Apposta ħallejthom għall-aħħar!


Ix-xahar ta’ Novembru wasal biex jagħlaq. Kemm tabilħaqq ġera bina dan ix-xahar hux! Kif ħarab bina u bil-programmi li ilkoll fassalna! Bħalma, wara kollox, ġrew ukoll bina ix-xhur l-oħra tas-sena! Tafu li issa, kważi kważi, sibna ruħna fuq l-għatba tal-aħħar xahar tagħha? Din is-sena 2020 ukoll! Kif ħarbet bina!

Iżda, anki jekk dan ix-xahar għoġbu jterraq daqshekk, anki jekk iż-żmien donnu għaddej bit-tlett mil fis-siegħa, xorta waħda nħossu fina dak l-obbligu interjuri li nieqfu ftit. Ħa naraw ‘il fejn hi sejra ħajjitna! Għax, jekk ma nagħmlux hekk, mhux niggustawha nkunu imma nibilgħuha. Nafu biżżejjed u mill-esperjenza x’jagħmlilna l-ikel meta jkun fuq l-istonku. Nafu sewwa fejn jibgħatna u x’jibgħatna nagħmlu meta jħossu li postu mhux aktar fl-istonku tagħna! Intant …

Għalhekk huwa meħtieġ fuq li meħtieġ li nieqfu ftit ħa nisimgħu ilħna pjuttost siekta. Iżda, daqskemm huma siekta dawn l-ilħna huma qawwija. Daqskemm huma siekta huma, fil-fatt, storbjużi! U għandhom ħbieb l-għaliex u fuqhiex ikunu storjbużi tafux! Dawn huma ilħna ta’ nies li għadhom jgħixu. U li forsi, mingħajr ma nafu, jaf ikollna s-santa tagħhom fil-kartiera. Inkella fid-dashboard tal-karozza. Dawn huma n-nies li nafu nkunu kellimna, kilna u xrobna magħhom. Dawn jafu jkunu l-istess nies li aqta’ kemm bkejna u dħakna magħhom!

Il-punt hu li l-erwieħ tal-purgatorju mhumiex erwieħ fantażmi. Inkella xi erwieħ marbuta ma’ xi Halloween. Li m’hijiex għajr festa tas-sħaħar u tal-okkult b’ħafna zokkor magħha! Imsieken aħna u anki uliedna meta niftuħhom għad-dinja tad-dlamijiet permezz ta’ din il-festa li għandha tiġi mwarrba għal kollox minn kull kalendarju soċjali, edukattiv u rikrejattiv għax ħlief ħsara ma tagħmilx. Le! L-erwieħ tal-purgatorju ma jaqgħux għal din in-nasba tal-biża u tat-tqalliegħ tax-xitan!

Għall-kuntrarju, l-erwieħ tal-purgatorju jappartjenu għall-glorja tas-sema. L-għaliex għal hemm għażlu b’ħajjithom stess li jqattgħu l-bqija tal-eternità tagħhom. U f’dan il-queue issa qiegħdin! F’ċertu sens, nistgħu ngħidu li l-purgatorju hu l-waiting room, jew, għala Maltija, is-sala tal-istennija tal-ġenna. Imma ħej din is-sala m’għandhiex air condition! Lanqas m’hemm dik it-tavolina li fuqha min jaf kemm ikun hemm rivisti biex jinqraw! U, f’din il-waiting room, dak li jkun ma jkunx jista’ aktar jidħol naqra YOU TUBE, inkella jiċċekkja l-email jew il-WhatsApp. Jew, (għax bil-ħaqq aqta’ kif kont insejt), jidħol baxx baxx naqra Facebook ħa jagħmel like! Il-purgatorju mhux post ta’ likes tafux! U, l-uniku Facebook li kull ruħ fil-purgatorju qed tispira għalih, l-għaliex lilu trid tara, u minnufih kemm jista’ ikun, l-għaliex in-nuqqas tiegħu aqta’ kemm qed tħossu u minħabba li mhux qed tarah aqta’ kemm qed tbati minħabba fih miskina, hu dak tal-Mulej! Kos hux! Il-purgatorju jgħallimna kemm kellu raġun is-salmista li lill-Mulej jgħidlu, b’mod insistenti u għal kollox urġenti: “Ejja,” għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”; jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek (S 27:8-9).

Personalment, Salm 27 aqta’ kemm ifakkarni fil-purgatorju! Jiġifieri, f’dan il-post ta’ tisfija għar-ruħ. Għax il-purgatorju hu t-tweġiba għall-preżunzjoni ta’ uħud li jaħsbu li meta ħa jmutu se jmorru għand il-Mulej bi dnubiethom b’kollox! Kemm serjin żball dawn l-aħwa! Mela nsejna dak li jgħidilna l-Ktieb tal-Apokalissi, dwar il-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla (Apk 21:10)? Insejna x’tgħidilna l-Bibbja stess, li ngħidu li nafu, fuq din il-biċċa xogħol importanti? Insejna l-kundizzjoni li l-Kelma ta’ Alla stess tpoġġilna jekk irridu tassew li nidħlu f’Ġerusalemm tas-Sema? U x’kundizzjoni hi din? Ħa nħallu l-Kelma ta’ Alla tfissirhielna hi, bl-akbar dettall, kif taf tagħmel hi! Il-ġnus jimxu bid-dawl tagħha, u s-slaten tal-art iġibulha l-glorja tagħhom. Il-bibien tagħha ma jingħalqux binhar, għax lejl hemmhekk ma jkunx hemm. U jġibu fiha l-glorja u l-ġieħ tal-ġnus. Imma ma tidħol fiha ebda ħaġa mniġġsa, ħadd li jagħmel ħwejjeġ mistkerrha, ebda ħaġa b’oħra ma tidħol, imma biss dawk li tniżżlu fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf (Apk 21:24-27).

Kemm hu ċar l-awtur tal-Ktieb tal-Apokalissi! Ebda ħaġa mniġġsa, ħadd li jagħmel ħwejjeġ mistkerrħa, ebda ħaġa b’oħra ma tidħol fiha (Apk 21:27). U min minna jista’ jgħid li m’huwiex imniġġes? Minn minna jista jgħid li qatt, f’ħajtu jew f’ħajjitha, ma għamel u ma għamlet ħwejjeġ mistkerrħa? Min fostna jista’ jgħid li qatt ma gideb? Jew gidbet? Ċertament li, quddiem dawn il-ħtijiet, l-ewwel rejazzjoni tagħna hi li aħna, bħad-dixxipli mistgħaġbin nibdew ngħidu lil xulxin, b’qalbna maqtugħa: Mela min jista’ jsalva? (Mk 10:26). U nifhimha li ngħidu hekk! Aktar u aktar meta Ġesù hawnhekk qed jitħaddet ukoll fuq il-kunċett li eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli … (Mk 10:25). Minbarra l-għani (ara Mk 10:25) li Ġesù jsemmi u li għalih id-dħul fis-sema se jkun diffiċli nistgħu ninkludu wkoll fid-diskors lilna ilkoll kemm aħna! Nibda’ minni l-ewwel wieħed! U, quddiem dan il-passaġġ tal-vanġelu, aħna wkoll bejnietna nibdew ngħidu, bħad-dixxipli: Mela min jista’ jsalva? (Mk 10:26). U Ġesù dlonk iweġibna: Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun (Mk 10:27).

U tant kemm jista’ ikun li hemm il-purgatorju. Ħalli f’dan l-istat tat-tbatija u ta’ purifikazzjoni int u jien, jien u int nissaffew biex nidħlu fil-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla (Apk 21:10). Il-purgatorju jeżiżti! It-test li qed nirreferi għalih hu dak ta’ Mattew 12:32 fejn Ġesù qal, ċar u tond: U jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jitkellem kontra l-Ispirtu s-Santu ma jkollux maħfra, la f’din id-dinja u lanqas f’li ġejja. Mela, hemm post fid-dinja li ġejja fejn maħfra hemm! Sintendi, fil-purgatorju!

Minħabba l-qawwa tas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, li hu t-tifkira ħajja u rejali tas-Sagrifiċċju tal-Kalvarju, ejjew noffru l-quddies għall-erwieħ li qed ibatu fil-purgatorju. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika hu tant ċar fuq dan meta jgħidilna: “Sa mill-ewwel żminijiet, il-Knisja tat ġieħ lit-tifkira tal-mejtin u offriet suffraġji għalihom, b’mod partikulari s-sagrifiċċju ewkaristiku, biex, imsoffija minn dnubiethom, jistgħu jaslu għall-viżjoni beatifika ta’ Alla” (nru. 1032).

Nitolbu għalihom billi noffrulhom il-quddies, noffrulhom it-tqarbina; nitolbu r-Rużarju għalihom; nitolbu ta’ spiss għalihom dik it-talba tant sabiħa: Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen; nitolbu t-talba ta’ San Ġertrude għalihom; nbierku bl-ilma mbierek u noffru t-tberika għalihom; nagħtu karità għalihom; nagħmlu sagrifiċċji għalihom u nwasslu l-messaġġ biex nieħdu ħsiebhom bil-mod kif semmejna, l-aktar billi noffru l-quddies għalihom. Ejjew ma ninsewhomx! Jaf aħna għad ikollna bżonn it-talb li għandhom bżonn huma bħalissa!

Ħallejt dawn il-ħsibijiet li tani l-Ispirtu s-Santu għall-aħħar ġimgħa ta’ Novembru. Biex żgur ma ninsewhomx lil ħutna fil-purgatorju! Apposta ħallejthom għall-aħħar!

Patri Mario Attard OFM Cap