Il-Quddiesa hija ikla ta’ tieġ

Print Friendly, PDF & Email
Edward Tagliaferro

Fil-ktieb tal-Apokalissi nsibu: “Nifirħu u nithennew u nagħtuh glorja, għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, u l-Għarusa tiegħu ħejjiet ruħha, u lilha ngħata li tilbes għażel fin jgħammex l-għajnejn – għax l-għażel fin ifisser l-għemejjel tajba tal-qaddisin.”  Imbagħad qalli: “Ikteb: Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf.”   Qalli: “Dan hu kliem tassew ta’ Alla.” (29, 7 – 9)

Mela, barra l-aspett importanti ta’ Sagrifiċċju u ta’ radd il-ħajr  (ewkaristja hija kelma Griega li tfisser Grazzi) m’għandniex nittraskuraw dan l-aspett l-ieħor daqs tant importanti tal-Quddiesa, jiġifieri li mhijiex ikla ta’ kuljum, jew il-pranzu ta’ nhar ta’ Ħadd, iżda hija ikla ta’ tieġ. L-Għarus ma hu ħadd ħlief il-Ħaruf, Sidna Ġesu Kristu.  L-Għarusa hija l-miġemgħa miġbura flimkien, jiġifieri aħna (Knisja).  L-iskop aħħari tal-Quddiesa hu li Kristu li huwa wieħed jiġi fina li aħna ħafna; u aħna li aħna ħafna, insiru haġa waħda permezz ta’ Kristu (Komunjoni = unjoni tal-komunita). Din l-għaqda aħna rridu nuruha billi nagħmlu kollox flimkien, nitolbu u nkantaw flimkien, ninżlu għarkobbtejna u nqumu bil-wieqfa flimkien:  azzjoni liturġika waħda u b’leħen wieħed.

Din l-għaqda, mbagħad, trid tirrifletti ruħha fl-imġieba tagħna minn quddiesa ghall-oħra, billi nibqgħu magħqudin ma’ ħutna l-bnedmin: inħobbu, naħfru, ngħinu, eċċ. In fatti,  “….jekk tkun qiegħed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel  irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek.” (Matt. 5, 23-24) 

Mela fil-quddiesa jien mhux biss mistieden iżda jien il-protagonist. Hemm bżonn li noqgħod f’post fejn nara l-altar sew, insegwi l-qari b’attenzjoni, inlissen it-talb b’mod li jinstama’ almenu minn ta’ ħdejja, ma nitlifx sekonda minn dak li jkun qed jgħid u jagħmel il-qassis fuq l-altar, u nżomm il-ħin kollu quddiem għajnejja dak li għidna hawn fuq.

Jekk nagħmel dan għandu jitnissel fija ferħ kbir, speċjalment meta, għall-kliem tas-saċerdot, Ġesu Kristu jinbidel f’ħobż u inbid, biex isir ikel tabilħaqq għalina.  Liema għarusa ma tifraħx hekk kif jitfaċċa l-għarus tagħha? Jekk jien wara l-Konsagrazzjoni ma nifraħx, hemm fija xi ħaġa mhux flokha. Forsi ma ġejtx ippreparat biex niekol, jew forsi moħħni fil-ftit intietef li, għalkemm huma mportanti, żgur mhux importanti daqs il-miġja tal-Għarus ġewwa fija: intietef bħal min ma jaqrax jew ma jkantax sew, jew l-omelija twila, qasira jew bla sens, eċċ.

Ejjew nagħdru d-dgħufija tas-saċerdot u l-animaturi, u nikkonċentraw aktar fuq dak li nagħmlu aħna u, aktar u aktar, fuq il-miraklu kbir li permezz tiegħu Alla qarreb lilu nnifsu lejna l-bnedmin, biex iberikna, iwaħħadna miegħu, jgħinna fid-diffikultajiet tal-ħajja u jqaddisna permezz ta’ Ibnu, Sidna Ġesu Kristu, il-Ħaruf t’Alla u l-Għarus Divin tal-Knisja.

Min Edward Tagliaferro