Is-7 Sinjali skont l-Evanġelista San Ġwann

Print Friendly, PDF & Email

Riċensjoni mir- Rev. Dr Martin Micallef ofm cap tal-ktieb minn Fr Philip Cutajar ofm cap, ippubblikat mill-Uffiċċċju Missjoni tal-Franġiskani Minuri Kapuċċini, Maltin,

Patri Martin Micallef ofm cap

“Is-7 Sinjali skont l-Evanġelista San Ġwann.” Dan hu l-isem ta’ ktieb ġdid miktub minn Fr Philip Cutajar ofm cap, ippubblikat mill-Uffiċċċju Missjoni tal-Franġiskani Minuri Kapuċċini, Maltin, Malta 2021 (ISBN: 978-9918-0-0051-7).

Dan huwa s-6 ktieb li l-Uffiċċju Missjoni Kapuċċini qed jagħtina f’idejna. Il-ktieb b’200 paġna jikkonsisti f’10 kapitli li fihom l-awtur jippreżenta s-sebgħa sinjali/mirakli rrakkuntati fl-Evanġelju skont San Ġwann. Il-ktieb li hu miktub bi stil mexxej u li jiftiehem, bi sfont bibliku, spiritwali u prattiku għal min jixtieq jieħu bis-serjetà l-ħajja nisranija, jista jservi ta’ irtir ta’ sebat ijiem.

L-Ewwel Kapitlu jippreżenta l-metodu tal-Lectio Divina, metodu antik li bih il-monaċi kienu jaqraw, jistudjaw, jimmeditaw u jitolbu permezz tal-Kelma ta’ Alla. Dan il-metodu reġa ħa l-ħajja fil-Knisja wara l-Konċilju Vatikan II, bil-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum li ħeġġet aktar il-qari tal-Iskrittura minn dawk kollha li jemmnu f’Ġesù. F’dan il-Kapitlu, l-awtur jippreżenta l-proċess ta’ kif issir il-Lectio Divina, bit-tappi differenti tagħha, kemm għal min jaqra u jitlob waħdu bl-Iskrittura, kif ukoll għal dawk li jagħmlu dan bħala grupp flimkien.

Fit-Tieni Kapitlu, insibu tagħrif miġbur mill-awtur dwar l-identità tal-Evanġelista San Ġwann. Huwa jagħmel dan billi jippreżenta diversi teoriji, kemm dawk klassiċi fit-Tradizzjoni bikrija tal-Knisja kif ukoll dawk aktar miftuħa għall-interpretazzjonijiet differenti. Hawnhekk jiġu ppreżentati sebgħa kwalitajiet ewlenin tal-awtur ta’ dan l-Evanġelju: dixxiplu/ appostlu/evanġelista; l-idea tad-dixxiplu l-maħbub li jibqa’ bla isem f’dan l-Evanġelju; il-mistiku; id-dixxiplu intimu ta’ Ġesù; dak li qiegħed rasu fuq sider Ġesù; l-ewwel wieħed fost l-appostli li għaraf lil Kristu Rxoxt; u l-kustodju ta’ Omm Ġesù.

Fit-Tielet Kapitlu, l-awtur jgħaddi biex jagħti l-karatteristiċi ewlenin li jispikkaw fl-Evanġelju skont San Ġwann. Huwa jagħti tagħrif dwar l-awtur ta’ dan l-Evanġelju, id-data u l-post fejn seta nkiteb flimkien mal-isfond storiku li fih inkiteb u allura lil min inkiteb. L-awtur ifakkarna  fis-seba sentenzi f’dan l-Evanġelju li jibdew bl-espressjoni “Jiena Hu” f’rabta ma’ Ġesù u kif jinqasam dan l-Evanġelju, jiġifieri ż-żewġ taqsimiet ewlenin tiegħu: dik li tissejjaħ “il-ktieb tas-sinjali” li tiġbor fiha l-kapitli 1 sa 12; u “il-ktieb tal-glorja” jew ir-rakkonti tal-passjoni u l-qawmien ta’ Ġesù mill-Kapitli 13 sa 21. Wara dan insibu lista tas-sebgħa mirakli jew sinjali li jiddominaw dan l-Evanġelju. Fil-fatt, il-kumplamanet tal-ktieb hu lectio divina għal kull wieħed minn dawn is-sebgħa mirakli/sinjali.

Fir-Raba’ Kapitlu, l-awtur jippreżenta l-ewwel sinjal: Ġesù jibdel l-ilma fi nbid tajjeb (Ġw 2:1-11). Hawnhekk l-awtur ifakkarna fit-tifsiriet differenti tal-inbid fl-Iskrittura, fil-preżenza ta’ Omm Ġesù f’dan it-tieġ li matulu spiċċa l-inbid; it-tifsira tal-preżenza tas-sitt ġarar tal-ħaġar li kien hemm f’dan it-tieġ f’rabta mat-tema jew is-simbolu tal-ilma f’dan l-Evanġelju b’applikazzjoni prattika għall-ħajja ta’ kuljum.

Fil-Ħames Kapitlu nsibu riflessjoni fuq it-tieni sinjal/miraklu rrakkuntat fl-Evanġelju skont San Ġwann: il-fejqan ta’ bin l-uffiċjal (Ġw 4:46-54). Permezz tat-tapi differenti tal-Lectio Divina, l-awtur hawnhekk ukoll jgħina napprezzaw aktar it-teoloġija li hemm wara dan ir-rakkont. Naqraw dan l-ispostament ta’ Ġesù minn post għall-ieħor; kif u għaliex Ġesù ġie milqugħ mill-oħrajn. L-awtur juri t-talba u l-fidi tal-uffiċjal għall-ibnu f’dan il-miraklu. Dan isir b’applikazzjoni għall-ħajja tat-talb tan-nisrani f’waqtiet differenti f’rabta mal-kompassjoni ta’ Ġesù li minnu rridu nitgħallmu kif inġibu ruħna ma’ xulxin.

