Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II f’Altötting

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIR-REPUBBLIKA FEDERALI TEDESKA. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Altötting, 18 ta’ Novembru 1980

Għeżież ħuti fi Kristu!

1. Fil-pellegrinaġġ għal għonq il-pajjiż tagħkom qegħdin insibu ruħna flimkien f’dar il-Mulej, f’dan is-santwarju, b’mod speċjali biex niltaqgħu ma’ Marija, il-Madonna tagħna. F’din il-laqgħa qegħdin tieħdu sehem b’mod speċjali intom, reverendi ħuti, li bħala membri tal-ordnijiet reliġjużi, tal-istituti sekolari u ta’ komunitajiet oħra, għandkom vokazzjonijiet partikolari. Tistgħu tgħidu dwarkom li minħabba l-konsagrazzjoni totali tagħkom “ħajjitkom hija moħbija ma’ Kristu f’Alla” (Kol 3,3).

Magħkom niġi pellegrin fil-Gnadenkapelle ta’ Altötting. Ingawdi magħkom mill-preżenza tas-sinjur Kardinal Joseph Ratzinger, Arċisqof ta’ Munich u Frisinga, tal-ordinarju tad-dijoċesi ta’ Passau u ta’ numerużi pellegrini, saċerdoti u lajċi mill-Bavarja u mill-istati tal-qrib, miġburin hawn għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ta’ filgħaxija. “Grazzi” mill-qalb għall-miġja tagħkom! Kunu rringrazzjati għat-talb u s-sagrifiċċji siekta u l-biċċa l-kbira moħbija, li bihom tħejjejtu  spiritwalment għal ġimgħat għal din il-laqgħa! Kunu rringrazzjati għall-fedeltà inkoraġġjanti murija fit-tislima tagħkom lis-suċċessur ta’ Pietru. Tali attakkament ta’ mħabba jġegħelni nħossni magħkom bħal donni f’dari, illum, meta ġo Ruma tiġi ċċelebrata d-dedikazzjoni tal-bażilki tal-qaddisin Pietru u Pawlu.

Ippermettuli li nqabbel ż-żjara komuni tagħna f’Altötting ma’ dik magħmula minn Marija lil Żakkarija u lil Eliżabetta. Jien fiduċjuż li din iż-żjara tagħna se tkun għanja bil-frott, jekk infittxu li nagħmluha bħal ma għamlitha Marija. Irridu mela nħallu li fiha niġu ggwidati kemm hu possibbli mid-dawl u mill-kliem mismugħ f’din il-liturġija.

2. Marija tidħol f’dar qrabatha, issellem lil Eliżabetta u tismà mingħandha l-kliem tat-tislima. Dan il-kliem huwa familjari ħafna. Intennuh drabi bla numru, b’mod speċjali meta nimmeditaw il-misteri tar-rużarju: “Imbierka inti fost in-nisa u nbierek il-frott ta’ ġufek!” (Lq 1,42).

B’dan il-mod mart Żakkarija ssellem lil Marija. Hija tesprimi b’dan il-mod l-ewwel tifħira tal-bejatitudni, li l-eku tagħha jidwi fl-istorja tal-Knisja u tal-umanità, fl-istorja tal-qlub u tal-ħsibijiet umani. Jistà qatt il-bniedem jilħaq destinazzjoni hekk elevata? Jistà hu jkollu qatt esperjenza iktar profonda tiegħu nnifsu? Jistà l-bniedem b’konkwista kwalunkwè tal-esseri tiegħu, bl-intelliġenza tiegħu, il-kobor tal-ispirtu tiegħu jew l-intrapriżi erojċi tiegħu, jiġi elevat għal dinjità ogħla minn dik mogħtija f’dan il-“frott tal-ġuf” ta’ Marija, li fih il-Verb divin, l-iben konsostanzjali tal-Missier, sar bniedem? Tistà l-vastità tal-qalb umana tilqà milja ta’ verità u ta’ mħabba ikbar minn dik li għaliha Alla nnifsu jħejji ruħu biex jirregala lill-bniedem l-uniku Ibnu? L-Iben ta’ Alla jsir bniedem ikkonċeput mill-Ispirtu Santu! Iva, tassew! “Inti mbierka fost in-nisa kollha!”.

Għall-ewwel tifħir ta’ barka, Eliżabetta iżżid ħaġ’oħra: “U beata dik li emmnet fit-twettiq tal-kelma tal-Mulej” (Lq 1,45). Eliżabetta tfaħħar  u tapprezza l-fidi ta’ Marija.

Hija ppenetrat bil-mod l-iktar profond fil-kobor uniku ta’ dak il-waqt li fih il-Verġni ta’ Nażżaret semgħet il-kelma tal-aħbar. Dan il-messaġġ kellu nfatti l-kriterji kollha tal-intenzjoni umana, minkejja t-tradizzjoni elevata tat-Testment il-Qadim. U hawn hi Marija mhux biss semgħet dan il-kliem, mhux biss laqgħetu, imma tat ukoll lilu t-tweġiba xierqa: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni dak li għidtli” (Lq 1,38). Tali tweġiba ħtiġet minn Marija fidi bla kondizzjoni, imma fidi fuq l-eżempju ta’ Abraham u ta’ Mosè, anzi ferm ikbar, Eliżabetta tfaħħar propju din il-fidi.

3. Għeżież ħuti! Fir-rigward tal-misteru tas-sejħa personali ta’ kull wieħed u waħda minnkom nistgħu – bla dubju bil-proporzjonijiet xierqa – b’ċertu mod intennu: “Imbierek int, għaliex emmint”. Il-fidi ta’ Marija irriflettiet ruħha wkoll fikom, meta weġibtu l-“fiat” tagħkom, l-iva tagħkom għall-appell tas-sekwenza ta’ Kristu. Fil-fidi biss tistgħu – bħal ma jum wieħed id-dixxipli ħdejn il-Lag ta’ Ġeneżaret – tagħmlu l-ewwel passi ta’ msejħa mill-Mulej: fil-fidi smajtu fikom il-kelma ta’ dak li sejħilkom; fil-fidi erħejtulha fis-sekwenza tal-Mulej, disposti minn dan il-waqt li tistennew, biss mir-rabta totali miegħu, is-sens u l-fertilità ta’ ħajjitkom. Fil-fidi lejn l-imħabba kostanti ta’ dak li sejħilkom u lejn il-qawwa tal-Ispirtu tiegħu intom poġġejtu ruħkom għad-dispożizzjoni ta’ Alla permezz tal-voti tal-faqar, il-kastità kkonsagrata u l-ubbidjenza; dan mhux għall-“preklużjoni tal-irtirar”, mhux għall-“għeluq għaż-żmien”, mhux bħala kollaborazzjoni fi grupp, li jiltaqà biex iwettaq dmir u mbagħad jiġi xolt liberament mill-ġdid. Le, intom ippronunzjajtu darba għal dejjem l-iva tagħkom, li ssib l-espressjoni tagħha fil-forma tal-ħajja tagħkom, sal-libsa reliġjuża. Fi żmienna, li fih m’għandniex il-kuraġġ li nassumu mpenn definittiv u bosta jippreferu jmorru għal “ħajja bi prova”, imiss lilkom tixhdu li tistgħu jkollkom il-kuraġġ li tassumu mpenn definittiv, deċiżjoni għal Alla li jħaddan il-ħajja kollha; u li hi tirrendikom liberi u kuntenti, meta tiġi mġedda jum wara l-ieħor. L-iva tagħkom ppronunzjata minn snin ilu jew għaxriet ta’ snin, għandha tkun dejjem mill-ġdid ikkonfermata lill-Mulej. Ladarba hemm bżonn li nisilfu kuljum smigħ għall-misteru ta’ Alla dejjem ikbar, nimmiraw kuljum għall-imħabba msallba u li tissallab tiegħu. Ħuwa biss jistà jippriserva fikom id-don tal-vokazzjoni. Huwa biss jistà bl-ispirtu tiegħu jirbaħ id-dgħufijiet ippruvati dejjem mill-ġdid.

Ukoll l-iva ta’ Marija, espressa f’deċiżjoni unika, kellha tkun dejjem miżmuma mill-ġdid, sa ma sabet ruħha taħt is-salib, fejn hi offriet lil Binha u saret ommna. Dak, li laqà l-iva ta’ Marija bħala titlu ta’ kollaborazzjoni tar-redenzjoni, ried jippretendi wkoll l-iva tagħkom. Intom esprimajtuha! Esprimuha mill-ġdid, minn jum għal jum! Allura tgħodd ukoll għalikom: “Imbierka dik li emmnet”.

4.Il-fidi tittrasforma l-istat reliġjuż f’sinjal partikolari tas-saltna ta’ Alla li ġejja. Kristu jitkellem dwar din is-saltna f’konnessjoni mal-qawmien mill-imwiet tal-mejtin: “Fil-qawmien mill-imwiet la nieħdu mara u linqas raġel” (Mt 22,30). Fil-quddiesa li niċċelebraw illum ad unur tal-Madonna tagħna ta’ Altötting, dan il-misteru huwa espress fl-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin: “Meta mbagħad dan il-ġisem korruttibbli ikun imlibbes  bl-inkorruttibiltà, u  dan il-ġisem mortali bl-immortalità, titwettaq il-kelma tal-Iskrittura: “Il-mewt ġiet miblugħa fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek? In-niggieża tal-mewt hija d-dnub u l-qawwa tad-dnub hija l-liġi”. Niżżu ħajr lil Alla li jagħtina r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu” (1Kor 15,54-57).

Dan il-kliem inċisiv tal-Appostlu tal-ġnus inqara llum adunur ta’ Marija, Hija hi infatti parteċipi pjenament fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. L-istess kliem jindirizza l-Appostlu wkoll lilkom, għeżież ħuti, għaliex bl-iva kbira ta’ ħajjitkom għażiltu l-verġinità kkonsagrata “għas-saltna tas-smewwiet” (Mt 19,12)!

I-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, li rrinunzjajtu għall-paternità u l-maternità terrena, tistà tkun dejjem imfawra bit-teżor inestimabbli tal-maternità u l-paternità spiritwali, li tagħha tant fost ħutkom għandhom bżonn urġenti ħafna! Intom tafu, b’mod profond ħafna, tikkuraw, tgħinu, tibnu, tiggwidaw u tikkunslaw, dan jixhduh speċjalment il-bosta ittri, spiss kommoventi, li bihom titolbu lill-Papa biex ma jippermettix li jirtiraw sorijiet, patrijiet jew fratelli minn xi kenn tat-tfal żgħar, minn xi skola, minn xi dar tal-mistrieħ għall-anzjani, minn xi sptar, minn xi ċentru soċjali jew minn xi parroċċa.

Għaliex jiġi tant apprezzat is-servizz tagħkom? Mhux biss minħabba l-eliġibiltà speċifika tagħkom, mhux biss għaliex intom minħabba l-għażla ta’ ħajja tagħkom tistgħu tatu iktar ħin; imma f’allinjament komplet għaliex il-bnedmin jintebħu li permezz tagħkom jopera xi ħadd ieħor. Infatti fil-qies li fih tgħixu d-dedikazzjoni sħiħa tagħkom, tipparteċipaw ftit minnu; u hu jippretendi fl-aħħar il-qalb umana.

Ħobbuh f’dawk kollha li jiġu afdati għall-attenzjoni tagħkom, għat-talb tagħkom ta interċessjoni, għas-sagrifiċċju moħbi tagħkom. Servuh “fil-morda u l-anzjani, fl-handikappati u l-imċaħħda, li ħadd ma jagħti kashom…, fit-tfal, fiż-żgħażagħ, fl-iskola, fil-katekeżi u fil-kura tal-erwieħ. Servuh fid-diversi ministeri, kif ukoll fit-twettiq tad-dmirijiet li jesiġu formazzjoni speċjalizzata mill-iktar għolja” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad Religiosas ante Jasnagorense Monasterium, 6, die 5 iun. 1979: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II [1979] 1428). Għalhekk bosta mill-komunitajiet tagħkom iħallu art twelidhom, biex iservu b’dedikazzjoni nstankabbli fil-knejjes żgħażagħ is-saltna ta’ Alla. Fittxu sibu lilu kulfejn bħal ma tgħid l-Għanja tal-Għanjiet: “…sibt il-maħbub ta’ qalbi” ( 3,4). Din il-milja ta’ ħajja – sabiex issibuh f’kollox u kollox fih – huwa fl-istess ħin l-aħjar inkuraġġiment għaż-żgħażagħ insara biex jilqgħu fil-Knisja s-sejħa ta’ Ġesu, ukoll is-sejħa għall-istat tal-pariri evanġeliċi. Fikom jistà lilhom jidher b’mod ċar li min jirregala lilu nnifsu sab is-sens tal-ħajja (cf. Mk 8,35).

Marija, li għandha ġejna f’pellegrinaġġ f’Altötting, iġġorr fiha l-karattri ta’ dik il-mara li tiddeskrivilna r-rivelazzjoni misterjuża: “Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u fuq rasha kuruna bi tnax-il kewkba” (Ap 12,1). Din il-mara li fil-bidu tal-istorja tal-ħolqien u tar-rivelazzjoni, tikkorrispondi b’mod evidenti ma’ dik li, kif naqraw fl-ewwel paġni tal-Bibbja, “se tgħaffeġ ras is-serpent” (cf. Ġen 3,15).

Fost dawn il-wegħdiet inizjali u t-tmiem apokalittiku propju Marija welldet Iben “li se jiggverna n-nazzjonijiet kollha b’xettru tal-ħadid” (Ap 12,5).

Għarqubu kien dak mhedded minn l-“ewwel” serpent. U huwa wkoll dak li jissielet mad-dragun apokalittiku, għaliex Marija bħala Omm il-Mulej hija mudell tal-Knisja, li wkoll insejħulha omm (cf. Lumen Gentium, 68).

Għeżież ħuti! Intom imsejħin biex tieħdu sehem b’mod speċjali f’din it-taqbida spiritwali!

Intom imsejħa għal din il-ġlieda kostanti, li ommna l-Knisja trid tiffaċċja u li lilha tiffiguraha bħax-xbiha tal-mara, omm il-Messija. Intom, li ssibu ċ-ċentru tal-vokazzjoni tagħkom fl-adorazzjoni ta’ Alla qaddis, intom ukoll esposti parikolarment għall-attakk tal-qarrieq, kif inhu evidenti b’mod eżemplari fit-tentazzjonijiet tal-Mulej. Feroċi l-ġlieda bejn il-Verb ta’ Alla u l-kelma tal-qarrieq. Bejn l-“għid lil dan il-ġebel isir ħobż” u il-“mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem”(Mt 4,3ss) Alla ried li aħna nissuġġettaw l-art, waqt li nipperfezzjonaw lilha u lilna nfusna. It-tentazzjoni tal-qarrieq trid li niffiguraw lilha u lilna nfusna; li x-xogħol ijassarna u l-ħin liberu jivvizzjana; li nissagrifikaw lilna nfusna għall-ġid estern tagħna u li internament niddejqu; li naduraw darna, waqt li oħrajn huma nieqsa; li nimmiraw biex ikollna u ninsew x’aħna; li l-ġid possedut isir l-“alla” tagħna (cf. Fil 3,19). Waqt li timmeditaw il-ġlieda ntima għall-ispirtu tal-faqar u l-viżibiltà sinifikattiva ta’ dan il-faqar, intom għeżież ħuti, għinu lill-membri kollha tal-Knisja u l-umanità kollha biex jiddominaw din id-dinja, biex jippossiedu l-ħwejjeġ b’mod li ma jippossedux lilna, biex ma jagħmlux mid-divertiment il-kontenut tal-ħajja.

“Inxteħet għal isfel”, igħid it-tieni darba t-tentatur lil Ġesù (cf. Mt 4,6)Inxteħet fl-avventura; issogra wettaq il-qabża fis-saltna tal-ħolm, hekk jissuġġerilna llum; iskru fl-abbundanza tul din il-ħajja, fil-ferneżija tal-veloċità, fis-sakra tas-senswalità, fis-sakra tad-delużjonijiet u tal-brutalitajiet. Alla tana qalb għal esperjenza vitali u għal bosta ħwejjeġ li jistgħu jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tagħna imma qabel kollox lis-sieħeb tagħna. Mingħajru kollox huwa ftit wisq. Jew infittxu fih l-feliċità tagħna jew ma nilħquha qatt, imbuttati mill-kaċċa għall-feliċità, ta’ delużjoni f’delużjoni, sal-għatx u d-diżgust. Permezz taċ-ċaħda tagħkom għaż-żwieġ u l-attenzjoni partikolari tal-ftuħ għall-imħabba ta’ Alla, għeżież ħuti, għinu lill-Knisja kollha biex tirregala lilha nfisha bla ma tintilef, biex tirregalaw ruħkom lil xulxin biex flimkien tikbru fi Kristu: biex tgawdu dak li jgħaddi, b’mod li tibqgħu fl-istess ħin diġa marbutin mal-etern, bħal ma nitolbu fil-liturġija tas-sbatax-il Ħadd wara Pentekoste (Dominica XVII per annum).

Ferm iktar splendidu u perikoluż mid-dinja tas-sieħeb, mill-pussess u mill-feliċità, huwa l-jien u l-esiġenza tiegħu li jwettaq lilu nnifsu. Alla jrid il-bniedem “xbiha u xebħ tiegħu” (Ġen 1,26ss); Luċifru jridu bħala avversarju ta’ Alla, li jinnegalu l-adorazzjoni (cf. Ġer 2,20) u jissuġġetta lilu nnifsu għall-idolu: “Huwa jurih s-saltniet kollha tad-dinja… Intik dawn il-ħwejjeġ kollha, jekk tinxteħet quddiemi u tadurani” (Mt 4,8ss). Kull involviment krejattiv u kull sodisfazzjon personali fil-politika, fl-ekonomija, fil-ħajja kulturali u wkoll fil-Knisja huwa f’riskju ta’ vanità, ta’ kburija u ta’ insensibiltà. Għeżież reliġjużi, bil-ġlieda tagħkom għall-ispirtu ta’ fedeltà u s-sinjal tiegħu viżibbli, l-ubbidjenza għas-superjuri, tgħinu lill-kredenti kollha u lill-istess Knisja biex tiskopri t-tentazzjoni tal-qarrieq u biex tirreżistu; tgħinu b’mod perfett il-libertà fid-donazzjoni.

Propju llum iktar minn qatt qabel, is-saltna ta’ Alla, li “ssofri vjolenza” (cf. Mt 11,12), għandha bżonn “ġellieda” ġodda, biex tiffaċċja t-tentazzjonijiet u l-isfidi ta’ żmienna. Hija ssibhom fil-monasteri u l-komunitajiet tagħkom, iffurmati u sostnuti mill-ħajja komuni.

Kunu konvinti li tali nisa u rġiel ġenerużi se jgħinu wkoll illum u għada biex isegwu lil Kristu u biex “ibiddlu l-wiċċ tal-art” (Sal 103 [104],30)!

5. F’dawn il-jiem tal-miġja tiegħi fostkom il-Knisja tiċċelebra t-tifkira ta’ tliet qaddisin ta’ art twelidkom. Biex nikkonkludi, irrid nesponilkom triqthom u s-servizz tagħhom. San Albertu jgħinkom tisimgħu leħen Alla permezz tas-sinjali taż-żminijiet u biex twieġbu fl-ispirtu tal-fundaturi tagħkom. Santa Gertrude tħeġġiġkom għaż-żelu u l-frott tal-laqgħa ma’ Alla fil-meditazzjoni u fil-liturġija. Santa Eliżabetta tiksbilkom sensibiltà ħerqana u ftuħ imdawwal fid-dedikazzjoni għal dawk kollha li għandhom bżonnkom.

Lil Albertu, Gertrude u Eliżabetta jingħaqad magħhom hawn f’Altötting il- purtinar umli u ferħan tal-kunvent ta’ Sant’Anna, il-fra San Kurradu. Narawh għarkubbtejh qrib it-tieqa ċkejkna, miftuħa propju għalih fil-ħajt, biex ikun jistà dejjem iħares lejn l-altar tal-Knisja. Kissru wkoll fil-ħajja ta’ kuljum il-ħitan tal-viżibbli, biex dejjem u kullimkien ikollkom quddiem għajnejkom il-Mulej.

Issa rridu flimkien inkomplu ma’ Marija ż-żjara tagħna lis-santwarju għażiż tant għaliha. Ejjew nidħlu flimkien magħha u ħalluni nirrepeti: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja. Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minn” (Lq 1,46-50).

Tassew għeżież ħuti! L-Omnipotenti għamel “ħwejjeġ kbar” f’kull wieħed u waħda!

Ħwejjeġ kbsar! F’kull wieħed u waħda minnkom! La tieqfu qatt tfaħħruh! La tieqfu qatt tiżżuh ħajr! La tiqfux tgħixu jum wara l-ieħor id-dedikazzjoni totali tagħkom, il-vokazzjoni tagħkom taħt il-protezzjoni tal-Verġni Immakulata, il-Madonna tagħna ta’ Altötting!

Hekk tgħix is-saltna ta’ Alla fikom!

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb