Lanqas it-taħwid! Għax anki, fil-qalba tat-taħwid, hemm l-imħabba! Kulma irrid hu li nneħħi x-xewk, il-ġebel u t-trab ħalli terġa’ titfaċċa l-qdusija tal-Mulej li hemm fija! Dik il-qdusija li għaliha ġejt maħluq u maħluqa mill-imħabba u biex, iva, inħobb biha jien ukoll. Bid-dgħjufijiet, bil-fallimenti u b’ma nafx kemm-il limitazzjoni li għandi!
Ħija, oħti, ġo fik hemm il-qdusija! L-imħabba! L-għotja! Hemm qiegħdin! Ħalli lill-Mulej jibqa’ isejjaħlek ħa jissokta jibdlek fiH! Jiżbalja kulħadd! Jidneb kulħadd! Imma kemm hu sabiħ li tħallih jibdlek! Bħalma stieden lili biex nagħmel l-istess! U, bilħaqq, sir ħabib tal-passat tiegħek! Għax anki fl-eqqel burraxki, kien hemm fih il-perla tal-qdusija! Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!
Patri Mario Attard OFM Cap