It-Tieni Volum …
Dan l-aħħar ġie ppubblikat il-ktieb Xhieda Nisranija fl-Istorja tal-Knisja Għawdxija, Vol. 2, mil-Lumen Christi Publications tad-Djoċesi ta’ Għawdex, u stampat fil-Gozo Press, Għajnsielem.
Dan il-ktieb huwa ġabra ta’ artikli li dehru fir-Rivista Il-Ħajja f’Għawdex u għalhekk il-persuni huma kollha Għawdxin. L-ordni kif dehru mhux skont l-importanza tagħhom iżda skont kif dehru fir-rivista. Fil-fatt il-ktieb fih 33 profil ta’ persunaġġi differenti, kull wieħed b’ritratt miegħu.
Il-preżentazzjoni hija ta’ Francesco Pio Attard u fiha diversi ħsibijiet mill-Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate li fiha jispjega xi tfisser is-sejħa għall-qdusija fil-ħajja ordinarja.
Dan il-ktieb huwa skont il-ħsieb tal-imsemmija Eżortazzjoni appostolika. Il-Papa Franġisku jgħidilna: “Ħafna drabi l-qdusija tinstab f’dawk li jgħixu bieb ma’ bieb magħna, li jgħixu fostna, jirriflettu fuq il-preżenza ta’ Alla. Nistgħu nsejħulhom ‘il-klassi medja tal-qdusija” (n. 7).
Għalkemm dawn il-persuni twieldu f’Għawdex, ma jfissirx li dawn kollha għexu ħajjithom kollha f’din il-gżira, iżda hemm min mar fl-artijiet tal-missjoni u postijiet oħra. Fost il-persuni li marru l-missjoni nsibu lis-Salesjan Dun Karm Attard li qatta’ ħajtu l-Indja u huwa midfun hemmhekk u lill-Ġiżwita Patri Ġiġi Camilleri li qatta’ kważi ħajtu kollha fl-istess pajjiż. Għalhekk il-ktieb fih dettalji fuq il-missjonijiet u x-xogħol li dawn il-persuni għamlu. Bħala missjunarju nsibu lil Fr Josè Galea li ħadem u miet il-Brażil.
Iżda f’dan il-ktieb insibu wkoll persuni oħra li għamlu xogħol barra minn Malta rigward l-emigrazzjoni lejn l-Afrika ta’ Fuq u lejn Marsilja. Għalkemm l-emigrazzjoni kienet opportunità ta’ xogħol, il-Maltin u l-Għawdxin mhux dejjem kienu ppreparati għaliha. F’dan ir-rigward insibu lill-Kav. Ġużeppi Camilleri li għex parti minn ħajtu fit-Tuneżija u lil Mons. Angelo Camilleri li ħadem u tejjeb il-ħajja tal-emigranti f’Marsilja. Fil-profil ta’ din il-persuna naraw il-kuraġġ tiegħu waqt l-okkupazzjoni Nażista ta’ Franza u fiż-żmien sakemm reġgħet ġiet il-paċi. Persunaġġ li ħadem ukoll mal-emigranti kemm fl-Awstralja u l-Alġerija huwa l-Agostanjan Patri Mikiel Mizzi.
Persunaġġi li ħadmu lil hinn mix-xtut ta’ Malta u Għawdex li jinsabu f’dan il-ktieb huma l-Kan. Ġwann Meilaq li ħadem fl-Istati Uniti tal-Amerika u Dun Joe Galea li mar jaħdem f’Turin u miet hemm iżda ndifen f’Għawdex. Persuna oħra li kellha tħalli lil art twelidha minħabba l-vokazzjoni tagħha huwa t-Trappist Fra Korradu Bajada li għex f’monasteru f’Ruma.
Forsi wieħed jistaqsi f’liema żmien għexu dawn il-persunaġġi. L-eqdem persunaġġ huwa l-Agostinjan Patri Ġużeppi Dandalona li għex fis-seklu 18, filwaqt li nsibu l-figura riċenti ta’ Dun Joshua Muscat li miet fil-31 ta’ Awwissu 2009, sentejn biss wara l-Ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.
L-awtur ta’ dan il-ktieb jimraħ lejn diversi stati ta’ ħajja. Għalhekk insibu profili ta’ kappillani, saċerdoti djoċesani, reliġjużi, għalliema, membri tal-Museum u tal-Azzjoni Kattolika, persuni li għenu fil-parroċċi, nies miżżewġa u anki l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi. Il-ktieb qisu qawsalla ta’ diversi vokazzjonijiet u stati ta’ ħajja u esperjenzi kemm fil-gżira Għawdxija u barra minn Malta.
Insibu wkoll il-ħajja ta’ Dun Pawl Micallef li ħadem kemm felaħ u bena l-Oratorju Don Bosco li għadu jsir minnu ħafna ġid.
Dawn li semmejt huma ftit mill-persunaġġi. Hemm ħafna oħrajn u kull profil huwa interessanti billi kull persuna hija unika u irrepetibbli.
Il-ktieb mhuwiex biss ta’ natura storika, iżda jittratta l-ħajja spiritwali ta’ dawn il-persuni. Għalhekk huwa ktieb ispirattiv u pjaċevoli biex taqrah. Meta jaqraw dan il-ktieb bosta persuni jistgħu jiffriskaw il-memorja meta jaqraw il-profil ta’ diversi persuni li jafuhom u forsi kienu jgħixu qrib tagħhom. Dan il-ktieb jista’ wkoll jingħata bħala rigal f’xi okkażjoni speċjali.
Il-ktieb fih 126 paġna u jinbiegħ mil-Librerija Preca u mill-ħanut tal-kotba reliġjużi Emmaus fi Triq Sommier, Birkirkara, u Pjazza San Franġisk, il-Belt Victoria, għall-prezz ta’ €8.