Uffiċċju ġdid għal Malta Guide Dogs Foundation grazzi għall-Arċidjoċesi ta’ Malta

L-Arċisqof jinawgura l-uffiċċju l-ġdid tal-Malta Guide Dogs Foundation, Santa Venera.

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna inawgura uffiċċju ġdid tal-Malta Guide Dogs Foundation (MGDF) nhar it-Tnejn 30 ta’ Diċembru. L-uffiċċju ngħata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta lill-fundazzjoni għal snin bla kera, wara li din tilfet l-uffiċċju li kellha qabel minħabba li għadda għand operatur privat. Min-naħa tagħha l-fondazzjoni rranġat il-post bil-għajnuna ta’ numru ta’ sponsors u l-post issa fih mejda fejn jista’ jiltaqa’ l-bord, żewġ skrivaniji, kċina żgħira u kamra tal-banju.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, l-Arċisqof qal li x-xogħol, l-intelliġenza u d-don tal-kelb gwida Toby ma’ sidu Joseph Stafrace, huma eżempju ċar ta’ kif il-bniedem jista’ jgħix f’armonija mal-ħolqien ta’ Alla.

“Ippermettili nirringrazzja r-rwol importanti ta’ ħutna, ippermettili ngħidulhom ħutna bħal San Franġisk, il-klieb li jiggwidawkom. Għalija hu ta’ privileġġ li niltaqa’ ma’ Toby, li nħoss li hu ħabib prinċipali f’ħajtek u fl-istess ħin qed nara l-armonija sabiħa li aħna nixtiequ ngħixu mal-ħolqien t’Alla. Mhux biss inkunu fl-armonija imma napprezzaw l-intelliġenza ta’ dawn l-annimali u anke l-fatt li aħna nistgħu nsibu don kbir li jagħtina sostenn.”

L-Arċisqof talab għal ruħ il-fundatur tal-fondazzjoni, Ron Colombo, u għal dawk kollha li qegħdin jistennew kelb gwida u qegħdin jitgħallmu jużaw il-bastun l-abjad.

“Nispera li dan l-ambjent ċkejken, magħmul tant sabiħ bix-xogħol u l-ġenerożità ta’ ħafna nies, ikun ċentru fejn kull min għandu bżonn l-għajnuna ikun jista’ jsibha mill-aħjar li jista’,” temm jgħid l-Arċisqof.

Is-Sur Stafrace, Chairman tal-MGDF, irringrazzja lill-Kurja tal-Arċisqof għall-użu tal-uffiċċju mill-fondazzjoni f’post daqshekk prominenti. Fakkar l-avvenimenti ewlenin fl-istorja qasira tal-fondazzjoni mindu din twaqqfet mill-mibki Ron Colombo fl-2006 u li għalih ġie ddedikat l-uffiċċju. Spjega wkoll is-servizzi li toffri l-fondazzjoni fit-taħriġ tal-bastun l-abjad u li tingħata l-klieb gwida.

Għaċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni attendew il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà Maria Deguara, membri tal-Bord tal-MGDF u l-imsieħba fundaturi, is-Soċjetà Maltija tal-Għomja, is-Soċjetà Torball tal-Għomja u l-Assistenza għal dawk Neqsin mid-Dawl ta’ Għawdex (GAVI).

F’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija, importanti li ma jintesiex ir-rwol kritiku tal-klieb gwida għan-nies neqsin mid-dawl biex imorru minn post għal ieħor b’mod sigur, bil-kunfidenza u b’mod indipendenti. L-MGDF tkompli tagħmel lobbying mal-Gvern u dawk li jfasslu l-politika lokali biex jiżviluppaw u jdaħħlu leġislazzjoni biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-użu ta’ klieb gwida f’postijiet pubbliċi.

Hekk kif qegħdin jiġu żviluppati strateġiji biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija, l-MGDF se tkompli tinsisti li l-persuni b’diżabbiltà, speċjalment dawk għomja jew li għandhom nuqqas ta’ dawl, ma jittiħdulhomx id-drittijiet tal-mobbiltà u drittijiet oħra li jinsabu fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, u li dawn jibqgħu fuq l-aġenda tal-Gvern hekk kif ikomplu jistinkaw biex jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply