Il-Papa Franġisku jibgħat l-awguri tal-Milied lill-Insara Orjentali.

Print Friendly, PDF & Email

Fit-tislima tiegħu wara t-talba tal-Anġelus nhar l-Erbgħa, l-Papa Franġisku fakkar li l-Insara Ortodossi u l-Kattoliċi tar-Rit tal-Lvant kienu qed jippreparaw biex jiċċelebraw il-Milied fis-7 ta’ Jannar. Huwa bagħat ix-xewqat tajba tiegħu u talab għall-Knejjes Orjentali kollha. “Noffri l-iktar xewqat mill-qalb tiegħi għal Milied Qaddis fid-dawl ta’ Kristu, il-paċi u t-tama tagħna”.

Il-Papa rrimarka wkoll li s-6 ta’ Jannar hu Jum it-tfulija Missjunarja, li tiċċelebra l-fatt li l-Insara kollha, anke dawk żgħar ħafna, huma missjunarji bis-saħħa tal-Magħmudija. Hu qal li ħafna tfal madwar id-dinja qed jieħdu sehem f’dan il-Jum. “Nirringrazzja lil kull wieħed minnhom, u nħeġġiġhom biex ikunu xhieda ferħana ta’ Ġesù, u jfittxu dejjem li jnisslu l-għaqda fost sħabhom ta’ daqshom”. Il-Papa kompla jgħid li d-dar b’mod speċjali, t-tfal u l-ġenituri jridu jkunu f’xhieda reċiproka ta’ Kristu għal xulxin. “Il-ġenituri li jgħaddu l-fidi tagħhom lil uliedhom, u t-tfal li jagħtu xhieda lill-ġenituri tagħhom permezz tax-xewqa tagħhom li jaħsbu dwar l-oħrajn”. Il-Jum iddedikat lit-Tfulija Missjunarja ġiet stabbilita fl-1950 mill-Papa Piju XII bħala Jum iddedikat lit-Tfulija Mqaddsa.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku sellem lill-parteċipanti fil-Parati li jagħmlu fil-Jum tas-Slaten Maġi, li dawn isiru b’diversi modi fl-ibliet fil-Polonja, kif ukoll f’nazzjonijiet oħra. Huwa sejjaħ dawn il-parati bħala “avveniment għall-evanġelizzazzjoni u s-solidarjetà.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-01/pope-francis-oriental-christmas-greeting-childhood-day.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d