Il-Madonna fil-poeżija ta’ Patri Mattew Sultana Kapuċċin

Print Friendly, PDF & Email

Daqs jumejn biss ‘il bogħod miċ-ċelebrazzjoni solenni tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, il-festa li nafuha ilkoll bħala Santa Marija, ta’ sempliċi Patri Kapuċċin li jien, minn qiegħ qalbi ħassejt il-ħtieġa li nuri l-apprezzament tiegħi lejn wieħed mill-poeti tagħna l-Kapuċċini, il-mibki Patri Mattew Sultana. Dan nixtieq nagħmlu billi nsemmi xi ħsibijiet marjoloġiċi fuq Marija kif joħorġu minn xi poeżiji tiegħu.

Għal Patri Mattew Marija hi r-refuġju li tista’ tabilħaqq tfarrġu fin-niket li jinbet f’ħajtu. Fil-poeżija tiegħu F’Riġlejn il-Madonna tal-Grazzja, dan il-Kapuċċin Għawdxi mix-Xagħra hekk jgħannilha lil Ommna Marija: Hawn jien, Madonna, ġejt nitolbok ħniena/ Minn art imbiegħda, Saltna tal-Maltin,/ Id-dwejjaq miegħi, qasmu l-baħar, waslu/ Daħlu f’dal-Maqdes, f’qalbi marsusin. Imbagħad, fit-tieni strofa tal-istess poeżija, napprezzaw bil-kbir il-fiduċja kbira li kellu Mattew fil-faraġ li Marija biss setgħet tagħtih. Jgħannilha hekk fit-tieni strofa: Miegħek, Omm Ħelwa, Illum ġejt niftaħ qalbi,/ Ħniena nitolbok, bħal ma l-ħobż, il-fqir;/ Tajjar, Ħanina, d-dwejjaq minn ġo qalbi,/ Ħniena! tad-dwejjaq tħallinix ilsir.

X’biċċa għerf hi din ħbieb, jiġifieri li meta nkunu imkissrin fis immorru għand Ommna Marija u niftħu qalbna magħha! Illum ngħid li qisu Patri Mattew, f’din il-poeżija, qiegħed jesprimi fi kliem poetiku dak li ħafna minna nħossu meta nkunu għaddejjin minn żmien ħażin issemmix. Min jaf hux kemm, bil-biki u bl-ilfieq tagħna, riżultat tan-niket li ilkoll inġarrbu, inkunu qegħdin nesprimu l-istess kliem li jikteb Patri Mattew fit-tielet strofa ta’ din il-poeżija: Tatni fuq wiċċi l-ħajja b’xorti kiefra,/ Kidditni minn żmien ‘l hawn, ħaqritni sħiħ,/ F’idejja l-bronż idub, id-deheb isaddad,/ il-ħajja għalija għandha biegħa mingħajr qliegħ.

Il-poeta tant jafda f’Marija li se tħarsu waqt in-niket tiegħu li qabel ma telaq minn ħdejha talabha bil-ħniena biex tissokta tfarrġu bi ħnientha. Jgħidilha fl-aħħar strofa ta’ din il-poeżija: Sejjer, Madonna … sejjer … qabel nitlaq/ Ħniena nitolbok, bħal ma l-ħobż, il-fqir,/ Hennili qalbi, nixxef dmugħ għajnejja,/ Ħniena … tad-dwejjaq tħallinix ilsir. Anki fil-poeżija l-oħra tiegħu Quddiem ix-xbieha tal-Madonna ta’ Kemmuna, Patri Mattew jerġa’ isammar fi qlubna l-istess idea: jiġifieri li Marija tgħinna meta ħaddieħor iħallina waħedna, lampa stampa. Aktar ‘l hinn mill-Eġittu,/ F’art fejn mhemmx nies għajjura,/ Fejn mhemmx nies b’qalb t’Erodi,/ U ‘l hawn treġġagħnix lura./ Madonna ta’ Kemmuna,/ Minnek irid l-għajnuna! Ħarrabni fuq il-ħmar.

Il-qawl Malti jgħid: X’jaf min ma ġarrabx! U Marija għalhekk tifhem lilek u lili l-għaliex ġarrbet ħafna niket f’ħajjitha. Dan l-aspett joħroġ b’ċertu qawwa fil-poeżija Waħedha. F’din il-poeżija wieħed jista’ jammira l-ħila tal-poeta Kapuċċin Għawdxi li jżewweġ it-tbatija tal-Iben u tal-Omm u li issa, li l-Iben kien miet, Ommna Marija qed tieħu fuqha dak in-niket kollu li ratu jbati quddiem wiċċha matul il-passjoni mill-aktar ħarxa tiegħu. Fl-aħħar tlett strofi ta’ din il-poeżija tassew espressiva u profonda Patri Mattew jikteb hekk: Fejn hu l-għaxqa ta’ mħabbti? tistaqsi,/ Kif ser ninsa? … kif naqbad nistabar? Liema fomm isabbarni għall-firda/ mill-maħbub Ġesù Ibni? … fil-qabar … Bla tweġiba, bla fomm li jfarraġha,/ L-Omm Imnikkta waħediha tinsab/ Taħt il-qamar, wennies ta’ kull lejla,/ Li qed jixref minn xifer is-sħab. Għax beżgħan, mar jinħeba ġo sħaba/ W għad li kliem ta’ tweġib ma tahiex,/ Ta biex tifhem, xħin ratu mistoħbi: “Ibki! … Ibki, għax għandek għaliex!

