Qari tal-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet

Print Friendly, PDF & Email

L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet

Solennità – Quddiesa tal-Jum

Qari I

Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.

Atti 10, 34a.37-43

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23

R/. (24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!

Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

Qari II

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed Kristu.

Kol 3, 1-4

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew

Qari II

Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna ġdida.

1 Kor 5, 6b-8

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom

il-Vittma tal-Għid:

għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu

mill-jasar tal-mewt;

Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb

ma’ Alla l-Missier.

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja

inqerdet il-Mewt;

u qam Sid il-ħajja mill-qabar,

isaltan rebbieħ.

“Għidilna, Marija, ħabbrilna:

fit-triq lil min rajt?”

“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta

fis-sebħ tal-qawmien;

rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,

il-faxxa, il-liżar.

Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,

li fih ittamajt!

Mar hu l-Galilija qabilkom:

hemmhekk se tarawh”.

O, nemmnu li llum Kristu rxoxta

tassew mill-imwiet!

Int mela, Sultan, ħenn għalina,

O Kristu rebbieħ.

Ammen! Hallelujah!

Victimae paschali laudes

immolent christiani.

Agnus redemit oves:

Christus innocens

Patri reconciliavit peccatores.

Mors et vita

duello conflixere mirando:

dux vitae mortuus,

regnat vivus.

Dic nobis, Maria,

quid vidisti in via?

Sepulcrum Christi viventis:

et gloriam vidi resurgentis.

Angelicos testes,

sudarium et vestes.

Surrexit Christus spes mea:

praecedet suos in Galilaeam.

Scimus Christum

surrexisse a mortuis vere:

tu nobis, victor Rex,

miserere.

Amen. Alleluia.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Kor 5, 7b-8a

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:

nagħmlu mela festa fil-Mulej.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Kristu kellu jqum mill-imwiet.

Ġw 20, 1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Jew

Evanġelju

L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?

Lq 24, 1-12

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa n-nisa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.

U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet”.

U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.

Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Fil-Quddiesa ta’ filgħaxija jista’ jinqara l-Evanġelju li ġej

Evanġelju

Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.

Lq 24, 13-35

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Dakinhar stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”. “X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu