Caritas Vietnam tassisti lill-vittmi tal-maltemp u l-għargħar.


Fi ftit iktar minn xahar, ir-reġjun ċentrali tal-Vjetnam ġie milqut minn seba’ maltempati tropikali u tifuni, u kkawża għargħar mifruxa u valangi li qatlu 235 persuna u kkawżaw stima ta’ $740,000 fi ħsarat f’diversi provinċji. Ix-xita tal-maltempati kkawżat l-agħar għargħar fir-reġjun f’aktar minn 30 sena.

L-aħħar wieħed minn dawn it-tifuni, ‘Vamco’, li laqgħat il-Vjetnam nhar il-Ħadd li għadda, kellu qawwa ta’ riħ sa 150 kph, wara li ħalla 67 mejjet fil-Filippini. Il-maltempata għamlet ħsara lil aktar minn 400,000 dar, qalet il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar. Mill-inqas 150,000 persuna jinsabu f’riskju li jibqgħu bil-ġuħ.

Skont il-fergħa soċjali tal-Knisja Kattolika, l-‘Caritas’, il-bini mill-ġdid tad-djar u l-irkupru tal-għajxien tagħhom huma estremament importanti apparti mill-għajnuna mmedjata u s-sopravivenza. Il-biedja, bħat-tkabbir tal-ħaxix, ir-ross, it-trobbija tal-bhejjem u t-tjur, li hija l-pedament fil-provinċji ċentrali, ġew meqruda. Ħafna mill-familji tilfu kollox fl-għargħar u l-valangi.

Caritas Vietnam, b’kolaborazzjoni ma’ djoċesijiet u parroċċi, kienet involuta f’xogħol soċjali u ta’ karità biex tgħin lin-nies wara diżastri naturali. Il-fergħa soċjali tal-Knisja Kattolika tassisti lin-nies biex jerġgħu jibnu ħajjithom, isewwu djar bil-ħsara u jibnu djar ġodda għal familji li tilfu djarhom. Jipprovdu wkoll lin-nies u l-familji b’żerriegħa, bhejjem, sistemi ta’ filtrazzjoni tal-ilma, u finanzi għat-tfal tal-iskola.

Il-Caritas iddiskutiet modi kif toħroġ bi pjanijiet jew proġetti konkreti biex terġa tinbena l-ħajja tan-nies irrispettivament mir-reliġjon tagħhom. Fr Joseph Ngo Si Dinh, direttur tal-Caritas Vietnam ħeġġeġ lill-Kattoliċi biex jgħinu lil kull persuna fil-bżonn. “Nittamaw li l-aktar nies milquta minn dawn il-maltempati, kemm jekk huma Kattoliċi kif ukoll jekk le, jkollhom ftit serħan” stqarr id-Direttur tal-Caritas Vietnam.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://www.vaticannews.va/en/church/news/2020-11/vietnam-caritas-typhoons-floods-landslides-central-provinces.html