Il-Varjant

Print Friendly, PDF & Email

Bħalissa ma tiftaħx gazzetta, ma taqrax xi portal tal-aħbarijiet fuq l-internet jew inkella ma tismax xi bullettin tal-aħbarijiet li ma jissemmihiex l-imbierek, jew aħjar, il-misħut varjant! Qed ngħid misħut għax il-varjant ġej mill-virus misħut tal-covid-19!

Il-frott qares u mħassar tal-covid-19 hu l-varjanti li hawn jiġru magħna. S’issa l-aktar varjanti komuni huma l-varjant tar-Renju Unit jew il-B 1.1.7; il-varjant tal-Afrika t’Isfel jew il-B 1.351; il-varjant Niġerjan li s’issa mhux identifikat u l-varjant Brażiljan jew il-P.1. Anki jekk il-battalja kontra dan il-misħut virus bdiet mill-ewwel imma xi riċerkaturi, bħal dawk tas-Center for Discovery and Innovation (CDI) tal-Hackensack Meridian Health ta’ New York, sabu mat-800 varjant tal-virus u li s’issa għadhom ma ġewx identifikati. Hu x’inhu l-każ minflok ma noqgħodu nibżgħu ejjew ngħixu ħajjitna normali kemm jista’ ikun basta nieħdu l-prekawzjonijiet kif murija lilna mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Din il-biċċa tal-varjant tgħallimna ħaġa tabilħaqq importanti: bħalma l-virus għandu l-varjanti tiegħu hekk ukoll il-virtù għandha l-varjanti tagħha. Dan kollu jagħmel sens kbir l-għaliex bħalma l-ħażin iġib konsegwenzi negattivi u diżażtrużi hekk ukoll it-tajjeb iġib il-konsegwenzi tajba tiegħu. Dan biżżejjed ikollok xi ħadd dejjem jeqred fil-familja, fuq ix-xogħol jew fil-kunvent. X’saħta iġib fuqu u fuq dawk li jkollhom l-isfortuna li jgħixu u jaħdmu miegħu u magħha. X’ansjetà u mrar jinħolqu bla bżonn! Kemm għandu bżonn li jitlaqqam u titlaqqam ħi!

Minn naħa l-oħra, meta fil-familja, fil-kunvent, fuq il-post tax-xogħol jew f’imkejjen oħra, ikollok persuna li tferraħ, titollera, tifhem li kulħadd għandu ħajtu u ma tindaħal lil ħadd u jekk tgħid kelma tgħidha bi mħabba u ħlewwa kbira u tħalli mbagħad fil-kuxjenza ta’ dak li jkun, kemm iġġib ferħ u barka! Ara dawk li jkunu qed jgħixu u jaħdmu magħha kemm iħossuhom tajjeb! U kemm ikollhom seba’ mitt sena li jirriturnaw id-dar, il-kunvent, jew fil-post tax-xogħol għax se jsibu l-imħabba tistenniehom u mhux l-imrar qerriedi!

Madre Teresa turina l-barka tal-varjant tal-virtù meta tgħid: Il-frott tas-silenzju hu t-talb, il-frott tat-talb hu l-fidi, il-frott tal-fidi hu l-imħabba, il-frott tal-imħabba hu l-qadi u l-frott tal-qadi hu s-sliem. Rajtu l-veru silenzju x’inhu? Hu s-sliem! Għax mimli talb, fidi, imħabba u servizz!

Min għadu mwaħħal fil-varjant tal-ħażen hu, miskin, injorant! Għax qalbu magħluqa! Imma min qiegħed jikber fil-varjant tat-tajjeb qed isir djamant! Għax it-tajjeb jikxef u jillostra d-dinjità tal-Mulej li hemm fina! Kuraġġ ħuti! Ejjew inkunu varjant tat-tajjeb kif jgħidilna San Pawl: Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan (Gal 5:22-23)!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: