Importanti! Importanti!…

Print Friendly, PDF & Email

Ħajti mal-pazjenti, mal-familjari u mal-membri tal-istaff dejjem tlaqqagħni ma’ stejjer differenti li minnhom il-Mulej jgħallem lili u bihom jgħallem ukoll, (almenu nittama), lil dawk kollha li jlaqqagħni magħhom. Kemm hi sabiħa l-ħajja hux anki jekk xi kultant, jew ħafna drabi, tkun imwaħħla wisq fil-mixja iebsa u twila tal-mard onkoloġiku ħbieb!

Għadni qed narah qisu issa, fis-sala. Quddiemi. Dejjem niftakru jkun imdawwar b’tant imħabba ta’ martu u taż-żewġ uliedu li qatt ma ħallewh imqar għal waqt wieħed. Nammetti li kont nieħu gost inżuru. Tiskanta! Kont tkun ħdejh u mill-ewwel tinsa t-toqol li jkollok fuq spallejk. Dan l-għaliex, fil-preżenza tiegħu u tal-familja tiegħu, kont inħoss il-qawwa tal-imħabba tal-familja. L-imħabba taż-żwieġ. L-imħabba lejn l-ulied. L-imħabba ta’ bniedem li l-kelma li kien ta fuq l-artal, tant snin ilu, baqa’ jżommha bla mittiefsa sal-aħħar. Kienu x’kienu ċ-ċirkustanzi li kellu jgħaddi minnhom. X’kapaċi tagħmel hux l-imħabba vera! Dik l-imħabba li mhix biss sentiment, (għalkemm dan għandu jkun għax inkella …), imma impenn li jissarraf f’dedikazzjoni tal-għaġeb. U kemm kapaċi l-imħabba tibqa’ tħabbel rasha ħa tieħu dejjem ħsieb, tħares u anki teħles lil dawk li tħobb!

Għall-bidu kien ifendi xi kelma. Emmnuni li kont nagħmel li nista’ biex noqgħod nisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Xejn xejn biex nidħol f’diskursata miegħu. Madankollu, meta beda għaddej iż-żmien, ma stajtx nifhmu aktar. Id-diskors fuq fommu sar wisq diffiċli biex tifhmu. Imma anki meta naqset fih il-ħila li jkun jista’ jitħaddet għalih innifsu biex jesprimi ruħu, il-ġesti tiegħu baqgħu jarmu mħabba fi mħabba. Dawn l-għajnejn kbar u sbieħ tiegħu fihom kien hemm id-dinja tal-familja li għaliha tant wettaq sagrifiċċji. Minn dik il-ħarsa tiegħu kienet ċara daqs il-kristall li l-familja kienet il-mimmi t’għajnejh. Ir-raġuni waħdiena li għaliha kien qed jgħix hawn magħna fuq l-art.

Mhux l-ewwel darba li fil-kamra fejn kien ikun konna niċċelebraw il-quddiesa. Kemm kien jistennieha bil-ħerqa ċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija! Fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristiku kien tabilħaqq iħossu bniedem ieħor. Issa nista’ nifhem aktar kemm kien jitfarraġ bil-bosta meta kien jirċievi l-Ewkaristija Mqaddsa! Għax lil Ġesù kien iħobbu tassew! Mhux biss għax kien qiegħed jgħixf’dawk il-mumenti iebsa li kien għaddej minnhom bħala pazjent u kellu bżonn l-għajnuna tiegħu. Lil Ġesù kien ilu minn snin snin qabel li beda jħobbu bis-serjetà.

Dan il-punt ħareġ ċar kristall fiċ-ċelebrazzjoni li kienet saret aktar tard ta’ ħajtu. Fi Knisja mdewdwa bin-nies sirt naf li Ġesù kien għalih preżenti fir-responsabbiltajiet li kienu jitfgħulu fuq spallejh. Għal kuntrarju ta’ xi wħud li kienu jaħarbu jiġru quddiem il-piżijiet tad-dover li dawn ir-responsabbiltajiet kienu jġibu magħhom, hu baqa’ hemm, taħt is-salib tal-qadi fit-tmexxija. U dan baqa’ jwettqu mhux biex jinqeda hu. Anzi! Dan issokta jagħmlu l-għaliex fehem li l-imħabba bħala servizz tfisser li tingħata b’tali mod li tinsa lilek innifsek. Hekk kien jimxi ma’ dawk li kienu jiddependu mis-servizz tiegħu!

Darba minnhom, wara li kont dħalt wara tlett ijiem nieqes mill-isptar, fettilli immur inżuru biex nara ftit kif inhu. Dħalt u nsib lil martu u lil uliedu ħdejh. Kemm edifikajt ruħi meta rajtu jħares lejhom b’dik il-ħarsa li kienet tfisser ħafna imħabba, għożża u kura. Għax avolja ma setax jitħaddet minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu madankollu għajnejh kienu iwa jitħaddtu waħedhom.

Imbagħad, f’daqqa waħda, b’idu l-leminija beda bħal jgħodd mill-wieħed sal-erba’. U wara li ħareġ l-aħħar subgħa tiegħu, qisu qed jgħodd xi ħaġa tabilħaqq meħieġa fuq li meħtieġa, qal hekk b’leħen ċarissmu: Importanti! Importanti!… Ippruvjajt nara x’ried jgħid biha. Imma, aktar ma ħabbilt rasi aktar ma stajtx naqbad art. Importanti! Importanti! “Imma x’hiex importanti?”, bdejt nistaqsi kontinwament lili nnifsi. U t-tweġiba malajr ġiet l-għaliex aktar tard martu tagħtni t-tifsira ta’ kollox!

Kemm hi sabiħa l-għaqda fil-familja! U l-għaqda aktar tingħaqad meta l-familja tgħaddi mill-burraxki tal-ħajja, bħalma hu l-burraxka tal-mard. Huwa hawn li l-vera importanza tal-għaqda tal-familja tassew li toħroġ b’qawwa kbira. Huwa f’din it-tip ta’ burraxka li l-familja iseħħilha tiskopri fejn qegħdin is-sisien vera tal-imħabba u l-għaqda li bihom u għalihom hi mwaqqfa. Meta niftakar f’din l-esperjenza jiġuni naturali l-kliem li Papa Franġisku kiteb fl-eżortazzjoni appostolika postsinodali tiegħu dwar l-imħabba fil-familja, Amoris Laetitia:

Iż-żwieġ hu sinjal prezzjuż, għax “meta raġel u mara jiċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ, Alla, biex ngħidu hekk, jidher fihom ‘bħal f’mera’, inaqqax fihom il-fattizzi tiegħu u l-karattru ta’ mħabbtu li ma jitħassarx. Iż-żwieġ hu l-ikona tal-imħabba ta’ Alla lejna. Fil-fatt, Alla nnifsu hu komunjoni: it-tliet Persuni tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu jgħixu sa minn dejjem u għal dejjem f’għaqda perfetta bejniethom. U hu proprju dan il-misteru taż-żwieġ: miż-żewġ għarajjes miżżewġa Alla jagħmel ħajja waħda”. Dan għandu konsegwenzi konkreti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum, għax il-miżżewġin, “grazzi għas-Sagrament […] jitlibbsu b’missjoni vera u proprja, biex, ibda mill-ħwejjeġ l-aktar sempliċi u ordinarji, jistgħu jagħmlu viżibbli l-imħabba li biha Kristu jħobb lill-Knisja tiegħu, u jissokta jagħti ħajtu għaliha, fil-fedeltà u l-qadi” (nru.121).

Mank dan il-kliem jidħol sa ġewwa nett fil-familji kollha tagħna! Mank il-ħin tal-familja jibqa’ sagru u ma jinbidel ma xejn! Mank il-ħajja ta’ kull familja f’pajjiżna tibqa’ tkun ċelebrazzjoni ta’ kemm dak li jgħaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem! Għax, ħbieb, importanti! Importanti!…

Patri Mario Attard OFM Cap