Bħalma ħafna jafu, il-Mulej, meta tefagħni naħdem u ngħinu personalment fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, f’ħajti fetaħli tieqa. Iva. Fetaħli mhux is-separju biss imma, u nista’ ngħid liberament, orizzont sħiħ. Orizzont li juri kemm il-ħajja hi sabiħa tassew!
Din il-frażi mhix sempliċiment it-titlu tal-film ta’ Roberto Benigni, La vita è bella, liema film rebaħ fuq li rebaħ għadd ta’ unuri fl-1997. Il-ħajja, bil-kuntrumbajsi, bix-xbieki u biċ-ċmajriet tagħha xorta tibqa’ sabiħa. U, tibqa’ sabiħa, għax ġejja mill-Ħajja, li hu l-Mulej innifsu! Mur iddefinixxih lill-Mulej! Mur għid eżattament x’inhu! Miskin kien dak ix-xjentist li darba ivvinta formula għall-Mulej! Għadni nitħassru sallum! U, ħa ngħidilkom għalfejn b’dak li qal ma kkonvinċinix. Għax meta ħarist lejn wiċċu rajtu tant inkwetat u mimli ansjetà li aqta’ kif dawwart ħarsti n-naħa l-oħra! Qisni rajt ta’ barra minn hawn! L-inkwiet u s-serenità tal-verità ma jmorrux flimkien ħbieb!
Il-ħajja hi sabiħa għax avventura! Għax dejjem ġdida! Għax, fil-kuntrasti tagħha, dejjem toffrilna l-KURAĠĠ li nibqgħu għaddejjin! Iebsa illum min iwassal messaġġ ta’ kuraġġ tafux! Għax malajr jittimbrawk li m’għandekx saqajk fl-art. Li qed tgħix fl-arja. Li ma tħossx għall-oħrajn. Li ma jinteressakx minn ħaddieħor. Is-sabiħa hi li min jikkritika lil min jagħti kuraġġ kieku qatt taralu tbissima fuq fommu! Kieku qatt minn dak il-fomm joħroġ kliem li l-ħajja jdomm! U mela le! Kemm u kemm bil-maqlub! Minn dak il-fomm joħorġu kliem li lill-ħajja iżomm! Biex ma ngħidx ukoll, lil ħajja jagħti bil-ponn! U mela sieħbi, jekk minn fommok joħroġ biss l-imbarazz kif qatt nista’ nemmnek? Kif qatt nista’ nieħu gost fil-kumpanija tiegħek?
Din sieħeb uħud li, minn filgħodu sa filgħaxija, ħlief il-kelma ĦEQQ! ma toħroġx minn fommhom. Imbagħad, meta ssir tafhom sewwa x’tinduna? Li fihom, imsieken, hemm Narċisju tan-narċisji! Li tagħhom BISS tajjeb! Li huma l-vanġelu ta’ kif l-affarijiet għandhom ikunu! Li jekk ħaġa ma tiġix kif iridu huma arahom jaqgħu fis-sarkażmu! U dawn huma l-ispirti-kankru li għandna jduru fil-familji, fil-postijiet tax-xogħol, fil-kunventi u fejn ngħixu u naħdmu! Dawn huma spirti-kankru għax jikkankraw lil dawn l-aħwa li jagħmlulhom it-tapit l-aħmar ħa jibqgħu jinvaduhom aktar milli qed jinvaduhom u bihom fihom jikkankraw lil min qed jipprova jħalli lill-Ispirtu tal-Mulej jużah u jużaha biex bih u biha jġib differenza! Ejjew mela niggwerraw lill-ispirti-kankru tal-ĦEQQ! Xi dwejjaq ta’ spirti! Xi dwejjaq ta’ nies! X’saħta ta’ spirti! U x’saħta qed iġorru fihom dawn in-nies! Intant! …
Imma s-sabiħa hi li għal din il-miżbla hawn soluzzjoni. Qed ngħid miżbla għax hawn min jagħmel qorti fuq xi post mhux eżatt, u kif jidhirlu hu li għandu jkun. Imbagħad ħalli jkollu fih l-ispirtu-kankru tal-ĦEQQ! Dak l-ispirtu ħażin li dejjem igerger minn filgħodu sa’ filgħaxija. In-nies tal-Ħeqq! jafu jkunu dittaturi mill-kbar nett għax kollox iridu f’idejhom u minn taħt idejhom ma jridu jħallu xejn li hu xejn! Għalhekk, nippreferi bil-qabda djar, postijiet tax-xogħol, kmamar, kunventi u għid li trid, li huma bil-karti milli postijiet, djar, kunventi, kmamar u x’ma nafx x’aktar u mgħammra minn spirti-kankri tal-ĦEQQ li jinfestaw lil xi nies! Kemm jaħasra bit-tgergir, bil-botti, bil-pessimiżmu, bil-lanżit, bil-vjolenza, bl-aggressività u b’kull manipulazzjoni psikoloġika u spiritwali qed iżibblu l-postijiet fejn qed noqgħodu! Min hu l-veru miżbla? Inħallikom taslu intom għall-konklużjoni. U l-miżbla qed inkun jien li qed inħalli lill-ispirtu-kankru tat-tgergir, tas-sarkażmu, tal-poter u tal-ħakma li qed jaħkem fuqi!
