Ġwanni Pawlu II lit-Tribù Indiġeni

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLKU FIL- PAKISTAN, IL-FILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA GĦAT- TRIBÙ INDIĠENI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Baguio City, Filippini.

22 ta’ Frar 1981

Għeżież ħuti fi Kristu,

1.Din li niċċelebra l-Ewkaristija Mqaddsa magħkom hija okkażjoni ta’ ferħ, li niġi hawn magħkom fost il-muntanji sbieħ tagħkom biex inkun mitmugħ bil-Kelma ta’ Alla u bil-Ħobż tal-ħajja, u ningħaqad magħkom fl-għoti ta’ glorja u tifħir, unur u ringrazzjament lit-Trinità Qaddisa.

Il-liturġija tal-Kelma llum titkellem dwar id-dinjità speċjali msawba fuq dawk kollha li “jappartienu lil Kristu” (1Kor 3,23). Aħna mistiedna biex nimmeditaw il-misteru profond li jirrigwarda lilna f’relazzjoni mal-Magħmudija; il-misteru ta’ kif, permezz tal-ilma u l-Ispirtu Santu, aħna sirna għamara ta’ Alla.

“Intom tempji ta’ Alla – jikteb San Pawl – l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom” (1 Kor 3,16). Fis-sewwa dan huwa misteru tal-fidi. Għaliex waqt li aħna nibqgħu membri ta’ poplu u ta’ nazzjon partikolari, werrieta ta’ kultura u dixxendenza unika, fl-istess ħin, għall-ħniena abbundanti ta’ Alla, sirna “koċittadini tal-qaddisin u l-familjari ta’ Alla, mibnijin fuq is-sisien tal-appostli u l-profeti, u għandna bħala ġebla tax-xewka lill-istess Kristu Ġesù. Fih kull bini jitlà sewwa biex ikun tempju qaddis tal-Mulej” (Ef 2,19-21).

2. B’mod partikolari xtaqt din l-okkażjoni li niltaqà man-nies tal- Provinċji Muntanjużi, li niltaqà magħkom membri tat-tribù ta’ Isneg, Kalinga, Bontoc, Ifugao, Kankany u Ibaloy.

Intom, popolazzjonijiet indiġeni ta’ dan ir-reġġjun sabiħ fit-Tramuntana ta’ Luzon, fuq l-istess livell tat-tribù l-oħra Filippini, tippreżentaw diversità għanja ta kulturi trażmessi lilkom mill-ġenituri u l-antenati u li jmorru lura fiż-żmien għal ġenerazzjonijiet innumerevoli. Intom għandkom dejjem stima profonda ta’ dawn it-teżori kulturali li l-Providenza divina iddestinatilkom b’wirt. Barra minn dan, jalla dawn it-teżori li jikkostitwixxu l-wirt tagħkom, ikunu rrispettati dejjem mill-oħrajn; jalla artkom, it-tradizzjonijiet tajbin tagħkom ta’ familja u l-istrutturi tagħkom ikunu jistgħu jiġu protetti, ikkonservati u arrikkiti.

Ħuti fi Kristu: intom skoprejtu kif il-Vanġelu ma jipperikolax iis-sopravivenza tal-kulturi tagħkom, linqas ma jeqred it-tradizzjonijiet ġenwini tagħkom. Dak kollu li huwa tassew uman, dak kollu li jikkontribwixxi għall-benesseri u għat-titjib tal-persuna umana, jiġi msaħħaħ mill-Vanġelu u ntensifikat mill-fidi fi Kristu. Ma jistax ikun mod ieħor, ladarba Kristu huwa l-mudell u l-oriġni tal-umanità l-ġdida, “l-ewwel wild tal-ħolqien kollu” (Kol 1,15). Minħabba li intom issibu ruħkom tiffaċċjaw il-problemi tallum konnessi mat-tkabbir soċjali u ekonomiku ta’ Pajjiżkom, nassigurakom li l-Knisja hija magħkom fix-xewqa li tkun difiża t-tipiċità tal-kultura tagħkom, u li tkunu tistgħu tieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jinvolvu ħajjitkom u dik ta’ wliedkom. Infatti l-Knisja na tinfired qatt mill-ptoblemi temporali tal-membri tagħha. Hija tibqà qrib il-fqir u l-batut; trid il-ġustizzja u l-paċi; tinteressa ruħha fil-bżonnijiet konkreti tal-fidili. F’dan kollu, iżda, il-Knisja ma tinsa qatt il-prijorità tal-missjoni spiritwali tagħha, billi tiftakar li l-iskop aħhari tagħha huwa dak li tiggwida lill-irġiel u n-nisa kollha għas-salvazzjoni eterna fi Kristu.

