Id-Djoċesi ta’ Għawdex ikkummissjonat lill-artista Għawdxi Mario Abela logo biex flimkien mal-motto jakkumpanja l-mixja tal-Knisja f’Għawdex matul il-Pjan Pastorali 2021-2022.
Imnebbaħ mill-kelmiet tal-mistoqsija li Kristu Rxoxt għamel lid-dixxipli ta’ Għemmaws: “X’intom tgħidu?” (Lq 24:17), li jixhdu l-interess veru ta’ Ġesù fil-ġrajjiet tagħna l-bnedmin tant li jsir wieħed minna u jimxi magħna t-triq kollha, dan il-logo juri liż-żewġ dixxipli tal-Vanġelu – irraffigurati fil-persuni ta’ mara u ta’ raġel – jiddjalogaw mal-Mulej li miexi f’nofshom. Fl-isfond jidhru wkoll bħal tliet għoljiet li xi ftit jew wisq jevokaw l-Arma uffiċjali ta’ Għawdex.
Matul il-Pjan Pastorali Djoċesan imniedi mill-Isqof Anton Teuma sena wara l-ħatra tiegħu, il-Knisja f’Għawdex bħal Kristu tixtieq tisma’ x’inhu dak li qed iħossu u jgħixu l-Insara fil-komunitajiet lokali. Dan se jsir permezz ta’ ħames fażijiet mifruxa fuq perjodu ta’ sena (Ottubru 2021 – Ġunju 2022): żmien ta’ talb, ta’ smigħ, ta’ eżami tal-kuxjenza, ta’ maħfra, u ta’ ċelebrazzjoni.