Fratelli tutti u l-fruntieri fid-dinja


P. Fabio Baggio C.S., Sottosegretarju għall-Migranti u r-Rifuġjati

L-ittra Enċiklika “Fratelli tutti” (FT) hi dedikata lill-fraternità u l-ħbiberija soċjali, żewġ prinċipji li jħassbu ħafna lill-Qdusija Tiegħu.  Ir-rabta sfiqa bejn dawn iż-żewġ temi u kwistjonijiet oħra f’dak li għandu x’jaqsam mal-migranti u r-rifuġajti, il-persuni turufnati u l-vittmi tat-traffikar, hi spjegata ċar fl-introduzzjoni tad-dokument li jispjega kif il-Papa Franġisku sab l-ispirazzjoni tiegħu mill-Fqajjar ta’ Assisi. 

Fil-fatt, San Franġisk wiegħed lilu nnifsu li “jimxi flimkien mal-foqra, l-abbandunati, il-morda, l-imwarrbin, tal-aħħar” (FT, 2), magħhom, kif jispjega ċar il-Papa fil-paragrafi ta’ wara, irridu nżidu l-bnedmin l-aktar vulnerabbli mġagħlin iterrqu ‘l hawn u ‘l hinn.  Aktar minn hekk, San Franġisk ta’ Assisi wera li kellu “qalb mingħajr konfini, bil-ħila li tmur lil hinn mid-distanzi li joħolqu l-oriġini, in-nazzjonalità, il-kulur jew ir-reliġjon” (FT, 3), qalb miftuħa għall-barranin.

Fl-introduzzjoni wkoll, il-Papa Franġisku jagħmel enfasi fuq il-fatt li l-ivvjaġġar huwa karatteristiku tal-bnedmin kollha tad-dinja, għax huma “vjaġġaturi lkoll magħmulin mill-istess laħam uman” (FT, 8), li jistgħu joħolmu flimkien.  Imma dal-potenzjal meraviljuz illum għandu quddiemu “kultura tal-ħitan” (FT, 27) li ma tħallihx, anki fiżikament, jiltaqa’ ma’ popli ta’ kulturi differenti.

Meta nosservaw il-fruntieri tad-dinja kontemporanja, sfortunatament, naraw vjolazzjonijiet sistematiċi tad-dinjità umana kkawżati minn politika kontra l-migranti u l-koperazzjoni internazzjonali (FT, 37).  Spiss, imqarqin mill-illużjoni tal-kultura tal-punent, il-migranti jisfaw vittmi tal-ispekulazzjoni tat-traffikanti.  It-tluq tagħhom ikompli jfaqqar aktar il-pajjiż minn fejn jitilqu, għax ma jkollux ħila jiggarantilhom id-dritt li ma jemigrawx (FT, 38).  Fil-pajjiżi fejn jaslu hemm sfruttament politiku dejjem jiżdied minħabba l-biża’, u hemm ukoll dawk l-episodji mistmella tar-razziżmu u l-xenofobija li donnhom kienu saru parti mill-istorja l-imgħoddija (FT, 39).

Il-Qdusija Tiegħu hu konvint li -migrazzjoni hi element fundamentali tal-ġejjieni uman u opportunità ċara biex il-persuna umana terġa’ titqiegħed fiċ-ċentru (FT, 40).  Il-biża’ mill-‘ieħor’, minkejja li hi naturali u istintiva, qatt m’għandha tnaqqas is-siwi tal-laqgħa li tkabbarna lkoll bħala bnedmin (FT, 41).   B’hekk, “Li qalbna tikber u tinfetaħ għall-istranġier” isir fattur essenzjali biex jikber kulħadd.  Il-Kotba Mqaddsa huma għonja bi kwotazzjonijiet bibliċi f’das-sens” (FT, 61).  Iżda nsibu wkoll riferiment għat-tentazzjoni li ningħalqu għall-barranin, għall-oħrajn, tentazzjoni li baqgħet tkun katatteristika tal-Knisja sa mill-ewwel żminijiet (FT, 62).

