Qari tal-11 ta’ Lulju – San Benedittu, Abbati

Print Friendly, PDF & Email

11 ta’ LuljuSan Benedittu, Abbati, Patrun tal-Ewropa – Festa

Qari I

Pr 2: 1-19

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji

Ibni, jekk tilqa’ kliemi, jekk taħżen għandek il-preċetti tiegħi, biex widnejk jagħtu widen għall-għerf u tiftaħ qalbek għall-għaqal, iva, jekk issejjaħ lid-dehen u tgħajjat lill-għaqal, jekk tfittxu daqs li kieku fidda u tistħarreġ għalih daqs li kieku teżori, imbagħad tifhem xinhu l-biża’ tal-Mulej u tikseb il-għarfa ta’ Alla. Għax hu l-Mulej li jagħti l-għerf, u l-għarfa u l-għaqal minn fommu joħorġu; hu jerfa’ għajnuna għan-nies sewwa, hu tarka ta’ dawk li jimxu sħaħ, iħares il-mogħdijiet tal-ħaqq u jgħasses tajjeb fuq it-triq ta’ ħbiebu. Imbagħad tifhem xinhu s-sewwa u l-ħaqq u d-dritt u kull triq tajba.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

33: 2-4.6.9.12.14-15

R/. Kull ħin imbierek il-Mulej!

Kull ħin imbierek il-Mulej,

tifħiru dejjem f’fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi, 

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Kabbru l-Mulej miegħi,

u ngħollu ismu flimkien.

Ħarsu lejh u tiddi bil-ferħ,

u wiċċkom ma jistħix. R/.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ejjew, uliedi, isimgħuni:

jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Mt 5:3

R/. Hallelujah

Henjin il-fqar fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mt 19:27-29

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Pietru qal lil Ġesù: “Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk, issa x’sa nieħdu?”

Ġesù qalilhom: “Tassew, ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq it-tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Israel. U kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.