Quddiem din is-sitwazzjoni tal-biki u li qed titlob li tiġi ndirizzata minnufih, jidħlu l-qaddisin. X’taqbad tgħidilha din is-sitwazzjoni iddominata mill-ħażen u l-poter imxajtan tal-ispirtu-kankru li ma jafx jgħid ħlief ĦEQQ!? Xi ħadd edukat jgħidlek: ambjent mhux sbuħija. Imma jien, u miegħi naf li hawn ruxxmata, jkellmuk għala Maltija: ŻIBEL! Għax, spirtu bħal dan, iġib kruha u ntiena mill-kbar nett għax jherri l-qlub u joqtol kull inizjattiva! Mela, jekk qed nikkumbattu l-poter, l-abbuż u l-bqija fuq dan irridu nixtħu l-attenzjoni tagħna. Lil dan l-ispirtu rridu nagħmlu gwerra li ma tieqaf qatt! U fuq dan iva rridu nsibu kull mezz possibbli biex neqirduh minn fostna!
Jolqotni kumment li jagħmlu dawk li jistqarru li ma jemmnux meta jgħidu li għandha tkun il-POŻITTIVITÀ li għandha tiċċirkula fostna. Personalment, għalkemm mhux dejjem naqbel ma’ dawn it-tip ta’ nies, imma lili dawn l-aħwa jagħmluli ħafna kuraġġ fil-ħajja tiegħi! Ma tantx insib minnhom li jkunu aggressivi, irrabjati u, iva, indannati. Ara mbagħad meta niltaqa’ ma’ dawk li jgħidu li jemmnu. U jgħidu li huma ‘reliġjużi’, imma mhux bilfors spiritwali, f’dawn kemm insib aktar rabja, frustrazzjoni u l-ispirtu ħażin tal-ĦEQQ! Allura min hu veru?
Il-veru qiegħed li, ilkoll kemm aħna, fil-ħajja għandna bżonn ta’ mudelli. Jiġifieri ta’ nies li nħarsu lejhom għax jispirawna. Jiena għandi persuni li nħares lejhom għax jispirawni. Sintendi, min f’ħaġa u min f’oħra. U, tajjeb ngħidu, li l-ebda persuna ma teċċella f’kollox. Għalhekk il-għaref Franġisku kien qal li l-Patri perfett hu t-tajjeb ta’ Patri A, it-tajjeb ta’ Patri B u nibqgħu sejrin … maqgħud flimkien! Mela ħadd mhu indispensabbli imma kulħadd importanti!
U l-qaddisin x’inhuma ħbieb jekk mhux il-mediċina kontra l-ispirtu-kankru tal-ĦEQQ!? Għax, il-qaddisin, jgħallmuna li l-Mulej tagħna ilkoll! U, tagħna, li ninfetħu għalih! Tagħna li nersqu lejH! Tagħna li nħalluh jaħdem fina, bina u li jġibna familja waħda! U, ħaġa oħra importanti daqs l-ewwel waħda, li jekk nimxu id f’id miegħu se nimxu issa u fil-futur fis-sod! Mela, f’dan Alla, it-tagħna ilkoll u l-issa u l-futur fis-sod imorru id f’id! Xi ġmiel hux kemm il-Mulej iġib l-għaqda bejn is-sħana u l-kesħa, it-tramuntana u n-nofsinnhar, il-lvant u l-punent, l-iswed u l-abjad, iż-żgħir u l-kbir!
