F’riġlejn il-muntanja Athos

Print Friendly, PDF & Email

Il-wasla f’Ouranoupoli

Ouranoupoli (il-“villaġġ tas-sema”) hu l-port fl-Greċja fejn il-pellegrini li jaslu bil-karozza tal-linja minn Tessaloniki jħallu l-qoxra tagħhom ta’ nies Oċċidentali biex jidħlu f’dinja oħra, fil-peninsula ta’ Aktè. Fuq din il-medda ta’ art, li tinfirex f’tul ta’ madwar 60 kilometru lejn il-Baħar Eġew, għexu eremiti, u `l quddiem monaċi, sa mir-4 seklu tal-era Nisranija. Din il-komunità, esklussivament Ortodossa u maskili, organizzat ruħha f’repubblika monastika, li tgawdi minn awtonomija relattiva fi ħdan l-istat Grieg.

Imkenni mill-blat f’riġel il-muntanja, il-monasteru ta’Simonopetra ġie mwaqqaf minn Xmun il Mirobita fis-seklu XIII.

Dawk li jaslu Aktè ma jiġux bħala viżitaturi imma jiġu biss bħala pellegrini, tant li n-nies li jmiddu riġlejhom għall-ewwel darba f’Ouranoupolis (kif għedna rġiel għax in-nisa huma projbiti f’dan it-territorju) iridu jmorru fl-‘uffiċċju għall-pellegrini tal-Muntanja Athos’ biex jingħataw il-permess imsejjaħ id-diamonitirion. Dan il-permess ta’ passaġġ jippermetti lil dawk li jaslu Ouranoupoli biex jgħaddu għall-iżbark żgħir ta’ Dafne u jibbenefikaw mill-ospitalità ta’ 20 monasteru mibnijin fuq il-ġnub tal-Muntanja Athos. Il-lingwi Grieg, Russu, Rumen u Serb jidwu fuq il-pont tal-laneċ, li jkunu sorġuti ħdejn xulxin fuq ix-xatt iħaddar sabiħ tal-peninsula. Hawnhekk jiġu nies minn kull Ortodossija kif ukoll minn Knejjes Insara oħra.

L-Għoxrin monasteru tal-Muntanja Athos

Wara li jkun niżel l-art, il-pellegrin jilħaq Karyès, il-kapitali amministrattiva ta’ Aktè, li tinsab fin-nofs tal-peninsula. It-toroq kollha jibdew minn Karyès, il-belt mimlija swieq, lejn dawriet medjevali li jwasslu fiċ-ċentru fejn jiltaqgħu l-awtoritajiet tat-teokrazija (forma ta’ gvern fejn is-sovranità hi eserċitata minn persuna jew aktar, x’aktarx tal-Knisja, li jżommu li huma mogħtija s-setgħa direttament minn Alla).

Patri Makarju, monaku Franċiż, snin twal fil-Muntanja Athos

Il-mogħdijiet ta’ żrar u ġebel, fejn sikwit tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ ħmir u annimali oħra, jippermettu li l-pellegrin jilħaq l-għoxrin monasteru li qegħdin fuq iż-żewġ xtajtiet tal-Baħar Eġew, għaxra fuq kull xtajta. Fuq naħa hemm Vatopedi, li hu t-tieni monasteru fil-ġerarkija tal-Muntanja Athos skont l-ordni ta’ meta ġew imwaqqfa, Pantocrator, Stavroniketa, fortizza medjevali li toħroġ fuq il-baħar, Hilandar, Esphigmenou, Koutloumousiou, Iveron, Philoteou u Karakallou. Fit-tarf nett tal-peninsula hemm Laure l-Kbira, li hu l-eqdem monasteru, imwaqqaf fis-sena 963 minn San Atanasju f’riġlejn il-Muntanja Athos. Hu binja maestuża, f’għoli ta’ 2033 metru. Fuq in-naħa l-oħra hemm Simonopetra, Dionysiou, Zographou, Konstamonitou, Docheiariou, Xenofontos, Saint-Panteleimon, Xeropotamou, Gregoriou u Aghiou Pavlou. B’kollox f’dawn il-monasteri hemm madwar 2200 monaku, li 1700 minnhom huma Griegi.

Il-pellegrini Russi, li dejjem baqgħu jiżdiedu wara l-waqgħa tal-Komuniżmu, l-aktar li jmorru hu f’Saint-Panteleimon, fejn jgħixu madwar 100 monaku. Il-Griegi, il-Bulgari u r-Rumeni jmorru Vatopedi. Hu dan il-monasteru li għandu l-wisa’ għall-ikbar għadd ta’ nies hekk li normalment ikun hemm iktar minn 200 persuna kuljum. Fil-monasteru ta’ Stavroniketa, il-mistednin għal lejla waħda tista’ tgħoddhom fuq id waħda. Bejn monasteru u ieħor hemm differenza fil-livell ta’ arkitettura kif ukoll f’dak li hu spirtu, fil-mod kif jgħixu l-monaċi, kif huma jċċelebraw l-uffiċċju, kif jilqgħu lill-pellegrini u kif ifasslu l-ġurnata. Fuq il-Muntanja Athos, il-qalba tal-Knisja Ortodossa, kf ukoll fil-Knejjes kollha Ortodossi hemm partikularità li tiddistingwihom: l-unità fid-diversità. Hemm unità qawwija f’dak li hu twemmin u min-naħa l-oħra hemm varjetà kbira ta’ espressjoni tal-fidi.

Kuljum il-pellegrini jibdlu l-monasteru

Waħda mir-regoli tal-Muntanja Athos hi li l-pellegrin ma jibqax fl-istess monasteru, imma kuljum imur minn monasteru għal ieħor. Tazza raki (xarba alkoħolika morra bit-togħma ta’ anisett, popolari bħala aperitiv fit-Turkija, fil-Ġreċja u fil-Balkani) u ftit lakumja jistennew lill-pellegrin kull darba li jiġi lura mill-mixja diffiċli mill-mogħdijiet kollha żrar u ġebel. Il-monaċi tal-Muntanja Athos iżommu li lil Alla “tkun tafu bil-persuna tiegħek” hekk li din il-mixja skomda twasslek għal dan l-għarfien. Meta l-pellegrin jasal tard filgħaxija, jassisti għall-vespri, imbagħad jieħu sehem fiċ-ċena, li ssir fis-skiet fir-refettorju tal-monaċi.

Ma’ nżul ix-xemx

L-imwejjed tal-ikel fil-monasteru ta’ Vatopedi, li jwasslu sa iktar minn elf sena ilu, huma tal-irħam u juru sew iż-żmien li għadda minn fuqhom. L-affreski tas-seklu 18 li jddekoraw il-ħitan idaħħlu fl-ispirtu lill-pellegrin. L-ikla fqira, akkumpanjata minn qari mnn fuq is-sedja, issir mingħajr tnikkir. Il-pellegrin ikollu l-ħin kollu biex iqim ir-relikwji qaddisa fil-knisja tal-monosteru. Fost dawn hemm fosthom dak li t-tradizzjoni tgħid li hu ċ-ċinturin tal-Verġni Marija, hemm ir-ras ta’ San Ġwann Griżostmu u relikwja mis-salib ta’ Kristu. Il-pellegrin jista’ jbus l-ikoni u jżommhom f’idejh għal ftit fis-skiet.

Affresk li jirrappreżenta l-Ġenesi, fuq il-ħitan tal-monasteru ta’ Iveron

Ma’ nżul ix-xemx il-monaċi jmorru fiċ-ċella tagħhom biex joqogħdu jitolbu weħidhom sat-tard. Fil-Knisja Ortodossa, parti importanti tal-ħajja tal-monaċi hi dedikata għat-talb personali. Hemm għażla fl-uffiċċju tat-talb. Waqt it-talb li jsir fil-knisja, in-nies jistgħu jidħlu u joħorġu xħin iridu. Wara lejl qasir, wieħed mill-monaċi jħabbat fuq is-simandra, tavla tal-injam li meta wieħed iħabbat fuqha, tfaqqa’ u tistieden minflok il-qanpiena. Ikunu l-erbgħa ta’ filgħodu xħin il-pellegrini, nofshom reqdin, jimxu lejn il-knisja għall-ewwel talb tal-Uffiċċju. Fid-dlam, ix-xemgħat jilmaw biex idawlu l-uċuħ tal-pellegrini u tal-monaċi. Imbaghad ir-raġġi tax-xemx jidħlu mil-Lvant ftit ftit fil-bini, bħallikieku biex isaħħnu l-ikoni maestużi li għall-Ortodossi huma “twieqi miftuħa lejn s-sema”. Il-monaċi donnhom jitilfu s-sens tal-ħin; l-ewwel uffiċċju jista’ jtul erba’ sigħat u nofs. Wara t-talb, ir-religjuzi u l-pellegrini jieħdu waħda miż-żewġ ikliet tal-ġurnata, imbagħad min imur fuq ix-xogħol tiegħu u min ikompli fuq triqtu.

Għerien fil-Muntanja

Kif wieħed jilwi fuq ġenb ta’ waħda mill-mogħdijiet, jiltaqa’ ma’ xi għerien imħaffra fil-blat. L-għerien huma fejn joqogħdu l-anakoreti (reliġjużi li jgħixu iżolati f’naħat deżerti). Il-monaċi li joqogħdu f’dawn l-għerien iddeċidew li jagħżlu din l-avventura awstera biex jimxu fuq il-passi tal-ewwel eremiti. Huma ma ‘jaqrawx’ il-Missirijiet tad-Deżert, imma ‘jgħixuhom’. L-għażla tagħhom hi purament personali. Ikun hemm ukoll monaċi li jmorru joqogħdu f’monasteru ċenobita għal xi snin qabel ma jagħżlu li jgħixu fl-għerien jew f’eremitaġġ simili.

F’Athos hemm żewġ xorta ta’ abitazzjoni għall-monaċi minbarra l-monasteri: djar iżolati għalkollox fil-kampanja u djar fil-villaġġi bi knisja fin-nofs. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, kull dar hi awtonoma, qisha monasteru żgħir. Il-monaċi li jgħixu f’dawn id-djar ma jingħatawx proprjetà mill-komunità u din hi d-differenza mill-monasteri. Għalhekk iridu jaħdmu b’idejhom għall-għajxien tagħhom. Barra minn xogħol ieħor, huma jpittru wkoll l-ikoni. Dawn id-djar huma ċentri ta’ diversi snajja u ta’ talb personali. Il-ħajja fid-djar hi ta’ dixxiplina inqas stretta u taqbel iktar ma’ ċerti temperamenti.

Ħmir bis-sarġ immarkat bis-sinjal tas-salib jakkumpanjaw lill-pellegrini fil-mogħdijet tal-post.

X’inhi l-vokazzjoni tal-Muntanja Athos? Li tilqa’ għadd dejjem akbar ta’ pellegrini kuljum jew li tkompli tħares id-domma u l-mistika Ortodossa? Għandha tiftaħ aktar jew tingħalaq? Dawn huma wħud mit-temi li jqumu minn żmien għal ieħor fil-laqgħat tas-sedja tal-gvern f’Karyès, fejn il-pellegrin jerġa’ jgħaddi, għall-aħħar darba, qabel ma jitlaq lura lejn daru mill-port ta’ Dafni.

Il-vokazzjoni ta’ Athos

Il-preokkupazzjoni tal-monaċi, quddiem l-influss tal-pellegrini, hi li l-komunità tħares l-karattru reliġjuż ta’ dawn il-postijiet, li ma tħallix li tirbaħ l-invażjoni turistika bħalma ġara lill-komunità monastika ta’ Météores, fiċ-ċentru tal-Greċja, fejn il-monasteri tilfu ħafna mill-ispiritwalità karatteristika tagħhom. F’Météores il-monaċi li baqa’ saru gwardjani ta’ mużewijiet.

Wieħed jawgura li l-komunità ta’ Athos tagħraf issib tweġiba ekwilibrata għal din id-dilemma biex il-pellegrini fi tfittixa għal Alla jkomplu jgawdu għal ħafna snin fil-futur l-ispiritwalità tal-Muntanja Athos. Il-monaċi tal-Muntanja huma fiduċjużi li dak li beda tant snin ilu jkompli jġedded lil min ifittex lil Alla permezz tas-servizzi ta’ din il-komunità Ortodossa.

Kitba ta’ Joe Galea

Aktar fil-blog ta’ Joe Galea … https://laikosblog.org/category/minn-joe-galea/

Ara wkoll video qasit dwar il-Muntanja Athos, “Mountain Has Been Home to Monks for 12 Centuries” …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: