A V V I Ż
Meta nisimgħu l‑kelma orfanatrofju, mill‑ewwel nassoċjawha ma’ dar kbira jew istitut immexxi mis‑sorijiet li jilqa’ fih tfal orfni – jiġifieri bla ġenituri. Iżda f’orfanatrofju mhux dejjem issib biss tfal orfni, imma wkoll trabi, tfal u żgħażagħ miċħudin u abbandunati mill‑ġenituri tagħhom stess għal diversi raġunijiet, bħal nuqqas ta’ flus, diżabilità u superstizzjonijiet.
Matul ix-xahar ta’ Marzu tista’ tkompli taqra aktar dwar dan fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’wieħed mill-artikli niltaqgħu mal-Ġiżwita Martin Schmid SJ li fis-Seklu 18 kien missjunarju u organista qalb iċ-Chiquitos fil-Bolivja. Artiklu ieħor ilaqqagħna ma’ Amritaa, tifla Indjana li tixtieq issib persuna jew familja li tissponsorja l-edukazzjoni tagħha għaliex il-familja tagħha ma taffordjax li tkompli tħalsilha għall-iskola.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt . Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.