Ftit tax-xhur ilu, id-dinja kollha nħasdet bl-ispluzzjoni li seħħet f’Bejrut, il-kapitali tal-Libanu. Din l-ispluzzjoni kkawżat il-mewt ta’ 210 persuni, 7,500 ruħ sfaw feruti u 300,000 ruħ oħra spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Però minkejja din it-traġedja kollha, kien hemm nies li sofrew, imma li kapaċi japprezzaw l-għajnuna li waslitilhom u ddeċidew li jiktbu ittra.
Matul ix-xahar ta’ Mejju tista’ taqra din l-ittra miktuba minn komunità li tgħix f’Bejrut, fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’wieħed mill-artikli, li ser ikun regolari fix-xhur li ġejjin, nimxu pass pass u naqraw dwar ċerti artikli ta’ interess li kienu dehru fl-ewwel ħarġiet tar-rivista Malta Missjunarja li s-sena d-dieħla tgħalaq 90 sena li bdiet tiġi ppubblikata. Artiklu ieħor ilaqqana ma’ soru missjunarja Maltija fil-Pakistan li taqsam l-esperjenza tagħha mal-qarrejja.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.