U, il-qaddisin, huma r-rappreżentanti ta’ ħidmet il-Mulej fihom u bihom! Kellhom problemi l-qaddisin? Belgħu kanen? Għaddew mill-forġa tan-nar? Telgħeltilhom il-pressjoni? Ħassewhom ittraduti? Keċċewhom lil hemm? Qalgħu fuq rashom? Qalu kontrihom? Ikkalunjawhom? Bgħaduhom? Rawhom qishom xjaten? Ġieli ma fdawhomx? Agħmlu t-tajjeb u swielhom il-ħażin? Iġġieldu mal-ħażen ta’ ġo fihom u ta’ madwarhom? Ġieli qabżitilhom? U, kien hemm drabi fejn żbaljaw? Fejn ħaduha għal geddumhom? Jew inkella ħabtu subgħajhom il-kbir ma’ xi tavolina?
Jekk wieħed jaqra l-istejjer ta’ ħajjithom mill-ewwel jintebaħ minn xiex għaddew dawn ħutna. Kemm jiem u iljieli ġieli għaddewhom jibku, jolfqu u jaqsmu qalbhom. Imma, il-qaddisin kellhom waħda: INTEBĦU LI L-ĠLIEDA MHUX QED JAGĦMLUHA WAĦEDHOM! Il-qaddisin, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, indunaw li anki lil Dak li lilu taw ħajjithom, anki Hu għadda minn xiex qed jgħaddu huma qabilhom. Għalhekk ħarsu lejH! Warajh imxew! U lilu biss semgħu! U jekk taw każ ta’ xi kelma li ħaddieħor qalilhom dan l-għaliex, f’dik il-persuna, raw u semgħu l-istess leħen tiegħu. Għalhekk, il-qaddisin huma ħbiebU! Ħbieb Ġesù!
Mela, min jgħidilna li jmur għand Ġesù biss u qishom il-qaddisin ma jeżiżtux, qed jgħid nofs verità. Għax il-qaddisin mhux bħalna ħbieb! Aħna, fil-ħajja, għax bnedmin, ħbiberija mhux dejjem nonorawha sal-qiegħ nett. Dejjem insibu fina elementi fejn inkunu nqasna lill-persuna li ngħidu li aħna ħbieb tagħha. Bħalma dik il-persuna tista’ tonqos ukoll lilna. Xi naqra għira mhux ilkoll għandna?
Imma l-qaddisin, għax issa qegħdin fil-glorja ta’ dejjem, u l-kukkudrill tal-infern ma jistax imissilhom jew itebbagħlhom l-innoċenza qaddisa tagħhom, meta nitolbuhom għand Ġesù dritt se joħduna! U, meta nsejħulhom għall-għajnuna, lilU se jippreżentawlna! Għax l-eżempji qaddisa ta’ ħajjithom kelma waħda jgħajtu: ĠESÙ!
Għalhekk, nagħmlu tajjeb li naqraw ħajjithom, naraw xi film fuqhom fuq YOU TUBE. U, la ġie id-diskors fuq dan, għax ma tarawx waħda l-film: Restless heart, fuq Santu Wistin? Dak il-ħajja kien jafha tajjeb ħbieb! Għamel naqra experience tajba tal-ħajja! Imma għalhekk ta’ min jarah il-film tiegħu! Għax bniedem ta’ veru! Għadda minn ħafna affarijiet! Saqajh altru li kienu mal-art! Għalkemm ma kienux imxappa bil-kolla u minfuda bl-imsiemer biex jibqa’ imwaħħal hawn lanqas.
Il-qaddisin huma xbieha sabiħa tas-sbuħija tal-Mulej. Dik is-sbuħija li tiġbidna, taffaxxinana, tispirana u tmexxina fil-ħajja. Ħa nkun sabiħ u sabiħa billi nħalli lis-SABIĦ jagħmilni bħalu, qaddis u qaddisa! Ejjew nitolbu lill-qaddisin, speċjalment fil-preżenza tar-relikwi tagħhom, biex jitolbu għalina ħalli nkunu sbieħ! Jiġifieri qaddisa! Bħalhom!
Patri Mario Attard OFM Cap