Awguri speċjali …

Se jkolli Milied differenti imma sabiħ

Ħabib tiegħi kitibli email qasira imma tassew fiha x’taħseb u x’tirrifleti. Hija dwar dan il-Milied, li ħafna qed isejħulu, il-Milied tal-pandemija, jew il-Milied tal-Covid. Mhux ħa ngħid min huwa dan il-ħabib li kitibli, għaliex ma naħsibx li jkun irid. Ngħid biss li huwa wieħed mill-frontliners ta’ żmienna.

Qed naqsam publikament dak li kitibli, bla ma tlabtu permess, imma jekk ngħidlu li qed niddedika dawn l-erba’ linji tiegħu lill-frontliners l-oħra kollha, ċert li mhux ser joġġezzjona. Kliemu nixtieq li jkunu l-awguri tagħna lilek li qed taqra.

Kitibli hekk …

Se jkolli Milied differenti imma sabiħ għax din l-esperjenza tal-virus tqarribna lejn l-ewwel Milied.

Illum għandna l-kultura li nżommu d-distanza, u fil-Milied Alla ddeċieda li ma jibqax iżomm id-distanza.

Illum nilbsu l-maskri, filwaqt li fil-Milied Alla ddeċieda li jurina wiċċu.

Illum il-ħin kollu naħslu jdejna, u Alla ġie biex jaħsilna mid-dnub tagħna.

Dan hu l-Milied ta’ din is-sena.

Minn qalbi nawguralek il-Milied it-Tajjeb.