Il-Papa jħeġġeġ lill-kleru tal-Venezwela hekk kif jiffaċċjaw kriżi politika u pandemika
F’messaġġ vidjo, maħruġ mill-uffiċċju tal-istampa tal-Vatikan, li ntbagħat lill-isqfijiet u l-qassisin tal-Venezwela waqt laqgħa virtwali, li saret bejn id-19 u l-20 ta’ Jannar, il-Papa ħeġġiġhom jaħdmu flimkien biex jegħlbu d-diffikultajiet li jolqtu ħafna minn ħutna fil-Venezwela u madwar id-dinja.
Il-Papa talab li r-rgħajja religjuzi biex jaġixxu bħalma għamlu l-appostli wara li rritornaw mill-missjoni li Ġesù bagħathom: Huma ngħaqdu flimkien biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, dak li għamlu u għallmu, u wara talbu.
“Ma nistgħux naġixxu waħedna, iżolati, awtosuffiċjenti, b’aġendi moħbija”, qal. “Huwa essenzjali li aħna dejjem nerġgħu lura għand Ġesù, li niltaqgħu fi fraternità sagramentali, biex ngħidulu u ngħidu lil xulxin ‘dak kollu li għamilna u għallimna,’ bil-konvinzjoni li dak li nagħmlu mhuwiex tagħna imma dak t’Alla. Huwa dak li jsalvana, aħna biss strumenti f’idejh.”
Fil-website tal-konferenza tiddeskrivi l-laqgħa bħala laqgħa ta’ “djalogu fratern” biex tippromwovi spazju ta’ qsim t’esperjenzi matul dan iż-żmien “t’emerġenza tas-saħħa minħabba l-pandemija.” Is-summit ġie wara perjodu ta’ konsultazzjoni li beda f’Ottubru u kkonkluda fit-12 ta’ Jannar. Id-djoċesijiet madwar il-pajjiż ġew mistiedna jagħmlu laqgħat online biex jirriflettu fuq sensiela ta’ mistoqsijiet immirati biex jifhmu l-esperjenzi li għexu matul il-pandemija, biex jagħmlu suġġerimenti għat-titjib xogħol pastorali matul dan iż-żmien, u tagħmel ukoll projezzjonijiet “post-pandemiċi”. Rapport tal-konklużjonijiet se jiġi ppubblikat fl-ewwel jiem ta’ Frar.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa Franġisku kompla billi appella lill-kleru biex jaqsmu l-esperjenzi, l-għejja, l-inċertezzi u t-tamiet tagħhom ma’ xulxin, fil-konvinzjoni li dan jgħinhom iwettqu aħjar ix-xogħol tal-Knisja, “li hija l-ħidma tal-Mulej.”
“Nirringrazzjakom tax-xhieda tagħkom ta’ mħabba u servizz lill-aħwa Venezwelani, manifestata fil-kura tagħkom għall-morda, li lilhom wassaltu l-qawwa tal-kelma t’Alla u l-Ewkaristija; flimkien mat-tobba, infermiera, paramediċi u voluntiera li jgħinu lill-pazjenti f’din il-pandemija; kif ukoll biex jgħinu lill-foqra u l-emarġinati, għal dawk li m’għandhomx dak li hu meħtieġ biex jgħixu u jimxu ‘l quddiem b’dinjità. Grazzi, grazzi ta’ dan kollu,” temm jgħid il-Papa.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://cruxnow.com/church-in-the-americas/2021/01/pope-encourages-venezuelan-clergy-as-they-face-pandemic-political-crisis/