Skont il-Papa Franġisku, l-attitudni korretta tan-nisrani lejn il-barrani – kif fil-fatt għandu jkun lejn “il-ġirien” kollha li huma vulnerabbli – għandna eżempju konkret tagħha fil-parabbola tas-Sammaritann it-Tajjeb (FT, 81).  Il-laqgħa bejn min irid jgħin u dak li jinsab fil-bżonn ma tħallix wisa’ għall-manipulazzjoni ideoloġika u liż-żewġ protagonisti tixprunahom biex jegħlbu l-barrieri (FT, 82-83).  Is-Sammaritan it-Tajjeb juri li qalbu taf tidentifika ruħha mat-tbatija tal-ieħor, lil hinn  mid-differenzi, u tagħraf lil Ġesù Kristu preżenti fil-proxxmu (FT, 84).  Hu għarfien li lill-ieħor jagħnih b’dinjità bla tarf, laqgħa awtentika ma’ Ġesù Kristu (FT, 85).  Iżda hija wkoll laqgħa mal-umanità lil hinn miċ-ċirku tal-appartenenza (FT, 90); hi inkontru li jfisser li wieħed imur ‘l hinn mill-konfini nazzjonali u reġjonali biex jiskopri li jifforma parti minn komunità ta’ aħwa li jagħtu kas xulxin (FT, 96).

Il-Papa Franġisku jtenni li l-għan aħħari hu li n-nies ma jkollhomx għalfejn jemigraw, ikollhom il-garanzija li f’darhom jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex isibu l-milja tal-iżvilupp tagħhom.  Imma sakemm naslu għal dan, ikun meħtieġ li nirrispettaw id-dritt ta’ kulħadd li jsib imkien fejn  ikun jista’ jiżviluppa hu bħala persuna flimkien mal-familja tiegħu, bit-tħaddim ta’ erba’ verbi: laqgħa, protezzjoni, promozzjoni u integrazzjoni (FT, 129).  Speċjalment fil-każ ta’ kriżijiet umani, is-solidarjetà bejn il-popli għandha tissarraf f’azzjonijiet konkreti (FT, 130), li lill-bnedmin kollha tiggarantilhom “ċittadinanza sħiħa” f’din id-dinja (FT, 131). Iżda dan jeħtieġ governanza globali tal-migrazzjoni, bi proġetti li jħarsu ‘l quddiem u fil-bogħod, li jmorru ‘l hinn mill-emerġenza (FT, 132).

Il-laqgħa mal-ieħor, mal-barrani, tgħani, għax hija laqgħa ma’ xi ħaġa differenti li ma tkunx għada magħrufa (FT, 133). Ir-raġuni hi li l-laqgħa mad-diversità sseddaq il-kulturi u ċ-ċiviliżżazzjonijiet (FT, 134).  Dan iseħħ b’mod speċjali meta l-laqgħa jkollha l-karatteristika ta’ merħba ġeneruża, u b’hekk l-umanità tisseddaq (FT; 139-141).  Il-laqgħa mal-ieħor ma toħnoqx l-identità ta’min jospita anzi, issaħħaħha u tibdilha f’għotja (143).  In-narċisiżmu lokali jaħbi fih insikurezza u biża’ mill-oħrajn (FT, 146).  Meta jħares lejn l-oħrajn, il-bniedem jifhem aħjar lilu nnifsu (FT, 147).  L-identità u l-kultura huma realtajiet dinamiċi li jżoqqu l-laqgħa mal-ieħor (FT, 148); ir-relazzjoni mal-oħrajn fil-fatt, hi ħtieġa kostituttiva għall-kisba tal-milja umana (FT, 150).  Il-familja umana għandha preċedenza fuq it-twaqqif tal-gruppi nazzjonali (FT, 149).

L-importanza tal-laqgħa għandha titqies ukoll mill-perspettiva ġjografika reġjonali, li biha r-relazzjoni kordjali mal-ġar (FT, 151) issir relazzjoni konvivjali mal-pajjiżi ġirien (FT, 152), li dak li jkun tikxiflu l-limitazzjonijiet tiegħu u turih l-importanza tal-interkonnessjoni mal-oħrajn: ebda nazzjon li jgħix f’iżolament ma jista’ jiggrantixxi l-ġid komuni (FT, 153).

Il-Papa ma jitlifx din l-opportunità biex jikkundanna t-traffikar tal-bnedmin, ħaġa li għandha tkun ta’ tħassib kbir għal kull mexxej (FT, 188).  il-kummerċ uman, li b’għafsa ta’ qalb immarka l-istorja tal-imgħoddi, sfortunatament għadu magħna (FT, 189)

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.