Meta wieħed jaqra l-għadd ta’ poeżiji li ħarġu minn qalb Patri Mattew Sultana wieħed malajr jintebaħ li din id-drawwa sabiħa u qaddisa li niftħu qalbna mal-Madonna għandha għeruqha wisq fil-fond tal-istorja tagħna. Xhieda ta’ dan huma l-wegħdi ex voto li jinsabu fis-Santwarji iddedikati lil Marija. Fil-fatt, fil-poeżija tiegħu li ġġib l-isem Wara l-Festa ta’ l-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Grazzja, sewwa sew fis-seba u fit-tmien strofa, Patri Mattew jikteb hekk: Missirijietna Fik tamiethom xeħtu/ Fis-sigħat koroh, fl-eqqel ġrajjiet;/ Jixhed Maqdiesek jekk tajthomx għajnuna,/ Miksi minn ħajt sa ħajt b’radd ta’ wegħdiet. L-istess imħabba ta’ missirijietna,/ Wara sensiela ta’ mijiet ta’ snin,/ Għadha tiġġedded ta’ kuljum fi qlubna,/ Bħal wirt għażiż ta’ dawn il-qalbenin.

Fil-poeżija ta’ strofa msejħa Lill-Madonna tad-Duluri, Patri Mattew jgħid lil Marija li hu għaliha ħaġa waħda għandu x’jagħtiha: qalbu! U qalbu mnikkta! B’imħabba kbira lill-Madonna jgħannilha hekk: M’għandix x’nagħtik, Madonna tad-Duluri,/ M’għandix x’nagħtik, jien l-ifqar fost il-ħlejjaq, Qalbi nista’ nagħtik, jekk nagħtihielek/ Ma fihiex ħajr; biżżejjed għandek dwejjaq.

Fil-kliem tal-Innu f’Jum il-Festa ta’ l-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Grazzja Patruna Prinċipali tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, Patri Mattew jagħti lista tassew sabiħa u nteressanti ta’ titli lil Marija. Fit-tnax-il strofa ta’ dan l-Innu, il-Patri Kapuċċin mix-Xagħra jgħannilha hekk lil Marija: Int Fawwara ta’ kull grazzja,/ Ġilju safi tal-widien,/ Ġnien magħluq, Għamara t’Alla,/ Warda tfuħ, Qawsalla lwien,/ Baħar ġmiel, Xmara qdusija,/ L-akbar għaġeb fil-ħolqien.

F’sunett Petrarkan tassew sabiħ, li jġib l-isem Sunett lill-Madonna ta’ Lourdes Meqjuma fix-Xatt t’Għawdex,Patri Mattew jgħid li l-ħolqien kollu jsellem lil Marija. Hekk jgħannilha minn qalbu lil Marija l-poeta Kapuċċin fit-tieni strofa ta’ dan is-sunett: Xemx, qamar, kwiekeb, b’dawlhom kollu dija,/ Is-smewwiet b’lewnhom, u l-għasafar bl-għana,/ Sħab, riħ u xita, baħar w art, Marija, Magħna jtennulek: “Sliem Għalik, Sultana!” Imma l-għaliex tant imħabba lejn Marija? Minħabba l-ħarsien matern tagħha.

Jgħidilna Patri Mattew fit-tielet u r-raba’ strofa ta’ dan is-sunett: Kull meta nirfsu ‘l Għawdex, jew immorru/ Lura, lejn Malta, żommna b’ulied tiegħek./ Agħmel li f’qalbna mħabbtek magħna nġorru.  U nġorru mħabbitha ta’ Omm għax magħna Marija hi bil-wisq ħanina! Tgħidilna l-aħħar strofa ta’ dan is-sunett Petrarkan: Ibqa’, Ħanina, ibqa’ lilna stenna/ Sakemm tarana lkoll miġbura miegħek,/ Bħal omm m’uliedha, fl-art imbagħad fil-Ġenna.

Marija hi r-refuġju tagħna fid-dwejjaq kollha tagħna. U dan tagħmlu kemm l-għaliex hi Ommna u kif ukoll l-għaliex hi stess ġarrbitu f’ħajjitha meta qatlulha lil Binha Ġesù quddiem għajnejha. Ejjew, fit-taqsimiet kollha ta’ ħajjitna, nirrikorru bl-akbar ħrara għand Ommna Marija ħalli, bit-talb u l-kura tagħha ta’ omm, nissuktaw fil-mixja tagħna lejn Ġerusalemm tas-Sema. U, sakemm naslu hemm, għandna għalina id Ommna Marija, mimlija sabar, ħniena u mogħdrija, sakemm ngħaddu minn dan il-Wied tad-Dmugħ u nidħlu ferħana magħha fis-Saltna dejjiema tal-hena, il-paċi u s-sliem. Amen!

Kellimha lil Madonna! Għidilha minn xiex għaddej u għaddejja! U itlob it-talba tagħha, ir-Rużarju Mqaddes kuljum. Imbagħad innota d-differenza!

Patri Mario Attard OFM Cap