Kos dal-ballun!

Print Friendly, PDF & Email

Dan l-aħħar, fis-sikta tiegħi tal-kunvent, li m’huwiex post fiss iżda jiċċaqlaq, għax fejn l-Ispirtu s-Santu joħodni, għalhekk hemm veru qiegħed il-kunvent tiegħi, ġietni quddiem għajnejja x-xbieha tassew ħelwa tal-ballun! Oh il-ballun!

Emmnuni ma nistax ma ninfaqax nidħak għal din ix-xbieha! Kif nista’ ma niftakarx fi ġrajja ta’ tfuliti meta s-superjur kien xtralna ballun tal-football ġdid fjamant u kien ħadna nilgħabu fejn qabel kien hemm il-kwartieri tat-Trade Fair fin-Naxxar? Naħseb għandkom amment xi triq wiesa’ kien hemm fejn kien hemm il-ground. Tiftakruhom dawk il-palm kollha xewk? Lanqas kien laħaq saffar il-bidu tal-partita meta xutt tajjeb ta’ wieħed minna, li kien kollu żraben tat-tappini, waħħal il-ballun max-xewk tal-palma! U addijo l-logħba tal-ballun!

Il-ballun! Miskin! Kif spiċċa mtaqqab! Filwaqt li blalen oħra jixxutjawhom, iħaddnuhom magħhom, ibusuhom, joqogħdu bilqiegħa fuqhom, iwaddbuhom b’idejhom, jagħtuhom bil-ponn, u x’ma nafx jien! Min jaf hux li kieku l-ballun kellu jitkellem kemm jgħid affarijiet? Nistħajlu jgħid: Ara lili fejn bagħtuni? Jew: Issa li skurjawni fix-xibka qalgħu qalgħa flus minn fuq dahri u lili ħallewni hemm, fid-dlam, f’xi locker! Imbagħad, taf issib ukoll xi ballun, li jgħidlek bid-dmugħ f’għajnejh, għax sinċier u mhux moħħu li jingħoġob biex jagħmluh xi ballun tad-deheb: U jien, wara li rebbaħthom it-Tazza tad-Dinja, qabdu, qattgħuni, u rawemni fil-borża għall-iskart!

Kemm hi kerha hux li tispiċċa u tħossok skart! Tassew li hi esperjenza tal-biża’ tal-biżgħat! Imma s-sabiħa hi li d-deċiżjoni min se jirbaħ it-tazza tad-dinja tkun ittieħdet mill-ballun stess li issa ġie mitqies bi skart. Ara meta kien fil-kuntest tad-deċiżjoni, kemm lagħbuh bil-mod u bil-għaqal! U kemm ixxutjawh bis-saħħa! U kemm xeħtuħ f’żoni ħa jqawwa offside lill-avversarji tagħhom!

Hekk nistħajjel għeżież ħbieb tiegħi kliem bħall-“imħabba”, “ħniena”, “dritt”, u l-bqija. Nistħajjilhom eżattament bħall-ballun! Daqqa jużawhom hekk u daqqa jużawhom xorta oħra. Kulħadd juża, jixxuttja, iwaddab, jgħannaq, jgħożż, jagħti bil-ponn, ibus u tant u tant affarijiet oħra lil dawn l-imsejknin rejaltajiet daqshekk sbieħ kif jaqbillu! Is-sabiħa hi li meta xi verdett jingħata ħadd ma jkun ċert, biex ma ngħidx jaf għad-dritt, fil-kuntest kollu, sħiħ u mill-qiegħ, dik il-kelma “imħabba”, “ħniena”, “dritt” u l-bqija li tkun intużat. U, is-sabiħa qiegħdha li kull verdett jiftaħ ġrieħi ġodda u fondi għax l-avukat żmien dan jikxfu beraħ!

Għalhekk importanti li mmorru għand il-Mulej li WAĦDU BISS, jista’ jagħtina tassew l-interpretazzjoni fejqana tal-“imħabba”, tal-“ħniena”, tad-“dritt” u l-bqija. L-aħbar tajba hi li hu, ir-referee etern, se jiġġudika l-imġieba tal-player li tefa’ jew ixxuttja l-ballun!

Kos dal-ballun hux!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d