Malta Missjunarja ta’ Frar 2021

Print Friendly, PDF & Email

Ninsabu fix-xahar hekk imsejjaħ tal-maħbubin. Illum il-ġurnata nifhmu li l-kelma ‘mħabba’ ma tfissirx biss bejn raġel u mara, imma wkoll bejn l-aħwa, bejn il-ġenituri u wliedhom, bejn il-ħbieb u ħafna aktar. F’dan ix-xahar nagħtu bidu għar-Randan Mqaddes. Min jaf forsi din is-sena minflok is-sagrifiċċji tas-soltu, bħal pereżempju niċċaħħdu minn xi ikel, tipjip, eċċ …, naħfru minn qalbna lil dawk li weġġgħuna u li ilna miksurin magħhom żmien mhux ħażin.

Matul ix-xahar ta’ Frar tista’ tkompli taqra aktar dwar dan il-ħsieb permezz ta’ żewġ esperjenzi reali fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. Wieħed mill-artikli jeħodna lejn il-Kontinent Awstraljan fejn diversi saċerdoti Maltin jaqsmu magħna l-esperjenza tagħhom fost l-emigranti Maltin. Fil-paġni ta’ wara nsibu umbagħad tliet ittri miktuba minn saċerdoti  missjunarji fejn jagħtuna tagħrif dwar kif intefqu l-flus li ġew mibgħuta lilhom grazzi għall-ħafna benefatturi.

Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt  Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d