Tagħti ħajtek għal Ġesù? Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 30 ta’ Marzu 2021: Omelija tal-Quddiesa tat-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illum u għada l-Evanġelju jfakkarna fil-qalb maqsuma ta’ Ġesù, nisimgħu dwar it-tradiment ta’ Ġuda għaċ-ċaħda ta’ Pietru. Faċli nippuntaw subgħajna lejn dawn iż-żewġ appostli. Wieħed ittradieh u l-ieħor ċaħdu. L-oħrajn — barra d-dixxiplu l-maħbub li huwa wkoll protagonista fl-Evanġelju tal-lum — jaħarbu u jħalluh waħdu.

M’hemmx ħafna x’tagħżel! F’dawn iż-żewġ personaġġi naraw ukoll lilna nfusna. Tajjeb li llum u għada naħsbu ftit f’kemm-il darba lill-Mulej abbandunajnieh, ċħadnieh, u konna tradituri tiegħu.

Ġesù wkoll jitkellem fuq il-glorifikazzjoni tiegħu b’mod ċar. “Bin il-Bniedem huwa gglorifikat issa” (Ġw 13:31). Għaliex? Għaliex bit-tradiment ta’ Ġuda — li joħroġ ’il barra biex jagħmel dak li kellu f’moħħu jagħmel — tibda l-passjoni tal-Mulej. Il-passjoni tal-Mulej tibda bit-tradiment, tibda minn dan il-ġest ta’ intimità li Ġesù jagħti fil-ħobż miblul lil Ġuda u dan jaħrab, jitlaq. Joħroġ ’il barra. Ejjew nimmaġinaw il-qalb ta’ Ġesù li fl-Evanġelju li smajna llum proprju titfixkel. Waqt li kien fuq il-mejda mad-dixxipli tiegħu “Ġesù ħass ruħu jitħawwad”. Dak il-ħin kien għaddej minn sofferenza kbira u jgħidlhom bil-miftuħ: “Tassew, tassew ngħidilkom wieħed minnkom se jittradini” (Ġw 13:21).

Hu u jaħsel saqajn Ġuda, ta’ Xmun l-Iskarjota, Ġesù kien jaf, jaf imma jagħmilha ta’ qaddej ma’ dan l-appostlu, wieħed mit-tnax. Kif jagħmel ukoll ma’ Pietru li ma jridx li jaħsillu saqajh imma jgħidlu: “ ‘Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi’. Qallu Xmun Pietru: ‘Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll.’ ” (Ġw 13:8-9). Pietru jixtieq ikun ma’ Ġesù bħalma nixtiequ nkunu aħna. Ma nafx jekk lil Ġesù aħniex kapaċi ngħidulu bħal Pietru: “Għalik jiena nagħti ħajti!”. Lesti ngħiduhielu din lil Ġesù? Forsi jekk ngħiduhielu Ġesù jgħid min jaf kemm għad tinkwetani u kemm għad terġa’ lura fuq din il-kelma.

Aħna s-saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka se nġeddu l-wegħdiet saċerdotali tagħna. Meta nkunu quddiemu min jaf kif iħares lejna Ġesù, ibda mill-isqof. Imma l-kelma tiegħu tkun ukoll għalina il-kelma lil qal lil Pietru: Għalissa ħu ftit paċenzja u jien nieħu iżjed paċenzja bik, “imma tiġi warajja aktar tard” (Ġw 13:36).

Fil-fatt, Pietru jispiċċa biex jagħti ħajtu għal Ġesù. Hu jirrifjuta li jissallab bħall-Mulej imma jissallab b’mod differenti għax ma jistħoqqlux jissallab bħall-Mulej. Dik kienet il-kundanna ta’ Neruni għalih fil-ġonna Vatikani fejn Neruni kellu Ċirku żgħir għal-logħob. Lil San Pietru jsalbuh hemmhekk fejn imbagħad difnuh u llum għandna l-Bażilika ta’ San Pietru. Ta ħajtu għal Ġesù imma f’dan il-mument naraw id-dgħufija ta’ dan ir-raġel li ssaħħar wara Ġesù, li ħabbu imma kien dgħajjef.

Illum l-Evanġelju  jaffaċċjana bid-dgħufija tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna. F’dawn il-ġranet qaddisa tal-Ġimgħa Mqaddsa hemm bżonn nersqu lejn Ġesù, inkunu qrib tiegħu, nitobuh maħfra u l-għajnuna. Mhux il-mument li ngaraw il-ġebel lil xulxin. “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). Huwa l-mument li aħna lkoll ngħidulu: Inti gglorifikat fil-passjoni tiegħek, fil-qawmien tiegħek mill-imwiet, ħenn għalina u aħna nieħdu r-ruħ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 49:1-6
Salm: 70 (71), 1-2.3-4a.5-6ab.15 u 17
Evanġelju: Ġw 13:21-33,36-38

Sors: www.knisja.mt