L-istorja tirrepeti ruħha

Print Friendly, PDF & Email

Kien hemm suspett f’kamra. Inkella fi stabbiliment tal-ikel. Jew anki f’xi dar. Agħlaq! Tidħolx! Idiżinfetta! Hemm l-għadu jiġri hemm ġew!

Din hi s-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu illum. Sitwazzjoni li taqgħtek minn ġewwa. U li timliek bil-biża. Għax ħadd ma jieħu gost li jiġi mfettat b’mikrobu li ma tarahx iżda li kapaċi, jekk ma tilqagħlux minn qabel, jitfgħek il-qabar f’qasir il-għomor jew ikun iċ-ċirasa fuq il-kejk wara xebgħa mard ieħor.

Dan li qed ngħid mhux ħrafa. L-istatistiċi, kemm nazzjonali u internazzjonali, jitkellmu waħedhom. Ħadd ma jista’ imerrihom. U, din l-esperjenza, lili tgħallimni ħaġa waħda: kemm jgħid sewwa l-qawl Malti m’hemm xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx! Dak li seħħ fl-imgħoddi għadu qed iseħħ illum ukoll. Għax l-istorja tirrepeti ruħha.

Ma nistax f’dawn iż-żminijiet ta’ tħejjija għall-festa tal-Għid ma niftakarx f’dawk il-films tassew sbieħ li naraw biex jgħinuna fil-mixja ta’ konverżjoni li qed nagħmlu fir-Randan. Wieħed minnhom hu Ben Hur. Hawn minna min ma jiftakarx ix-xena meta l-għassies tal-ħabs daħal fiċ-ċella fejn kellu lil ommu u lil oħtu bħala priġunieri u sabhom bil-ġdiem? Kif tbiddel wiċċu u wiċċ iċ-ċenturjun hekk kif daħlu fiċ-ċella! Mhux il-pressjoni niżlitilhom! Għax, f’dawk iż-żminijiet, min kien ikollu l-ġdiem kien ifisser li hu għall-mewt. Għax, fejqan għalih ma kienx hemm. L-uniku rimedju li kien hemm kien li jaħarqu ċ-ċella u lil dawk li kellhom il-ġdiem kienu jitfugħhom xi mkien ‘il bogħod ‘il bogħod mill-belt. ‘Il bogħod minn nies kemm jista’ ikun. U, f’każ li jarahom xi ħadd f’dak ‘il bogħod kollu, kellhom jgħajtu b’ħanġra daqshiex:  Aħna mġiddmin!

Iż-żmien għadda u l-mard kompla jattakka lill-umanità. Issa għandna fostna l-covid-19. F’ħafna mir-ritwali tagħha tixbaħ lir-ritwali tal-marda tal-ġdiem. Min jieħu l-virus irid jiżola ruħu. U jrid isir magħruf li għandu l-virus biex ħadd ma jfettillu joqgħod ħdejh biex ma jitteħidx. Il-post fejn ikun jiġi maħsul u iddiżinfettat sewwa biex il-virus ma joktorx. Hi verità li min għandu jew kellu l-virus mhux imġiddem. Madankollu hi verità ukoll li jħoss l-effetti li kienu jħossu l-imġiddmin ta’ qabel. L-iżolament hu wieħed minnhom. Anki jekk illum hawn il-mezzi tal-kommunikazzjoni li jgħinu mhux ftit xorta wieħed iħossu maqtugħ.

Nitolbu għalihom lil ħutna Maltin u Għawdxin li ħallewna bil-covid-19. Nitolbu għall-familji tagħhom biex il-Mulej isabbarhom. Kull persuna hi mportanti. F’intervista li kien għamel il-Papa Franġisku mal-ġurnal Taljan La Stampa, qal hekk: Il-Covid-19 tgħallimna li aħna familja umana waħda. Ejjew nuru l-imħabba u l-għożża għal xulxin billi nieħdu ħsieb xulxin!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: