1. Għaliex il-mistiċi għadhom jiffaxxinaw f’dinja nieqsa mir-riferenza reliġjuża?

Print Friendly, PDF & Email

L-ewwel minn sensiela ta’ kitbiet dwar il-mitiċi u l-mistiċiżmu. Minn Joe Galea

Norwich City issa qegħdin fil-Premier League Ingliż. Ifakkruni f’isem importanti: Ġuljana ta’ Norwich. Hija mistika, marbuta ma’ din il-belt fil-Lvant tal-Ingilterra. X’inhuma l-mistiċi? Għaliex għadhom jaffaxxinaw f’dinja nieqsa mir-riferenza reliġjuża?

Ġuljana ta’ Norwich, mistika marbuta ma’ din il-belt fil-Lvant tal-Ingilterra.

Il-mistiċi kienu u huma nies twajba li fil-kontemplazzjoni tagħhom jintilfu f’imħabba intensa lejn Alla. Huma nies li jaffaxxinaw għax huma l-iktar umani fost l-umani. Jifhmu profondament lill-bniedem u lil Alla. Huma jgħixu taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu, li mhux biss jgħaddilhom dak li hu divin imma jagħmilhom iktar umani, bi fraternità mal-oħrajn bil-ħajja tagħhom, li hi kelma ħajja u aċċessibbli aktar minn ħafna teoriji.

Il-mistiċi għandhom esperjenza qawwija tal-preżenza t’Alla, u għarfu jsiru parti minnu, xi drabi b’mod li jidher traġiku imma veru. Il-ħajja tal-mistiċi hi iktar minn rumanz, għalkemm xi drabi tidher hekk. Huma għexu sal-qiegħ l-avventura tal-fidi. Ir-rabta tagħhom m’Alla tressaqhom biex jimpenjaw ruħhom għall-ġid tal-oħrajn. Il-mistiċi huma r-rappreżentanti ta’ dik ix-xjenza li hi esperjenza ta’ konoxxenza t’Alla. Definizzjoni sabiħa tal-mistiċi hi li huma profeti tal-epoka tagħhom.

Huma nies bħal dawn, u mhux l-armati, li jżommu d-dinja. Tajjeb li nkunu nafu iktar dwarhom.

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.