3. Ippermettuli wkoll li nkellimkom dwar l-attività missjunarja tal-Knisja, u li nirriflettu dwar ir-riżultati fruttużi li hija kellha hawn fil-Pajjiż tagħkom. Meta nħares lejn din il-folla kbira, ma nistax ma niftakarx il-missjunarji ġenerużi, irġiel u nisa, li ħallew lil art twelidhom biex jippridkaw il-Vanġelu fostkom. Huma aċċettaw bosta sagrifiċċji personali u għabbew ruħhom b’bosta  responsabiltajiet biex iwettqu dan ix-xogħol, biex iwasslulkom il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu. U l-isforzi tagħhom ma kinux għalxejn! Meta l-messaġġ ta’ Kristu ġie mħabbar lilkom, “intom ilqajtuh – bħal ma jikteb Pawlu – mhux bħala kelma tal-bnedmin, imma kif tassew hi, bħala l-kelma ta’ Alla, li taħdem fikom li temmnu” (1Ts 2,13). Għal dan ix-xogħol meraviljuż jiena nifraħ magħkom. U f’isem Sidna Ġesù Kristu u tal-Knisja tiegħu, niżżi ħajr lill-missjunarji għall-fidi tagħhom u għall-isforzi sostnuti, għax-xogħol perseveranti tagħhom.

Huwa nkuraġġanti tara l-vitalità tal-Knisja fil-Filippini: tara, per eżempju, is-sehem attiv attwat mil-lajċi, il-kontribut mogħti mill-katekisti, mill-operaturi soċjali u minn tant oħrajn, l-irwol indispensabbli tal-familji nsara, kulħadd kif jaf hu jġiegħel tipprogredixxi s-Saltna ta’ Alla. Hemm ukoll il-fondazzjoni ta’ skejjel  u universitajiet kattoliċi numerużi, istituzzjonijiet sanitarji jew li jwieġbu għal bżonnijiet oħra, il-fundazzjoni ta’ seminarji kif wieħed jistà jara hawn Baguio City. Dan kollu qiegħed biex jixhed kemm il-Kelma ta’ Alla ffruttifikat u x’inhija l-profondità tal-fidi tagħkom fil-Mulej. Nieħu gost b’mod speċjali kif ħafna Filippini wieġbu lil Kristu bħala saċerdoti u reliġjużi, mhux biss f’art twelidhom, imma f’pajjiżi oħra wkoll. Huwa ċar li l-attività missjunarja tal-Knisja pproduċiet, f’artkom, frott bl-abbundanza.

4. Ħuti, meta niftakar kif weġibtu b’qalbkom kollha għall-Vanġelu sa minn meta kien mħabbar f’nofskom l-ewwel darba, u mbuttat mill-mandat missjunarju mogħti lilna minn Kristu, irrid nespeimilkom ix-xewqa tiegħi speċjali: jalla l-Filippini jsiru l-missjunarji ewlenin tal-Knisja fl-Asja. Għal tali skop irrid nagħmel kliemi li lilkom indirizzalkom Pawlu VI fl-okkażjoni taż-żjara pastorali tiegħu fil-Pilippini: “F’dan il-waqt, ma nistax ma naħsibx dwar l-importanza tas-sejħa tal-popli tal-Gżejjer Filippini. Din l-art għandha vokazzjoni speċjali biex tkun il-belt pożizzjonata fuq il-muntanja, il-musbieħ imqiegħed fil-għoli (cf. Mt 5,14-16), li jagħti xhieda luminuża fost il-kulturi antiki u nobbli tal-Asja. Kemm bħala ndividwi kif ukoll bħala nazzjon, intom għandkom turu id-dawl ta’ Kristu bl-eżempju ta’ ħajjitkom” (29 ta’ Novembru 1970).

Fost il-ġirien kollha f’din il-parti tad-dinja, intom, ċittadini tal-Filippini, tokkupaw post uniku. Il-Pajjiż tagħkom biss huwa fil-maġġoranza nisrani, intom tirrapreżentaw iktar min-nofs tal-kattoliċi kollha tal-Asja. Meta tqis dan, nistaqsi mhux il-Mulej tal-istorja li ddestinakom biex ikollkom rwol prominenti fl-isforz missjunarju tal-Knisja f’dan ir-reġġjun?  Ma ħejjikomx biex tagħtu xhieda ħajja fost il-kulturi antiki u nobbli tal-Asja? L-aħħar kliem imlissen minn Ġesù lid-dixxipli ma jassumix għalikom importanza speċjali f’dan il-waqt: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura” (Mk 16,1 5)?

Din hija x-xewqa ħierġa minn qalbi u din hija t-talba żelanti tiegħi: li intom, ħuti, tal-Filippini, tkunu tistgħu tokkupaw il-post li jixirqilkom fl-ewwel filliera fuq il-front tal-isforz missjunarju tal-Knisja, b’mod speċjali hawn fl-Asja. Għal dan nesprimi s-sodisfazzjon profond tiegħi għall-fondazzjoni riċenti tas-Soċjetà Missjunarja tal-Filippini; b’mod simili infaħħar l-opra tal-evanġelizzazzjoni mwettqa mir-Radju Veritas. Jalla Alla jbierek bil-kbir dawn l-inizjattivi. U kull wieħed u waħda minnkom – li sirtu għamara ta’ Alla permezz tal-Magħmudija – tkunu tistgħu tikkontribwixxu għall-proklamazzjoni tal-Vanġelu, bil-mod li hu possibbli għalikom. Xandru bil-kelma u bil-fatti li Ġesù Kristu huwa “it-triq, il-verità, il-ħajja” (Ġw 14,6), li Ġesù Kristu huwa l-Mulej!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.