Knisja u Mafja

Print Friendly, PDF & Email

L-ISTORJA TA’ DON PUGLISI, LIVATINO U OĦRAJN LI SFIDAW LILL-MAFJA

Ktieb ġdid ta’ ROBERT ALOISIO

fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni tal-Imħallef Rosario Livatino fid-9 ta’ Mejju 2021

sayitpublications, 2021

Meta nhar il-11 ta’ April 2006, il-pulizija Taljana qabdet lil Bernardo Provenzano, wara 43 sena maħrub, kulħadd baqa’ mistagħġeb kif dan il-kap assolut u vjolenti ta’ Cosa Nostra, il-mafja ta’ Sqallija u waħda mill-ikbar mafji tad-dinja, kien qed jistaħba ġo post fqir, jgħix ħajja mill-aktar sempliċi. Imma kien hemm dettal ieħor li forsi ġie ttraskurat minn ħafna imma li lili laqatni iżjed. F’dak il-post fqir kien qed jgħix bniedem reliġjożissimu, mimli santi u statwi sagri, mimli simboli tal-fidi Kattolika u strumenti ta’ talb.

Meta sirt naf b’dil-ħaġa ħsibt li dan kien biss dettall relatat ma’ Provenzano, każ iżolat. Iżda jiena u nfittex, skoprejt li kważi l-mafjużi kollha huma reliġjużi jew “nies tal-Knisja”. Il-ħażen jagħmluh bi skop tajjeb, jgħidu huma. Imma kif nipprova nuri f’dan il-ktieb, Mafja u Vanġelu mhuma b’ebda mod kompatibbli, minkejja li għal ħafna żmien, ħafna, anki fil-Knisja, ħasbu li dawn iż-żewġ realtajiet setgħu jgħixu flimkien u ma kienu jaraw ebda kontradizzjoni f’dan kollu. Fit-tieni kapitlu nittratta numru ta’ saċerdoti Sqallin, minsijin mill-istorja, li fil-bidu tas-seklu għoxrin fehmu din il-kontradizzjoni enormi u ħaduha kontra l-fenomenu mafjuż u minħabba f’hekk kellhom iħallsu l-ogħla prezz.

Iżda kellu jgħaddi litteralment seklu biex tasal l-ewwel żvolta kbira fil-Knisja. Il-Kardinal ta’ Palermo, Salvatore Pappalardo fl-1982, fil-funeral tal-Ġeneral dalla Chiesa, għamel diskors qawwi li fih akkuża pubblikament lill-Istat li kien qed iparla ħafna dwar Mafja  u fir-realtà ma jagħmel xejn. Ir-risposta tal-Mafja ma damitx ma waslet għax, kif nirrakkonta fir-raba’ kapitlu, meta Pappalardo mar iqaddes fil-kappella tal-ħabs ma tfaċċa ħadd mill-priġunieri.

Imbagħad wara għaxar snin oħra ta’ silenzji u ilħna jgħajtu fid-deżert, wasal dak id-9 ta’ Mejju tal-1993, meta f’Agrigento, ħafna minna l-Maltin niftakru lill-Papa Ġwanni Pawlu II jgħajjat mal-mafjużi: “Dawn li għandhom fuq il-kuxjenza tagħhom tant vittmi umani, iridu jifhmu li ma jistgħux joqtlu nies innoċenti! Ma jistax il-bniedem, hu min hu, ebda assoċjazzjoni umana, Mafja, ma tista’ tibdel jekk tikkalpesta dan id-dritt santissimu ta’ Alla! Dan il-poplu tant marbut mal-ħajja… ma jistax jgħix dejjem taħt il-pressjoni taċ-ċiviltà tal-mewt… F’isem dan Kristu… ngħidha lil min hu responsabbli: ikkonvertu! Xi darba jasal il-ġudizzju ta’ Alla!”

Dakinhar kien hemm mitt elf ruħ miġbura biex ifakkru lil Falcone u ’l Borsellino (is-seba’ kapitlu), u l-Papa kien għadu kif iltaqa’ għal ftit ħin mal-ġenituri tal-Imħallef Rosario Livatino (il-ħames kapitlu), li nqatel mill-Mafja f’Settembru 1990, u li fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tiegħu qed nippubblika dan il-ktieb. Mhux li l-mafjużi tant beżgħu mill-kundanna tal-Papa – għalkemm lil xi wħud qabbdithom it-triq tal-konverżjoni, imma fuq kollox ħafna saċerdoti u lajċi għamlu tagħhom dak il-kliem u sarrfuh f’azzjoni pastorali (is-sitt kapitlu).

Għaddew biss erba’ xhur minn dik il-kundanna, u fil-15 ta’ Settembru 1993, il-Mafja assissinat lil Padre Pino Puglisi, qassis twajjeb, imma deċiż bis-saħħa li ma jħallix iż-żona ta’  Brancaccio f’Palermo taħt il-kontroll tal-poter politiku-mafjuż u fi ftit żmien irnexxielu jiġbed it-tfal u liż-żgħażagħ lejn il-knisja u jqabbadhom triq differenti. Fit-tmien kapitlu nagħti profil estensiv ta’ dan is-saċerdot kuraġġuż, u fl-appendiċi għandi żewġ intervisti interessanti li għamilt ma’ żewġ persuni li ħadmu fil-qrib miegħu, Swor Carolina u Pino Martinez.

Is-sena ta’ wara kien imiss saċerdot ieħor, il-kappillan ta’ Casal di Principe, Giuseppe Diana, li wara li l-Mafja qatlitu, bdiet kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn kontra tiegħu, li skont strateġija tipikament mafjuża, tipprova mhux biss toqtol il-persuna imma wkoll l-ideat tagħha (id-disa’ kapitlu).

Il-beatifikazzjoni tal-Imħallef Rosario Livatino m’aħniex niċċelebrawha f’vojt storiku imma f’mument partikulari fil-ħajja tal-Knisja. Qegħdin fi żmien Papa Franġisku (l-għaxar kapitlu). Kemm kienu jieħdu gost Livatino, Don Puglisi u Don Diana kieku qegħdin jgħixu f’dawn iż-żminijiet! Dawn it-tliet martri tal-Knisja ttamaw f’Papa impenjat għal riforma ta’ Knisja fqira tal-foqra u tal-imwarrbin. Kemm kienu jħossuhom imsaħħa fil-fidi jisimgħu lil Franġisku jgħid li “r-realtà tifhimha biss jekk taraha mill-periferija”.

Knisja fqira u tassew libera hija t-tweġiba għall-oppressjoni tal-mafjuż li jrid jgħix bil-qerq u l-kriminalità u billi jkun parassita fuq l-għaraq tax-xogħol ta’ ħaddieħor. Flimkien ma’ saċerdoti impenjati soċjalment u deċiżi li jibqgħu ’l bogħod mis-sistema mafjuża, fl-Italja twieldu mijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ispirazzjoni Kattolika li jmexxu proġetti edukattivi, jieħdu ħsieb artijiet u beni immobbli kkonfiskati mill-mafjużi, u jagħmlu attività ekonomika fir-rispett tal-legalità, f’ambjenti kkaratterizzati minn sfruttament u xogħol illegali.

U dan kollu x’għandu x’jaqsam magħna l-Maltin? Mal-Knisja f’Malta? Ikollna nammettu li l-mentalità mafjuża u l-kultura mafjuża mhumiex aljeni għal dan l-arċipelagu żgħir ta’ kważi nofs miljun ruħ f’nofs il-Mediterran, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn Sqallija. Il-klijenteliżmu, il-favoritiżmi u l-korruzzjoni huma l-marki tal-Mafja. U dawn qatt ma kienu neqsin lanqas minn pajjiżna.

F’dokument li ħarġet l-Arċidjoċesi ta’ Malta propju s-sena l-oħra, tgħid hekk: “Fil‑kuntest tax‑xhieda tagħna bħala Knisja, nagħrfu l‑valur ta’ ġesti qawwija li jkunu sinjali profetiċi ta’ verità, ġustizzja, fejqan u rikonċiljazzjoni. Dawn l‑għemejjel mhux biss iċaqalqu, imma wkoll jikxfu l‑istrutturi tad‑dnub, jisfidaw għal riflessjoni iktar profonda u jipproponu dak id‑dixxerniment meħtieġ biex insibu triq ’il quddiem li taqbel iktar mal‑Aħbar it‑Tajba.”

“… Il‑qtil ta’ ġurnalista li ħasad lil kulħadd u l‑omiċidju kiesaħ u biered ta’ immigrant, il‑mod kif ħafna nies iqisu normali ċerti prattiċi ‘kollettivi’ bħall‑evażjoni tat‑taxxa, it‑tixħim u l‑omertà, jew kif b’mod mill‑iktar naturali nibnu r‑rabtiet soċjali tagħna permezz tal‑‘ħbieb tal‑ħbieb’, l‑unur, ‘familiżmu amorali’, il‑pjaċiri u l‑idea li l‑ewwel nieħdu ħsieb dak li hu tagħna qabel ir‑responsabbiltà soċjali … dan kollu juri li hemm qabża bejn ir‑realtà kif inhi u l‑ispirtu Kattoliku msejjes fuq il‑ġid komuni, is‑solidarjetà, l‑għażla preferenzjali favur il‑foqra, jew saħansitra dak is‑sens ċiviku bażiku fejn ‘is‑sħiħ’ (il‑ġid tal‑polis fl‑interess ta’ kulħadd) hu tassew ikbar mill‑ġabra tal‑partijiet flimkien (jew l‑interessi individwali tagħna).”

“Dan qed jiġri mhux għax ‘il‑Knisja’ bħala ġerarkija mhijiex titkellem fuq affarijiet marbutin mal‑ġid komuni, imma għax aħna stess bħala l‑Poplu ta’ Alla, fir‑relazzjonijiet soċjali tagħna, qed nonqsu milli nagħtu xhieda għall‑Evanġelju tal‑ħajja, kemm bil‑mod kif nikkomunikaw, imma wkoll bl‑istess ħajja li ngħixu.” (Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed )

Jalla dan il-ktieb, it-tielet wieħed fis-sensiela “Sfidaw lill-Mafja”, iservi ta’ kontribut modest biex nirriflettu fuq din ir-realtà u biex neżaminaw l-attitudnijiet u l-prattiċi tagħna li, nazzarda ngħid, jista’ jkollhom iktar mill-mentalità mafjuża milli mill-fidi Kattolika li ħafna minna nistqarru li nħaddnu. Il-ktieb jista’ jinkiseb online minn sayitmalta.com, minn Librerija Preca fil-Blata l-Bajda (meta joħroġ f’Mejju) u mingħand l-awtur innifsu (robertaloisio@gmail.com). Hemm ukoll offerta għal min jakkwista t-tliet kotba tas-sensiela. Il-qligħ kollu mill-ktieb se jmur għall-Caritas Parish Djakonija Network.

Robert Aloisio

%d bloggers like this: