Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2021

“Ħennu, bħal ma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36).

San Luqa l-Evanġelista jħobb juri l-kobor tal-imħabba t’Alla billi jisħaq fuq kwalità partikulari tal-imħabba fl-aqwa tagħha: il-ħniena.

Fil-Bibbja, il-ħniena tixbah lill-imħabba ta’ omm, dik li biha Alla jieħu ħsieb il-ħlejjaq tiegħu, jerfagħhom, ifarraġhom, jilqagħhom bla ma qatt jgħejja. B’fomm il-profeta Isaija, il-Mulej iwiegħed lill-poplu tiegħu: “Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena nfarraġ lilkom u f’Ġerusalemm titfarrġu”[1].

Din il-kwalità hi magħrufa sew fit-tradizzjoni Iżlamika: fost id-disgħa u disgħin Ismijiet Sbieħ t’Alla, dawk li l-fidili Musulmani jlissnu l-aktar huma ‘Alla Ħanin’ u ‘Alla li Jaħfer’.

Din il-paġna tal-Vanġelu turina ’l Ġesù jkellem folla kbira ta’ nies, li kienu ġejjin anki minn bliet imbiegħda u b’kuraġġ kbir jgħidilhom biex: jimitaw lil Alla l-Missier, propju fl-imħabba tiegħu mimlija ħniena.

Għalina din tidher xi ħaġa li qatt ma nistgħu naslu għaliha!

“Ħennu, bħal ma hu ħanin Missierkom”.

Fil-Vanġelu nsibu li jekk irridu nimitaw lill-Missier jeħtieġ li qabelxejn nimxu wara Ġesù kuljum u nitgħallmu minnu kif inkunu aħna l-ewwel li nħobbu, l-istess kif Alla dejjem jagħmel magħna.

Din hi esperjenza spiritwali mfissra mit-teologu Luteran Bonhoeffer (1906-1935): “Il-komunità nisranija tkanta kuljum: “Ħniena rċevejt”. Irċevejt dan id-don  anki meta għalaqt qalbi għal Alla; […] meta ntlift u ma sibtx it-triq biex immur lura għandu. Iżda l-kelma tal-Mulej resqet lejja. Għalhekk jien fhimt: hu jħobbni. Ġesù biss sabni, kien qrib tiegħi, farraġni, ħafer l-iżbalji kollha tiegħi u m’akkużanix tal-ħażin li għamilt. Meta jien kont għadu tiegħu u ma kontx inħares il-kmandamenti tiegħu, hu ġab ruħu miegħi ta’ ħabib. […] Inħossha bi tqila biex nifhem għaliex il-Mulej iħobbni daqshekk, għaliex jien daqshekk għażiż għalih. Ma nistax nifhem kif hu rnexxielu u ried jirbaħ lil qalbi b’imħabbtu; nista’ ngħid biss: “iIqajt fija l-ħniena”[2].

“Ħennu, bħal ma hu ħanin Missierkom”.

Din il-Kelma tal-Vanġelu tistedinna nibdlu ħajjitna mill-qiegħ. Kull darba li xi ħadd joffendina, minflok ma naqbdu t-triq tal-akkuża, tal-ġudizzju u tat-tpattija, naqbdu dik tal-maħfra u tal-ħniena.

Biex nagħmlu dan, aktar milli nwettqu xi dmir iebes, nistgħu nilqgħu mingħand Ġesù l-grazzja li permezz tagħha ngħaddu mill-mewt tal-egoiżmu tagħna għall-ħajja vera tal-komunjoni. Kollna ferħana niskopru li nkunu rċevejna l-istess DNA tal-Missier, li ma jikkundanna lil ħadd darba għal dejjem, imma jagħti lilna lkoll ċans ieħor, u jiftħilna orizzonti ta’ tama.

Din l-għażla tgħinna wkoll inħejju l-art għal rabtiet ta’ aħwa, li fihom tista’ tinbet u tikber komunità ta’ bnedmin li darba għal dejjem tkun deċiża li tgħix fis-sliem u fl-għaqda.

“Ħennu, bħal ma hu ħanin Missierkom”.

F’meditazzjoni dwar dik is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mattew[3] li tkellimna fuq il-beatitudni tal-ħniena, Chiara Lubich tissuġġerixxi: “Il-ħniena u l-maħfra nsibuhom fil-Vanġeli kollha. […] U l-ħniena hi propju dik l-aħħar espressjoni tal-imħabba, tal-karità, dik li ssaħħaħha, jiġifieri li twassalha għall-perfezzjoni. […] Mela ejjew infittxu ngħixu din il-ħniena fir-rabtiet tagħna mal-oħrajn! Il-ħniena hi mħabba li taf tilqa’ lil kull proxxmu, l-aktar lil min hu fqir u fil-bżonn. Hi mħabba bla tmiem, abbundanti, konkreta u tħobb lil kulħadd. Tqanqal lill-oħrajn biex huma wkoll iħobbuna lura. Dan hu l-iskop aħħari tal-ħniena. Mingħajrha jista’ jkollna biss ġustizzja, li tagħmilna lkoll indaqs, imma mhux aħwa ta’ xulxin. […] Anki jekk inħossuha diffiċli u jitlob kuraġġ minna, quddiem kull proxxmu nistaqsu lilna nfusna: ommu, Marija, kif kienet iġġib ruħha miegħu? Dan il-ħsieb għandu jgħinna nifhmu u ngħixu skont il-qalb ta’ Alla”.

Letizia Magri

[1] Ara Is 66, 13.

[2] Dietrich Bonhoefer, 23 ta’ Jannar 1938, La fragilità del male, ġabra ta’ kitbiet mhux stampati, Piemme, 2015.

[3] Cf. Mt 5, 7.

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.