Ordinazzjoni ta’ żewġ presbiteri

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ April 2021, fis-6.00pm, fir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, se jmexxi l- Ordinazzjoni Presbiterali ta’

  • ANDREW GRIMA (mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz), u
  • FRA ETIENNE GILSON, Franġiskan Konventwal (minn Birkirkara).

Minħabba ċ-ċirkustanzi attwali, din iċ-ċelebrazzjoni sa tkun limitata biss għal dawk li jirċievu stedina, u għalhekk il-pubbliku hu mħeġġeġ isegwiha minn fuq il-mezzi tax-xandir: l- istazzjon televiżiv Xejk, il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese, u Radju Marija (102.3 FM).

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm ukoll Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 29 ta’ April, fit- 8.00pm, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

Imbagħad, mill-10.00pm tal-Ħamis sas-7.00am tal-Ġimgħa, il-Kappella tas-Seminarju tal- Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria, tkun miftuħa għal lejl adorazzjoni b’talb għall-ordinandi.

Profili tal-Ordinandi

Id-Djaknu Andrew Grima hu minn San Lawrenz u twieled fit-12 ta’ Jannar 1994, fejn ġie mgħammed fil-Knisja parrokkjali tar-raħal. Irċieva l-edukazzjoni primarja fl-Iskola Dun Salv Portelli, San Lawrenz, u l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċew Ninu Cremona, il-Belt Victoria.

Wara s-sentejn fl-Istitut Postsekondarju Sir M.A. Refalo, f’Ġunju 2012 talab biex jidħol is-Seminarju, fejn għamel is-Sena Propedewtika tiegħu flimkien ma’ sħabu, u wara beda l-kors tal-formazzjoni għas-saċerdozju f’Settembru 2013. Is-Sena Intermedjarja għamilha fil-Parroċċa tas-SS. Sacramento a Tor de’ Schiavi, Ruma. Lura Għawdex, f’Settembru 2017, kompla l-kors tiegħu fis-Seminarju.

Irċieva l-ministeru ta’ Lettur minn idejn l-Isqof Mario Grech fl-4 ta’ Marzu 2018, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Fis-17 ta’ Novembru 2019 ġie istitwit bħala Akkoltu, fil-Knisja parrokkjali tiegħu ta’ San Lawrenz.

Tul il-formazzjoni tiegħu, Andrew għamel esperjenzi pastorali fil-Parroċċi tax-Xagħra, in-Nadur, Għajnsielem, u San Ġorġ, il-Belt Victoria. Preżentement qiegħed jagħmel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ Santa Luċija f’Ruma, filwaqt li qiegħed ikompli l-istudji tiegħu fl-istess belt, fl-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino (Angelicum).

Ġie ordnat djaknu mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fid-19 ta’ Ġunju 2020, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

***

Id-Djaknu Fra Etienne Gilson ofmconv twieled fl-4 ta’ Novembru 1984, f’Birkirkara. Attenda fl-Iskola Primarja St Francis, l-Imsida, u wara fl-Iskola Sekondarja Vincenzo Bugeja, Santa Venera. Fl-2000 għamel l-istudji superjuri tiegħu fil-Higher Secondary, in-Naxxar.

Fl-2001 beda l-mixja reliġjuża tiegħu fi ħdan l-Ordni Franġiskan Konventwal fejn daħal fil-Kunvent ta’ Birkirkara bħala postulant. Fl-2004 beda s-sena tal-prova msejħa s-sena tan-Novizzjat f’Osimo, l-Italja. Fl-2005 ipprofessa l-Voti Temporanji fi ħdan l-Ordni Koventwal u kompla l-mixja tiegħu ta’ formazzjoni f’Assisi sal-2009. Fil-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena ħa l-Voti Perpetwi fil-Knisja ta’ San Franġisk, Birkirkara.

Il-Provinċjal talab lil Fra Etienne biex l-ewwel esperjenza tiegħu lura Malta tkun fil-Parroċċa tal-Qawra, Buġibba, fejn kellu fir-responsabbiltà tiegħu diversi gruppi, fost l-oħrajn ta’ katekist. Wara sentejn, fl-2011 hu ġie mitlub mill-Provinċjal biex jagħmel parti mill-Komunità ta’ Birkirkara, fejn dam sal-2015. Wara, ġie mitlub jagħmel parti mill-Komunità tal-Belt Victoria, Għawdex, fejn ilu għal dawn l-aħħar ħames snin, u jagħti servizz ukoll fejn mitlub, fost l-oħrajn bħala katekista fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ.

Matul dawn is-snin hu kompla jħoss is-sejħa biex jagħmel pass ieħor fil-vokazzjoni tiegħu, għalhekk beda jirċievi l-edukazzjoni akkademika meħtieġa għall-ministeru saċerdotali, fis-Seminarju Djoċesan ta’ Għawdex.

Ġie ordnat djaknu mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fid-19 ta’ Ġunju 2020, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

Leave a Reply