Fil-messaġġ tar-Randan tiegħu għall-2021, il-Papa Franġisku ffoka fuq it-tliet virtujiet teoloġiċi, u stieden lill-Insara biex “f’dan iż-żmien ta’ konverżjoni nġeddu l-fidi tagħna, nixorbu mill-“ilma ħaj” tat-tama u nilqgħu b’qalbna miftuħa l-imħabba t’Alla li tibdilna f’aħwa fi Kristu”. Huwa jibbaża r-riflessjoni tiegħu fuq il-Misteru tal-Għid, u jgħid, “Dan il-vjaġġ tar-Randan… huwa saħansitra d-dawl tal-Qawmien, li jagħti l-ħajja lis-sentimenti, l-atteġġjamenti u l-għażliet kollha ta’ min irid jimxi wara Kristu.” Huwa jkompli jgħid li l-vjaġġ tal-konverżjoni, permezz tas-sawm, it-talb u l-għotja tal-karità, “jgħinuna nlaħħmu fina fidi sinċiera, tama ħajja u mħabba ħawtiela.”
Il-Qdusija Tiegħu spjeġa li f’dan iż-żmien tar-Randan irridu “nilqgħu u ngħixu l-Verità li dehret fi Kristu, billi nħallu l-Kelma t’Alla tilħqana”. Permezz tas-sawm, li jrid jingħax “bħala esperjenza ta’ ċaħda jwassal li niskopru mill-ġdid id-don ta’ Alla u nifhmu r-realtà tagħna ta’ ħlejjaq maħluqa fuq is-sura u x-xbieha tiegħu, li fih isibu l-milja tagħhom”. Is-sawm ukoll jgħinna nagħrfu l-faqar tagħna stess u jgħinna nħobbu kemm lil Alla, kif ukoll lill-proxxmu. “Ir-Randan hu żmien biex nemmnu,” stqar il-Papa, “biex nilqgħu lil Alla f’ħajjitna u nħalluh “jgħammar fina”.”
Il-Papa Franġisku jqabbel il-virtù tat-tama mal-‘ilma ħaj’ li Ġesù jwiegħed lill-mara Samaritana ħdejn il-bir. Dan mhux l-ilma materjali, li l-mara kienet qed tistenna, iżda pjuttost “l-Ispirtu s-Santu, dak li hu kien se jagħti bil-kotra fil-Misteru tal-Għid”. Għalkemm it-tama tista’ tidher ta’ sfida fi żmien li qed ngħixu, fejn kollox jidher dgħajjef u inċert, “Ir-Randan huwa preċiżament l-istaġun tat-tama meta nduru lura lejn Alla”. It-Tama, l-Papa jgħid, “tingħatalna bħala spirazzjoni u dawl interjuri permezz tat-talb fis-skiet”. L-Esperjenza tat-tama fir-Randan “tfisser li nilqgħu t-tama ta’ Kristu li jagħti ħajtu fuq is-salib u li Alla jqajmu fit-tielet jum”.
Il-Papa Franġisku jgħid: “L-imħabba hi l-ħerqa tal-qalb li toħroġna minna nfusna u toħloq ir-rabta tal-qsim u tal-komunjoni”. Il-Kap tal-Knisja Kattolika enfasizza l-ħtieġa għal ‘imħabba soċjali’ biex nimxu ‘l quddiem lejn ċiviltà tal-imħabba” li aħna lkoll irridu nħossuna msejħin. “L-imħabba hija rigal li tagħti tifsira lil ħajjitna”, jgħid il-Papa. L-imħabba tgħinna naraw lill-irġiel u n-nisa kollha bħala ħutna. Il-karità titkattar meta tingħata bl-imħabba, kif naraw mhux biss fl-Iskrittura, imma wkoll f’ħajjitna stess, meta nagħtu l-karità “bil-ferħ u s-sempliċità”. Li tesperjenza r-Randan bl-imħabba jfisser “nieħdu ħsieb ta’ min jinsab f’qagħda ta’ tbatija, telqa jew biża’ minħabba l-pandemija tal-Covid-19.” Hu jistedinna biex “noffru bil-karità tagħna kelma ta’ fiduċja, u lil ħaddieħor ngħinuh iħoss li Alla jħobbu bħala ibnu u bintu.”
Fl-aħħar, il-Papa Franġisku fakkarna li “kull mument ta’ ħajjitna huwa żmien biex nemmnu, nittamaw u nħobbu”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/renewing-faith-hope-and-love-pope-francis-lenten-message.html
Kif ukoll fuq is-sit: https://www.laikos.org/fr1_randan_messagg_2021.htm