Is-Sitt Kapitlu joffrilna meditazzjoni fuq miraklu ieħor li nsibuh rakkuntat biss fl-Evanġelju skont San Ġwann: il-fejqan ta’ raġel li kien ilu 38 sena marid (Ġw 5:1-18). Hawnhekk l-awtur mhux biss jippreżentalna mappa ta’ Ġerusalemm, imma jispjega wkoll l-etimoloġija tal-isem “Betesda” fejn seħħ dan il-miraklu filwaqt li jkompli jespandi fuq it-tifsira tal-ħames loġħoġ li taħthom kienu jistkennu diversi morda. Dan kollu jwassal għall-meditazzjoni fuq it-tifsira tas-snin kbar li matulhom dan ir-raġel kien marid u fl-isolament/loneliness li ngħaddu minnha f’waqtiet u sitwazzjonijiet differenti fil-ħajja. L-awtur jistieden lill-qarrej biex jiddentifika ruħu ma’ dan il-personaġġ tal-Evanġelju biex niskopru l-qawwa tal-fejqan ta’ Kristu Ġesù.

Fis-Seba Kapitlu permezz tal-Lectio Divina, l-awturjeħodna għarr-raba’ sinjal rakkuntat fl-Evanġelju skont San Ġwann, dak tat-tkattir tal-ħobż. Minħabba t-tul ta’ dan l-episodju, l-awtur jagħżel biss xi versi minnu (Ġw 6:1-15; 22-59) filwaqt li  jfakkarna li dan il-miraklu nsibuh rakkuntat ukoll fl-Evanġelji Sinottiċi b’elementi simili u differenti fl-istess ħin. Biex napprezzaw aktar il-profondità tal-ħsieb tal-Evanġelista f’dan il-miraklu, il-qarrej jingħata informazzjoni dwar il-post fejn seħħ dan l-episodju, iż-żmien li fih Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-Ħobż tal-Ħajja u l-konnessjoni li dan il-miraklu għandu mal-Ewkaristija. L-awtur jikkumenta wkoll fit-tul fuq ir-rwol ta’ tnejn mid-dixxipli f’dan l-episodju: Filippu u Indrì b’applikazzjoni għall-ħajja tad-dixxipulat.

Fit-Tmien Kapitlu, insibu meditazzjoni fuq il-ħames sinjal ta’ Ġesù, jiġifieri meta Ġesù mexa fuq il-baħar (Ġw 6:16-21). L-awtur ifakkar lill-qarrejja li dan l-episodju nsibuh rakkuntat wkoll f’edizzjoni differenti f’xi wħud mill-Evanġelji l-oħra u jgħina napprezzaw kif kull Evanġelista għandu l-mod partikulari li bih jakkumpanja l-istoriċità tal-ġrajjiet ta’ Ġesù mat-teoloġija partikulari tal-Evanġelista. Naqraw ukoll dwar it-tifsira tal-baħar, tad-dgħajsa, tad-dlam u r-riħ li jiddominaw dan il-qari b’applikazzjoni spiritwali f’rabta mal-biżat li nistgħu ngħaddu minnhom f’ħajjitna.

Fid-Disa’ Kapitlu l-awtur ikompli jgħina ninżlu fil-font tal-ħsieb tar-Raba’ Evanġelju permezz ta’ meditazzjoni fuq is-sitt sinjal: Ġesù jfejjaq agħma mit-twelid (Ġw 9:1-41). F’din ir-riflessjoni nistgħu napprezzaw is-sbuħija tat-teoloġija ta’ dan l-Evanġelista. L-awtur jgħinna nagħmlu billi jistedinna naraw fuq liema naħa qed ngħixu l-mixja tagħna wara Ġesù permezz tas-simboli tad-dawl u d-dlam li jiddominaw dan il-qari. Hawnhekk insibu wkoll it-taqsimiet differenti ta’ kif l-Evanġelista jibni dan l-episodju pjuttost twil li jintroduċuna għall-personaġġi li jiddominaw dan ir-rakkont flimkien mar-reazzjonijiet differenti tagħhom għal Ġesù.

L-Għaxar Kapitlu hu meditazzjoni dwar il-miraklu tal-mewt u l-qawmien ta’ Lazzru ta’ Betanja (Ġw 11:1-44). F’din il-meditazzjoni l-awtur jippreżenta l-elementi ewlenin li l-Evanġelista juża biex jirrakkonta dan ir-rakkont uniku fit-tradizzjoni evanġelika. Huwa jitkellem fuq id-dewmien ta’ Ġesù biex jasal f’Betanja, ir-reazzjoni tal-aħwa Marta u Marija għal Ġesù li ħalla lil ħuhom Lazzru jmut minkejja li kienu bagħtu jinfurmawh bis-sitwazzjoni imwegħra ta’ ħuhom. Naqraw ukoll riflessjoni fuq il-motivazzjoni tal-biki ta’ Ġesù f’dan l-episodju u fuq it-tifsira tal-qawmien fil-ħajja tan-nisrani permezz ta’ dak li ġara lil Lazzru.

Il-meditazzjonijiet li nsibu f’dan il-ktieb jistgħu verament igħinuna nidħlu aktar fil-qalba ta’ dan l-Evanġelju li nkiteb “sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw 20:31).

KUMMENTI OĦRA:

Ktieb li jista’ jgħnnek tagħmel irtir ta’ sebat ijiem fil-kwiet ta’ darek. (Joe Farrugia)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: