Qari tat-Tlieta tal-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

Waqqajt lil Iżrael fid-dnub.

1 Slaten 21, 17-29

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, wara l-mewt ta’ Nabot, il-Mulej kellem lil Elija, it-Tisbi, u qallu: “Qum, inżel għand Aħab, is-sultan ta’ Iżrael, li jgħammar f’Samarija. Issibu fl-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot, fejn niżel biex jeħodha f’idejh. U għidlu dan: “Hekk jgħid il-Mulej: L-ewwel qtilt, u issa tisraq!” U żid għidlu: “Hekk jgħid il-Mulej: Fejn il-klieb lagħqu demm Nabot, hemm il-klieb jilagħqu demmek ukoll”.

U wieġeb Aħab lil Elija: “Qbadtni, ja għadu tiegħi?”. Qallu Elija: “Qbadtek, u la darba int begħt ruħek biex tagħmel il-ħażin quddiem il-Mulej, arani jien issa se nġib fuqek il-ħsara; jien neqred nislek warajk, inqaċċat mid-dar ta’ Aħab l-irġiel kollha, ħielsa jew ilsiera, f’Iżrael. U nagħmel mill-familja tiegħek bħall-familja ta’ Ġerobogħam bin Nebat, u bħall-familja ta’ Bagħsa bin Aħija, għax inti għaddabtni u waqqajt lil Iżrael fid-dnub. Il-Mulej tkellem ukoll għal Ġeżabel u qal: “Fuq is-swar ta’ Ġeżragħel lil Ġeżabel għad jikluha l-klieb”. Kull min mill-familja ta’ Aħab imut fil-belt, jikluh il-klieb; u min imut fir-raba’ jikluh it-tajr tal-ajru”.

U tassew, qatt ħadd bħal Aħab ma nbiegħ biex jagħmel il-ħażin f’għajnejn il-Mulej, billi martu Ġeżabel kienet issus warajh. U l-qżież kollu li għamel billi mar wara l-idoli, bħalma għamlu l-Amurrin, li Alla kien keċċa minn quddiem ulied Iżrael. Aħab, malli sama’ dan il-kliem, ċarrat ħwejġu, libes xkora fuq il-laħam, sam, beda jorqod bl-ixkora fuqu, u kien jgħaddi ħiemed ħiemed. U Alla kellem lil Elija, it-Tisbi, u qallu: “Rajt kif Aħab iċċekken quddiemi? Għax iċċekken quddiemi, ma nġibx fuqu l-ħsara fi żmienu; imma fi żmien ibnu nġibha l-ħsara fuq il-familja tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.5-6a.11 u 16

R/. (ara 3a): Ħenn għalina, o Alla fi tjubitek

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.

Dawwar wiċċek minn ħtijieti;

ħassar ħżuniti kollha.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla,

Alla tas-salvazzjoni tiegħi;

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13, 34

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.

Mt 5, 43-48

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu x’intqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu